Archive for August, 2016

Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċi - Settembru 2016

Niżżel kopja tan-Newsheet minn hawn: newsheet-settembru-2016.pdf

Funeral tal-Kanonku Dun Ġiljan Refalo Rapa

refalo-rapa-julian.jpgNixtiequ ninfurmaw li l-funeral tal-Kanonku Dun Ġiljan Refalo Rapa se jsir fil-Bażilika tal-Bambina, ix-Xagħra, nhar il-Ħamis 1 ta’ Settembru 2016. Il-programm tal-funeral se jsir b’dan il-mod:
4.30pm: Kant tas-Salmi fl-Oratorju tal-Passjoni
4.45pm: Korteo mill-Oratorju tal-Passjoni għall-Bażilika
5.00pm: Quddiesa tal-funeral immexxija mill-E.T. Mons. Isqof George Bugeja, OFM.

Il-Kanonku Ġiljan Refalo Rapa miet il-Ġimgħa, 26 ta’ Awwissu 2016, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn kien ġie rikoverat fl-aħħar jiem, fl-għomor ta’ 92 sena. Dun Ġiljan twieled fid-29 ta’ Lulju 1924. Din is-sena kien qiegħed jiċċelebral-25 sena mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu.

Dun Ġiljan kien miżżewweġ, missier u nannu. Wara li safa armel, fuq stedina ta’ Mons. Isqof Nikol Cauchi kien studja għal saċerdot f’Ruma. Hu ġie ordnat saċerdot mill-istess Isqof Cauchi fit-22 ta’ Ġunju 1991. Minbarra l-ħidma tiegħu bħala għalliem, edukatur u letterarju, Dun Ġiljan jibqa’ mfakkar għall-ħidma saċerdotali eżemplari tiegħu favur il-morda u l-anzjani tax-Xagħra, li baqa’ jżurhom sakemm ippermettietlu saħħtu.

Nitolbu lil Sid il-Ħsad biex jilqa’ lil Dun Ġiljan fil-ferħ tal-Ġenna u jkattar l-għadd tal-imsejħin għas-saċerdozju.

RIP

Ara wkoll:

https://www.facebook.com/xaghraparish

http://www.one.com.mt/news/qassis-mizzewwg-u-nannu-jmut-fix-xaghra/

http://www.tvm.com.mt/en/news/imut-dun-giljan-qdeath-of-father-refalo-rapa-priest-father-of-three-children-and-a-grandfatherassis-missier-ta-tlieta-u-nannu/

http://netnews.com.mt/news/il-mewt-ta-dun-giljan-refalo-tahsad-lir-residenti-tax-xaghra/

300 sena mid-Dedikazzjni tal-Katidral tal-Assunta

 

serata-muziko-letterarja-300-katidral.jpg

Messaġġ f’Lejla ta’ Tifkira tat-Tliet Mitt Sena mid-Dedikazzjoni
tal-Katidral ta’ Għawdex (1716 – 11 ta’ Ottubru – 2016)
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ġimgħa 5 ta’ Awwissu 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ILBIERAĦ U LLUM

Inħossni kburi li ninsab f’din il-knisja li ġiet ikkonsagrata tliet mitt sena ilu u maż-żmien saret il-Katidral tad-Djoċesi. Waqt li llejla kont qed nisma’ ż-żewġ diskorsi prinċipali dwar l-istorja kif ukoll l-eżekuzzjoni mużikali, ħassejt sodisfazzjon kbir għaliex stajt napprezza l-għeruq tagħna mhux biss bħala Għawdxin imma wkoll bħala Nsara. Continue reading >>

L-Imam Mohamed El Sadi mistieden għall-Pontifikal tal-Assunta

 

img_1633.jpg

 Fuq stedina tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, dalgħodu għall-Pontifikal Solenni ta’ Santa Marija fil-Katidral ta’ Għawdex kien preżenti Mohamed El Sadi, l-Imam tal-komunità Musulmana f’Malta.  Dan bħala ġest ta’ fraternità bejn il-komunitajiet Insara u Musulmani lokali, speċjalment fil-kuntest internazzjonali attwali.

Ritratt: Betty Bugeja

_________________________________

Omelija fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
It-Tnejn 15 ta’ Awwissu 2016, Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

GĦODDA TAL-PAĊI

Ħafna mill-adulti tagħna għadhom jiftakru l-esperjenza kerha tal-Aħħar Gwerra Dinjija. Wara dik il-ġrajja mdemmija kien hemm ħafna li daħlu fi kriżi ta’ fidi. Dawn bdew jistaqsu kif quddiem din il-kefrija Alla baqa’ assenti – il-mistoqsija naturali kienet fejn kien Alla! Kien hemm min tfixkel qatigħ għaliex ħassu interpellat mis-silenzju ta’ Alla. Saħansitra t-teologu Bultmann ħareġ b’espressjoni qawwija: Alla huwa totalment differenti u neħtieġu definizzjoni ġdida ta’ Alla. Continue reading >>

Iċċelebrata l-Velja tal-Assunta fuq iz-zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu

 

velja-tal-ghid-tal-assunta-2016.jpg

Omelija fil-Velja tal-Assunta
Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Il-Ħadd 14 ta’ Awwissu 2016, Vġili tas-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-ASSUNTA: GĦELM BIEX NIRBĦU L-LIMITI TAGĦNA

Ma humiex ftit dawk fostna li qed jaqtgħu qalbhom għax mikulin mill-problemi tal-ħajja. Dan l-aħħar il-Klarissi qaluli li ma humiex ftit dawk li sikwit ifittxuhom biex iserrħu qalbhom magħhom. Saċerdot li jaqdi fis-Santwarju Ta’ Pinu qalli li numru konsiderevoli ta’ pellegrini mgħobbija bi problemi serji jmorru fis-Santwarju biex ifittxu kenn u faraġ quddiem il-Madonna. Persuna li taħdem fit-Tribunal tal-Knisja spjegatli li dan l-aħħar żdied in-numru ta’ talbiet għad-dikjarazzjoni ta’ nullità minn koppji żgħar!  Continue reading >>

Ittra Pastorali tal-Isqfijiet Maltin

ITTRA PASTORALI

Mill-E.T. MONS. CHARLES J. SCICLUNA, Arċisqof ta’ Malta

u

Mill-E.T. MONS. MARIO GRECH, Isqof ta’ Għawdex

SOLENNITÀ TA’ SIDTNA MARIJA MTELLGĦA S-SEMA

NGĦOŻŻU L-ĦAJJA

F’dawn l-aħħar ġimgħat konna xxukkjati b’diversi atti terroristiċi li ħesrem ħasdu bl-addoċċ il-ħajja ta’ ħafna nies. Fi ftit ġimgħat, fi Franza, fil-Ġermanja u fl-Iraq, saru attakki terroristiċi li qatlu tfal żgħar u l-ġenituri tagħhom, żgħażagħ u għexieren oħra ta’ nies. Kif nafu, ftit ġranet ilu saħansitra nqatel qassis anzjan waqt li kien qed jiċċelebra Quddiesa. Dawn l-atti krudili kontra l-ħajja jkexkxuna.

Iżda kif fakkarna l-Papa Franġisku huwa u sejjer lura l-Vatikan mill-pellegrinaġġ li għamel maż-żgħażagħ fil-Polonja, id-dritt tal-ħajja huwa mhedded ukoll b’modi anqas drammatiċi iżda xorta terribbli, tant li l-Papa jsejħilhom “l-ewwel terroriżmu”. Il-Papa Franġisku qed jirreferi għal dik li huwa jsejħilha “l-kultura li tarmi lin-nies - throwaway culture”. Din hija l-kultura li tpoġġi l-flus qabel il-bniedem. Il-Papa Franġisku jfakkarna illi din il-kultura, fost l-oħrajn, toqtol it-trabi mhux imwielda, tittraskura l-anzjani, twarrab lill-persuni b’diżabilità, tagħti valur lill-bniedem skont kemm kapaċi jipproduċi u jikkonsma, tkun inġusta mal-fqar, u tisfrutta l-ambjent biex jistagħnew il-ftit u jinsterqu l-ħafna. Continue reading >>