F’Għawdex, il-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin, is-Sibt 14 ta’ Mejju 2016, inżammet fis-Santwarju parrokkjali tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana, u tmexxiet minn Mons. Tarċis Camilleri, Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi.
Għal din il-liturġija, meta qed tiġi ċċelebrata s-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, il-Knisja f’Għawdex stiednet grupp ta’ għoxrin persuna mill-komunità Nisranija tal-Eritrej preżenti f’Malta, li kienu akkumpanjati minn Patri Philip Cutajar OFMCAP, li hu wkoll il-Kappillan tal-parroċċa personali tagħhom fi ħdan il-Kapuċċini tal-Furjana li l-Arċisqof Charles J. Scicluna ta l-permess li titwaqqaf iktar kmieni din is-sena.
Il-komunità, li hi ta’ rit Kattoliku Ortodoss, ħadet sehem fil-Quddiesa, b’animazzjoni tal-kant flimkien mal-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ, il-qari mill-Iskrittura f’wieħed mill-ilsna tal-Eritrea, l-offerti mtellgħin minn koppja Eritreana, u fuq kollox ix-xhieda ta’ Futsu waqt il-ħin tal-prietka, li tkellem bl-Ingliż dwar l-esperjenza tiegħu u ta’ sħabu li kellhom iħallu pajjiżhom biex ifittxu kenn fl-Ewropa.
Futsu, li ismu jfisser “imbierek minn Alla”, tkellem dwar it-tbatijiet tal-vjaġġ, imma qal li huma jirringrazzjaw lil Alla li sabu ruħhom f’pajjiż Kattoliku, milqugħa minn tant qlub ġenerużi. Fil-fatt hu sejjaħ lil Malta “art imqaddsa”, speċjalment wara vjaġġ hekk doloruż u mimli perikli.
Waqt li nnota l-preżenza fqira taż-żgħażagħ fiċ-ċelebrazzjonijiet lituriġiċi lokali, hu stieden lill-Kattoliċi Maltin biex “iżżommu l-Ispirtu ħaj fil-Knisja”.
F’riflessjoni ċkejkna wara l-Vanġelu, il-Vigarju Ġenerali qal li għalkemm f’Babel l-ilsna tħawdu u nħolqu kurrenti differenti kontra dak tal-Ispirtu, f’Pentekoste dawn reġgħu ngħaqdu. U anki f’dik iċ-ċelebrazzjoni tal-Velja ta’ Għid il-Ħamsin, jum twelid il-Knisja, għalkemm Kattoliċi lokali u Eritreani kienu qed jitkellmu ilsna differenti, b’xi mod huma setgħu jifhmu lil xulxin bil-lingwa komuni tal-imħabba.
Min-naħa tiegħu, Patri Philip Cutajar spjega kif il-Kapuċċini jieħdu ħsieb tal-ħtiġijiet materjali u spiritwali tal-komunità Eritreana, u kull xahar iġibulhom mill-Italja saċerdot tan-nazzjonalità tagħhom.
Iċ-ċelebrazzjoni, li xxandret fuq Radju Marija, bagħtet messaġġ qawwi ta’ x’jiġifieri “tilqa’ lill-barrani”, kif ukoll tal-għaqda ta’ Knisja miftuħa għal kull ġens, razza u kulur.
Ritratti: Mario Pavia