300 sena mid-Dedikazzjni tal-Katidral tal-Assunta

 

serata-muziko-letterarja-300-katidral.jpg

Messaġġ f’Lejla ta’ Tifkira tat-Tliet Mitt Sena mid-Dedikazzjoni
tal-Katidral ta’ Għawdex (1716 – 11 ta’ Ottubru – 2016)
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 5 ta’ Awwissu 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ILBIERAĦ U LLUM

Inħossni kburi li ninsab f’din il-knisja li ġiet ikkonsagrata tliet mitt sena ilu u maż-żmien saret il-Katidral tad-Djoċesi. Waqt li llejla kont qed nisma’ ż-żewġ diskorsi prinċipali dwar l-istorja kif ukoll l-eżekuzzjoni mużikali, ħassejt sodisfazzjon kbir għaliex stajt napprezza l-għeruq tagħna mhux biss bħala Għawdxin imma wkoll bħala Nsara.

Osservajt li sa minn qabel id-Dedikazzjoni ta’ din il-knisja, dejjem kien hawn grupp ta’ saċerdoti li jiltaqgħu regolarment biex jitolbu. Illum ftit huma fid-dinja dawk il-kolleġġjati fejn il-kanonċi kuljum jinġabru flimkien biex ifaħħru lil Alla f’isem din il-Knisja partikulari. L-istorja hija sabiħa u napprezza l-pubblikazzjoni li ser issir dwar l-istorja u t-teżori ta’ dan il-Katidral, għax nibża’ li l-ġenerazzjoni li tielgħa ma għandhiex biżżejjed sens ta’ storja – qed nirreferi kemm għall-istorja ekkleżjastika u kemm għal dik ta’ ġensna li hija verament nobbli u tagħmlilna ġieħ. Għalhekk irrodd ħajr lill-Professur Stanley Fiorini u lil Monsinjur Joseph Bezzina għar-riflessjonijiet u r-riċerka tagħhom.

Nagħmlu sew nikkonservaw l-istorja; imma barra mill-istorja, jien jinteressani l-ħolm tagħna għall-ġejjieni. Għad jgħaddu tliet mitt sena oħra u ta’ warajna jerġgħu jfakkru l-anniversarju tad-Dedikazzjoni. Imma ma nixtieqx li meta tagħmel dan, il-komunità djoċesana futura terġa’ tirrepeti dak li qed isir illum! Għalhekk hija responsabbiltà tagħna li llum aħna niktbu paġni ġodda fil-ħajja tal-Knisja lokali bit-tama li kif illum aħna qegħdin nisimgħu r-rakkont ta’ kif matul is-snin il-komunità għexet il-fidi Nisranija, ’il quddiem għad jirrakkontaw kif illum aħna tajna espressjoni kontemporanja lit-twemmin tagħna.

Skont l-ikonografija antika, fuq l-ark trijonfali tal-bażiliċi kienu jpittru “katedra” (siġġu) u fuqha jpoġġu biss is-Salib glorjuż jew il-Ħaruf tal-Għid. Is-siġġu vojt ifisser li l-ġemgħa Nisranija kienet qed tistenna ħerqana r-ritorn ta’ Ġesù. Hekk ukoll illum. Il-katedra fiċ-ċentru ta’ din il-knisja għandha tfakkarna li huwa Kristu li jippresiedi din il-komunità. Għalhekk nixtieq li anki l-knisja Katidrali, li tiġbor fiha lill-komunità djoċesana – inkluża l-komunità parrokkjali marbuta mal-Katidral –, tara x’tista’ tagħmel biex Kristu jibqa’ l-fus tagħha. Jiddispjaċini ngħid li din il-motivazzjoni mhix dejjem ċara fil-menti ta’ ħafna. Jekk hawnhekk hawn il-katedra minn fejn l-Isqof djoċesan iwassal u jfisser il-Kelma ta’ Alla li saret laħam – Ġesù Kristu, – inħeġġiġkom ilkoll, kanonċi, presbiteri, reliġjużi u lajċi, biex naraw kif ser nagħmlu minn din il-knisja “ċentru” li jlaqqa’ lil dawk li widnejhom jikluhom biex jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u, imqanqlin minnha, jiċċelebraw liturġikament il-preżenza ta’ Kristu.

Illejla tgħaxxaqt nisma’ dawk is-siltiet ta’ mużika sagra misluta mill-arkivju ta’ dan il-Katidral. Il-livell u s-solennità ta’ din il-mużika jixhdu kemm l-antiki kellhom għal qalbhom il-liturġija. Imma meta mitt sena oħra jiġu biex ifakkru l-liturġija ċċelebrata f’dan il-Katidral, dawn ser ikollhom jesegwixxu mużika tas-sekli tmintax jew dsatax, jew ser isibu espressjoni mużikali li timmarka kif qed niċċelebraw il-liturġija llum? Nemmen li għandna bżonn ninvestu biex ma nibqgħux inkunu repetittivi u nużaw ġeneru u stil mużikali li għalkemm sbieħ, ftit li xejn huma espressjoni ta’ talba komunitarja. Ma nistgħux nibqgħu nittrasportaw fl-awla liturġika tagħna mużika sagra li nkitbet f’kuntest liturġiku li llum għadda żmienu. Biex noħorġu minn ghetto liturġiku u mużikali, nixtieq nara aktar impenn biex ikollna kompożizzjoni ta’ mużika sagra u kant liturġiku li verament ikunu espressjoni vokali u strumentali fl-esperjenza ċelebrattiva tal-Knisja. Jekk minn naħa huwa tajjeb li nikkonservaw u napprezzaw il-patrimonju tal-mużika sagra li waslilna mill-antenati, min-naħa l-oħra nħoss li għad għandna vojt. Xħin tqis li l-Katidral għandu jkun il-vetrina għal-liturġija fid-Djoċesi kollha, nixtieq li f’din l-okkażjoni nistaqsu x’jista’ jsir biex verament ngħinu lill-poplu ta’ Alla jiċċelebra lil Ġesù Kristu.

Kif għidt aktar ’il fuq, din il-knisja tissejjaħ Katidral għaliex fiha hawn il-katedra (is-siġġu) tal-Isqof; imma nixtieq inwessgħu dan il-kunċett ta’ “katedra” u naraw x’inizjattivi nistgħu nieħdu biex kull persuna tħoss li hawn ġew għandha “siġġu” mħejji għaliha. Dan il-Katidral ikun tassew katidral jekk kull min hu għajjien fil-mixja tal-ħajja u qed ifittex il-mistrieħ, isib “siġġu” f’dan il-Katidral biex jistrieħ fuqu u bil-waqfa tiegħu f’dan it-tempju jerġa’ jikseb is-saħħa biex ikompli triqtu. Peress li l-Katidral jippresiedi fil-karità, nistedinkom biex dan l-anniversarju ta’ tliet mitt sena mid-Dedikazzjoni tfakkruh ukoll bi proġett ta’ karità. Jien nagħtikom l-appoġġ tiegħi jekk toħolmu bi proġett fejn tkunu tistgħu toffru xi għamla ta’ “katedra” (siġġu) lill-foqra ta’ żminijietna.

Imma biex naslu għal dan, meħtieġ li nfarfru ftit mill-għabra l-ekkleżjoloġija li għandna. F’ċerti aspetti għadna bilkemm xammejna l-ekkleżjoloġija tal-Konċilju Vatikan II. Meta nqis li qegħdin f’dan il-Katidral li huwa l-Knisja Omm fid-Djoċesi, illum nirrakkomandalkom biex bħala Katidral torganizzaw seminar ta’ studju dwar l-ekkleżjoloġija llum, partikularment l-ekkleżjoloġija li qed jindika l-Papa Franġisku – biżżejjed nieħdu f’idejna l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium.

Il-Papa Franġisku jgħidilna li aħjar ikollna Knisja li titħammeġ u tingiref għaliex toħroġ fit-triq, milli jkollna Knisja mużew. Biex ma nkunux Knisja vetrina tal-istorja u tal-kultura reliġjuża, hemm bżonn naħdmu biex fil-knisja Katidrali jkun hawn “siġġu” għal kulħadd – sew għal dawk li huma f’komunjoni magħna u sew għall-pellegrini li qatt ma semgħu bi Kristu. Ħadd ma għandu jaħseb li hawn ġewwa ma għandux siġġu jew li hu eskluż milli jkollu siġġu. Il-fatt li l-Katidral tagħna huwa waqfa obbligatorja għat-turisti li jżuru lil din il-gżira, jixprunana biex naħsbu bis-serjetà x’ħidma pastorali nistgħu nwettqu magħhom.

Nittama li l-ftit pinzellati li offrejt illejla b’dan il-messaġġ ikunu għalikom ta’ ispirazzjoni biex issir xi ħaga ħalli wara li jgħaddi ż-żmien, kif illum iċċelebrajna lbieraħ, ta’ warajna jfakkru llum.