UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa
14 ta’ Mejju 2016
DUN ALFRED GRIMA
MWEĠĠAĦ BIT-TITLU TA’ MONSINJUR TAL-PAPA
Fil-Parroċċa ta’ San Ġwann Fisher, f’Bramalea, Toronto, waqt iż-Żjara Pastorali tiegħu fil-Kanada, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ilbieraħ mexxa Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fi tmiem il-mandat ta’ Dun Alfred Grima bħala Kappillan, li hu sejjaħ “ragħaj bir-riħa tan-nagħaġ”. Dun Alfred, li ilu saċerdot 48 sena, għal dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena serva bħala ragħaj spiritwali ta’ din il-parroċċa Kanadiża.
L-Isqof qal li Dun Alfred kien imżejjen bil-kwalitajiet sbieħ ta’ qalb kbira li kapaċi tħobb lill-poplu u ta’ saċerdot li jilqa’ lil kulħadd bi ħlewwa, irrispettivament mill-isfond soċjali tiegħu. Għalhekk “il-Knisja hi midjuna lejh għas-servizz tad-deheb li ta”.
L-Isqof ta’ Għawdex qal li kif kien qrib ta’ Dun Alfred meta fl-1994 ħalliet id-dinja l-għażiża ommu, hu ħass li kellu jkun qrib tiegħu f’dan il-mument emozzjonanti għalih meta wasal biex iħalli lill-familja parrokkjali tiegħu li hu ħabb bi mħabba ta’ missier għal dawn is-snin kollha.
Bħala sinjal ta’ apprezzament u gratitudni għall-ħidma ministerjali tiegħu, wara li kkonsulta mal-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Thomas Collins, Arċisqof ta’ Toronto, hu qala’ mingħand il-Papa Franġisku li Dun Alfred jingħata l-ġieħ ta’ Kappillan tal-Qdusija Tiegħu bit-titlu ta’ Monsinjur. Dan seħħ b’digriet tal-21 ta’ April 2016.
Monsinjur Alfred Grima twieled ix-Xewkija, Għawdex, fit-2 ta’ Marzu 1941. Hu studja fis-Seminarju ta’ Għawdex u ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi f’Mejju 1968. F’Settembru ta’ dik is-sena ħalla Malta bħala saċerdot fidei donum lill-Arċidjoċesi ta’ Toronto, il-Kanada, fejn intbagħat Viċi-Parroku fil-Parroċċa tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu (1968-1971). Serva wkoll fil-Parroċċi tal-Qaddisin Kollha, Etobicoke Ontario (1971-1976) u ta’ San Girgor il-Kbir, Oshawa (1976-1981). Kien Kappillan tal-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Perry (1981-1991), fejn bena l-knisja preżenti, appartament għas-senior sitizens, u skola.
Mill-1991 sal-lum hu kien Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġwann Fisher fi Brampton, fejn irrestawra d-dar tal-parroċċa u l-istess knisja. B’għożża kbira tul dawn it-48 sena ħa ħsieb il-kura tal-erwieħ fl-Arċidjoċesi ta’ Toronto, u rebaħ ir-rispett tal-komunitajiet kollha li hu qeda b’dedikazzjoni. Laqa’ wkoll bosta familji ta’ immigranti u għenhom jissetiljaw fil-belt ta’ Toronto.
Hu offra wkoll il-possibbiltà lil għadd ta’ saċerdoti minn Malta u Għawdex biex jesperjenzaw il-ħajja pastorali fil-Kanada, u ssapportja bosta istituzzjonijiet ta’ karità fid-Djoċesi ta’ Għawdex.