Id-Djoċesi ta’ Għawdex tfakkar lil Mons. Ġużeppi Mercieca

Omelija fil-Quddiesa b’suffraġju
ta’ Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof emeritu ta’ Malta
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 18 ta’ Mejju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-BNIEDEM LI GĦENNA NAGĦRFU R-RIEDA TA’ ALLA
img_7038.jpg

Kemm fih x’tomgħod il-kliem ta’ San Ġakbu meta jgħid li l-ħajja tal-bniedem hija bħal fwar li jidher għal ftit, imbagħad jgħib (4:14)! Kieku nżommu din il-verità preżenti quddiem għajnejna, kieku żgur ħajjitna tkun aktar bis-sens. Skont San Ġakbu, biex ħajjitna ma tkunx “fwar” li jgħib, għandna bżonn nagħmlu dak li l-Mulej irid minna (4:15). Meta l-bniedem ifittex li jagħmel ir-rieda ta’ Alla, hu jkun qed jgħix sew, għax dan hu l-pjan ta’ Alla għalina: li aħna ngħixu l-ħajja umana tagħna fil-milja tagħha. Huwa għalhekk ta’ siwi kbir li lkoll nitħarrġu fl-arti tad-dixxerniment meħtieġ biex il-bniedem jagħraf x’qed jgħidlu Alla fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja tiegħu.

Jekk dan kollu jgħodd għal kull Nisrani, japplika b’mod partikulari għalina s-saċerdoti. L-ewwel nett għaliex bħala saċerdoti aħna wkoll irridu nfittxu ngħixu r-rieda ta’ Alla għalina; imma mbagħad lilna Alla sejħilna biex ngħinu lilkom, poplu ta’ Alla, tagħrfu x’qiegħed jgħidilkom Alla fil-kuxjenza tagħkom. Din hija l-missjoni tagħna s-saċerdoti: il-predikazzjoni, it-tagħlim, id-direzzjoni spiritwali, it-talb tagħna… kollox għandu għan wieħed – li nakkumpanjaw lill-komunità Nisranija biex tagħraf u tgħix dak li Alla jrid minnha.

Illum iltqajna biex noffru talb b’suffraġju tal-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, Arċisqof emeritu tal-Knisja oħtna f’Malta, konċittadin tagħna l-Għawdxin u iben distint ta’ din id-Djoċesi. Matul il-wieħed u tletin sena bħala isqof, il-ħidma ta’ Mons. Mercieca kienet vasta. Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jkejjel din il-ħidma: hemm min janalizzaha mil-lenti tal-politika, kemm ekkleżjastika u kemm ċivili; hemm min iħares lejha mil-lenti soċjali u hemm min japprezzaha mill-aspett amministrattiv. Imma fil-fehma tiegħi l-kejl prinċipali li għandna nużaw biex inqisu l-ministeru ta’ Mons. Mercieca huwa wieħed: nistaqsu jekk huwa għenniex insiru nafu x’inhi r-rieda ta’ Alla. Din kienet il-missjoni ta’ Mons. Mercieca, kemm bħala saċerdot imma aktar u aktar bħala Isqof djoċesan.

L-istorja ta’ Mons. Mercieca fiha ħafna episodji sbieħ u oħrajn inqas sbieħ. Għalkemm issib min jgħid li kien hemm drabi meta l-Arċisqof Mercieca seta’ “inħaraq”, naħseb ħadd ma jgħid li Dun Ġużepp inħaraq waħda sewwa – mhux bin-nar imkebbes mill-bnedmin, imma bin-nar tal-imħabba ta’ Kristu. L-enerġija tiegħu kienet ġejja mill-għaqda li hu kellu ma’ Alla. Huwa kien magħqud mal-poplu tiegħu propju għax kien magħqud ma’ Ġesù. Għalhekk qabel ma Dun Ġużepp kien għassies fuq il-poplu ta’ Alla fdat fil-kura pastorali tiegħu biex dan jintrabat mar-rieda ta’ Alla, huwa kien jgħasses fuqu nnifsu u jgħix f’attitudni ta’ dixxerniment kontinwu biex ikun kemm jista’ jkun ċert mir-rieda ta’ Alla għalih innifsu. Il-Mulej żejnu b’doti li xi wħud isejħulhom naturali, imma nistgħu wkoll ngħidu li kienu sopranaturali, li għenuh biex xħin kien konvint x’kienet ir-rieda ta’ Alla għall-Knisja tiegħu, huwa ma baqax lura milli jagħmel dan, anki jekk xi drabi rriskja li ma jkunx mifhum u ġieli swielu prezz għoli. Jien hekk nixtieq li nibqa’ niftakru lill-Arċisqof Mercieca, li kien ukoll wieħed mill-isqfijiet konsagranti tiegħi bħala isqof: bħala dak l-Isqof li fittex biss li jagħmel ir-rieda tal-Missier għalih u għall-merħla mislufa lilu.

Aħna nafuh lil Dun Ġużepp bħala isqof ta’ ħajja sempliċi u li jfittex biss dak li kien meħtieġ jew essenzjali. Anzi f’din il-ħaġa, hu flimkien mal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi kien għalina eżempju ta’ ħajja saċerdotali u ekkleżjali sempliċi. Inħoss li din il-modestja fl-imġiba ma kinitx biss kwalità naturali jew frott tat-trobbija tiegħu fil-familja, imma kienet virtù miksub bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla. Frott tal-għaqda tiegħu ma’ Ġesù, Mons. Mercieca kien ħieles minn dik li l-Papa Franġisku jħobb isejħilha “mondanità spiritwali”, li tikkonsisti f’li wieħed minflok il-glorja tal-Mulej, ifittex il-glorja umana u l-ġid tiegħu nnifsu (Il-ferħ tal-Vanġelu, 93). Ma kienx raġel li jilgħab bil-kliem. Lanqas ma kien bniedem tal-kompromessi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla u mal-bniedem. Ma kienx qasba tixxejjer mar-riħ.

Mons. Mercieca kien bniedem ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi. Ħafna drabi għażel li jibqa’ sieket anki jekk seta’ deher ġifa, biex jevita li tikber il-firda. Din il-qawwa biex ikun strument ta’ għaqda huwa kisibha għax ħalla lilu nnifsu jinħaraq mill-imħabba divina u fehem x’inhi r-rieda tal-Missier għalih, għall-Knisja u għas-soċjetà. Il-ġenwinità tiegħu għamlitu kredibbli.

San Pietru Kanisju, meta jirrifletti dwar dak li ġara meta Ġesù kien fil-ġnien tal-Ġetsemani, jikkummenta li “Pietru raqad waqt li Ġuda kien imqajjem”. Din is-sentenza hija mgħobbija ħafna! Kanisju ried jgħid li waqt li l-element ħażin kien attiv, Pietru tgħażżen, inħakem mill-indifferenza. Jekk hawnhekk għandna kritika fina għalina r-ragħajja li nistgħu nittraskuraw il-merħla, żgur li dan ma kienx il-każ tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca. Ma naħsibx li huwa mar jagħti kont lil Alla għax raqad fuq it-tmun tad-dgħajsa. Kont issibu fuq in-naħa ta’ wara tal-merħla jimbotta ’l quddiem u jagħmel kuraġġ; kien ikun ukoll f’nofs il-merħla biex jisma’ x’kellhom xi jgħidu n-nies; u kien ukoll fuq quddiem tal-merħla biex imexxiha – dejjem għax huwa fehem li kien il-mibgħut ta’ Alla biex jgħin lil dawk fdati fil-kura pastorali jimxu skont ir-rieda ta’ Alla u hekk ħajjithom ma tkunx bħal fwar.

Irroddu ħajr lil Alla għal dan is-saċerdot ħabrieki, li qabel ma mar Ruma u kien mibgħut bħala Arċisqof ta’ Malta, kellu diversi mansjonijiet fid-Djoċesi tagħna. Billi qegħdin fl-Erbgħat ta’ Santa Marija, nitolbu lill-Madonna, li hi l-eżempju ta’ kif il-bniedem għandu joqgħod għar-rieda ta’ Alla – “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” – biex tinterċedi għalih u għal ħutna mejtin l-oħra biex tantiċipalhom il-mument li jidħlu fl-eternità u jgawdu t-Trinità Qaddisa.