L-Imam Mohamed El Sadi mistieden għall-Pontifikal tal-Assunta

 

img_1633.jpg

 Fuq stedina tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, dalgħodu għall-Pontifikal Solenni ta’ Santa Marija fil-Katidral ta’ Għawdex kien preżenti Mohamed El Sadi, l-Imam tal-komunità Musulmana f’Malta.  Dan bħala ġest ta’ fraternità bejn il-komunitajiet Insara u Musulmani lokali, speċjalment fil-kuntest internazzjonali attwali.

Ritratt: Betty Bugeja

_________________________________

Omelija fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
It-Tnejn 15 ta’ Awwissu 2016, Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

GĦODDA TAL-PAĊI

Ħafna mill-adulti tagħna għadhom jiftakru l-esperjenza kerha tal-Aħħar Gwerra Dinjija. Wara dik il-ġrajja mdemmija kien hemm ħafna li daħlu fi kriżi ta’ fidi. Dawn bdew jistaqsu kif quddiem din il-kefrija Alla baqa’ assenti – il-mistoqsija naturali kienet fejn kien Alla! Kien hemm min tfixkel qatigħ għaliex ħassu interpellat mis-silenzju ta’ Alla. Saħansitra t-teologu Bultmann ħareġ b’espressjoni qawwija: Alla huwa totalment differenti u neħtieġu definizzjoni ġdida ta’ Alla.

Biżżejjed insemmu l-kamp ta’ sterminju ta’ Auschwitz, li huwa simbolu qawwi tal-ħażen radikali li hemm fil-qalb tal-bniedem. Effett ta’ din l-esperjenza, il-Lhud bdew jistaqsu kif Alla abdika mir-responsabbiltà tiegħu u ħalla lill-bniedem jiżra’ daqshekk tbatija u mwiet ta’ persuni innoċenti. Primo Levi, Lhudi li ħareġ ħaj minn dan il-kamp, joħroġ bl-espressjoni illi ladarba kien hemm Auschwitz, Alla mhux hemm. Quddiem din il-vjolenza li kien kapaċi jikkawża l-bniedem, is-skiet ta’ Alla kien itarrax.

Fi kliem il-Papa Franġisku llum ukoll għaddejja t-“Tielet Gwerra Dinjija” – imma hija “gwerra bil-biċċiet”. Xi wħud jippruvaw jagħtu libsa reliġjuża lil din il-gwerra u jgħidu li hija gwerra bejn ir-reliġjonijiet. Imma min-natura tagħha ebda reliġjon, inkluża dik Musulmana, ma temmen fil-vjolenza; reliġjon li tħaddem l-arma tal-vjolenza tkun tikkontradixxi lilha nfisha. Jekk għandna ħjiel ta’ min hu Alla, ma nistgħux inkunu promuturi tal-vjolenza u l-qtil.

X’inhuma dawn il-gwerer? Hemm dawk li għaddejja fuq livell internazzjonali. Barra l-ġlied bl-armi hemm gwerer oħra. Fil-fatt hemm il-gwerer stimulati mill-qawwiet finanzjarji – dawk li, għaliex għandhom interessi ta’ flus, ikesksu lill-bnedmin u lir-reliġjonijiet biex hekk tkompli tikber id-distanza bejn dawk li għandhom u dawk li ma għandhomx.

Għandna l-gwerer ideoloġiċi. Hemm min għandu ċertu twemmin, anki dwar min hu l-bniedem, u jrid jimponi definizzjoni fallaċi dwar il-bniedem. Din hija gwerra tal-imħuħ li għandha wkoll strateġija djabolika billi tipprova timponi dawn il-fehmiet fuq l-istudenti fl-iskejjel.

L-atturi ta’ dawn il-gwerer ma humiex nies bl-azzarini imma persuni bl-ingravata u l-ġlekk!

Imbagħad hemm gwerer aktar sottili. Għandi f’moħħi l-kunflitti li hemm fil-familji tagħna. Miżżewġin bil-kanuni ppuntati lejn xulxin. Familji miksura bejniethom. Ġenituri u wlied ma jitkellmux. Aħwa rrabjati kontra aħwa. Hemm kunflitti li qed jeqirdu l-gruppi, anki minħabba l-pika. Il-fanatiżmu fil-kamp reliġjuż jagħmel ħafna ħsara: ixellef il-komunjoni ta’ bejnietna. Imbagħad hemm gwerer iddikkjarati bejn individwi. F’soċjetà kompetittiva fejn hemm tellieqa għall-poter, faċli li wieħed jipprova jitla’ fuq dahar ħaddieħor biex bis-sewwa jew bid-dnewwa jieħu vantaġġ fuq sieħbu. Imġiba ta’ din ix-xorta, li teżisti anki fil-Knisja, iġġib magħha għadd ta’ skontri u feriti. Iva, dawn huma wkoll parti mill-gwerra bil-biċċiet.

Ma nistagħġibx li quddiem dawn il-kunflitti, ir-reazzjoni tagħna tkun bħal dik tal-Lhud wara Auschwitz; anzi, nistagħġeb jekk ma nqajmux dawn il-mistoqsijiet eżistenzjali – għax aħjar nagħmlu dawn il-mistoqsijiet milli nibqgħu indifferenti.

Is-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija tagħtina dawl fuq il-mysterium iniquitatis. Alla għażel lil Marija biex permezz tal-istorja tagħha, jibgħatilna messaġġ qawwi biex ma nħallux il-biża’ u d-dubju jkissruna; permezz ta’ Marija, Alla qed jgħidilna nagħmlu l-qalb għax jekk irridu, nistgħu negħlbu l-qawwiet tad-dlam li qed jiġġeneraw dawn il-kunflitti. Il-psikoanalista Carl Gustav Jung f’kitba tiegħu dwar “it-tweġiba lil Ġob”, josserva li d-Domma tal-Assunzjoni turina li l-ħażen mhux daqshekk katastrofiku u qerriedi daqskemm jidher.

Fil-fatt fir-rakkont tal-ewwel waqgħa tal-bniedem fil-ktieb tal-Ġenesi, naqraw li s-serp, simbolu tal-ħażen, weġġa’ lill-bniedem meta widdbu biex imur kontra l-pjan li Alla poġġa fil-ħolqien. Hawnhekk Alla jintervieni favur il-bniedem. Alla jgħid lis-serp li kien ser iqajjem mibegħda bejnu u bejn mara, bejn nislu u nisilha, u “hu jisħaqlek rasek u int tgħattanlu għarqubu” (Ġen 3:15). Dan ifisser li għalkemm jolqot lill-bniedem, il-ħażen mhux ir-rebbieħ għax in-nisel ta’ din il-mara (Marija) jifqagħlu rasu u jirbaħlu. F’dan il-protovanġelu għandna l-ewwel tħabbira dwar Marija: mhux biss li l-ħażin ma jagħmlilha xejn, imma hi ssir strumentali biex in-nisel tagħha, Ġesù, jirbaħ fuqu. Il-ħażin ser jagħmlilha tagħtina imma mhux ser jirbħilha.

Il-ktieb tal-Apokalissi wkoll jitkellem fuq taqbida bejn il-mara li tkun liebsa bħax-xemx u d-dragun kbir minn lewn in-nar (ara 12:1). Id-dragun, personifikazzjoni tal-ħażen, huwa lest biex jibla’ l-wild ta’ din il-mara, imma t-tir tiegħu jmur żmerċ għax ħareġ tellief. Marija tirbaħ fuq il-qawwa tal-ħażen.

Anki l-festa tal-Assunzjoni ta’ Marija hija dikjarazzjoni oħra li tikkonferma li l-ħażen mhux daqshekk katastrofiku u li Marija hija rebbieħa fuq kull għamla ta’ ħażen. It-tlugħ tagħha fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem fisser li Marija għelbet il-mewt, li hija l-agħar għamla ta’ vjolenza konsegwenza tad-dnub tal-bniedem. B’għajnejna fuq l-Assunta, ma’ San Pawl nistgħu ngħidu: “Inbelgħet il-mewt bir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?” (1 Kor 15:55).

Għalhekk nagħmlu l-qalb quddiem dan id-dramm tal-“gwerra bil-biċċiet”; imma ma nistaqsux Alla fejn hu. F’Auschwitz, il-bniedem l-ewwel staqsa fejn hu Alla, imma xħin waqaf jirrifletti, hu bidel il-mistoqsija u minflok beda jistaqsi fejn kien il-bniedem! Quddiem dak id-dellirju tal-vjolenza, dak li skandalizza ma kienx is-skiet ta’ Alla daqskemm is-skiet tal-bniedem, tal-popli u tan-nazzjonijiet. Verament għandu jqanqal fina mistoqsijiet serji meta quddiem il-waħx tal-vjolenza l-bniedem ma jagħmel xejn. Agħar minn hekk, nistaqsu għaliex il-bniedem iħalli tbejjet f’qalbu din il-mibegħda u l-aggressività lejn ħutu l-bnedmin. Għalhekk il-mistoqsija li f’din il-qagħda tremenda li qegħdin ngħixu għandna nistaqsu lilna nfusna hi x’parti qegħdin nilagħbu f’din l-arena.

Ħafna jiddependi minn x’hemm miżrugħ fil-qalb tagħna. Għax kif jgħid Ġesù, dak li verament iħammeġ lill-bniedem huwa dak li joħroġ mill-qalb. Il-vjolenza, l-aggressività, l-għira, il-gidba, il-faħx, iż-żina, il-malafama, il-mibegħda, il-vendetta, il-qtil – kollox joħroġ mill-qalb tagħna. Huma dawn is-sentimenti egoistiċi li jqabbdu l-gwerer ta’ bejnietna. Ommna Marija ma kellha xejn minn dan, għax f’qalbha ma kien hemm ebda dell ta’ ħażen. Mingħajr tebgħa tad-dnub u mimlija bil-grazzja, fl-ebda mument tal-ħajja tagħha ma setgħet tiddellel bil-ħażin. Għall-kuntrarju, hija kienet strument f’idejn Alla biex ikollna l-paċi.

Nitlob lil Alla biex ibattal il-qalb tagħna minn dak kollu li jista’ jqabbad in-nar qerriedi – minn dak kollu li jista’ jnissel ġlied, firdiet u qtil. Għandna naħdmu biex fi spirtu ta’ djalogu nisimgħu aktar lil xulxin fi spirtu ta’ tolleranza. Xieraq li ma nkunux ħfief li npattu lil min jagħmlilna d-deni, li ngħajru lil min jgħajjarna. Lil min jinbxek, tinbxux lura. Kif jgħallimna l-Imgħallem, “min jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq wiċċek, dawwarlu ħaddejk l-ieħor. Ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-Smewwiet” (Mt 5:39,44-45). F’dan kollu wieħed jista’ jidher li huwa ġifa, ġwejjed, dgħajjef u ċkejken. Hekk kienet Marija li llum qegħdin insellmulha fil-glorja tal-Assunzjoni. Inħallu l-qawwa ta’ Alla taħdem fina biex inkunu għodda tal-paċi.

F’din l-isfida li għandna biex nitfu l-ħġejjeġ fid-diversi kuntesti tal-ħajja, nara li nistgħu naħdmu ħafna ma’ ħutna li jemmnu f’Alla wieħed – mal-Lhud li huma ħutna l-kbar, u ma ħutna l-Musulmani.

Il-qtil ta’ saċerdot f’Rouen, fi Franza, ftit ġimgħat ilu, u ta’ Imam u assistent tiegħu li sar ilbieraħ fi Queens, New York, ma għandhomx ibegħduna minn xulxin lilna l-Insara u l-Musulmani. Anzi, aħna u l-poplu tal-Koran għandna patrimonju komuni li hija Marija ta’ Nazareth. Il-Madonna hija l-unika mara msemmija fil-Koran. Miljuni ta’ Musulmani jagħmlu pellegrinaġġi lejn s-santwarji Marjani. Minn xi sitt snin ’l hawn fil-Libanu l-komunità Nisranija u dik Musulmana jiċċelebraw flimkien il-festa tal-Lunzjata. Bħalna, il-Musulmani jemmnu li Marija ma tafx x’inhu l-qabar. Ta’ kull sena eluf ta’ Musulmani jmorru f’Efesu fejn skont it-tradizzjoni Nisranija hemm id-dar tad-Dormizzjoni ta’ Marija – fejn Marija “raqdet” (mietet) qabel ma ġiet imtellgħa s-Sema. Daqshekk aħna l-Insara u l-Musulmani aħna qrib xuxlin! Bejn iż-żewġ reliġjonijiet hemm id-differenzi, imma jkun jaqbel jekk infittxu u napprezzaw dak li jqarribna lejn xulxin. Ma għandux iħassibna li fostna għandna persuni li jemmnu f’Alla imma ma humiex Insara; dak li għandu jinkwetana hu meta hemm bnedmin li ma għandhomx sens ta’ Alla, minkejja li huma mgħammdin. Għandi tama qawwija li din it-talba flimkien, Kattoliċi u Musulmani,  tgħinna nifhmu aktar lil xulxin, aħna li naduraw l-istess Alla, tgħinna negħlbu ħafna mill-preġudizzji li għandna u hekk nikkollaboraw flimkien biex ikun hawn il-paċi.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika Omm il-Feddej jikteb li “Marija tieħu sehem b’mod matern fit-taqbida iebsa kontra l-qawwiet tad-dlam li jikkaratterizzaw l-istorja tagħna l-bnedmin” (47). B’din is-silta nixtieq inħallikom f’din l-għodwa sabiħa ta’ Santa Marija. L-Assunta takkumpanjana f’din il-“gwerra bil-biċċiet” li għaddejjin minnha. Inkunu aħna wkoll bħalha, għodda tal-paċi.