- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

INAWGURAT IL-MAFKAR TAD-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX F’ĠIEĦ DUN ĠORĠ PRECA FIĊ-ĊENTRU TAL-GŻIRA

Posted By admin On May 11, 2016 @ 11:47 am In Press Releases | Comments Disabled

UFFIĊĊJU KOMUNIKAZZJONI KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa
7 ta’ Mejju 2016

INAWGURAT IL-MAFKAR TAD-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX
F’ĠIEĦ DUN ĠORĠ PRECA FIĊ-ĊENTRU TAL-GŻIRA

[1] img_4881.jpg

Id-Djoċesi ta’ Għawdex għadha kemm inawgurat Mafkar tal-Bronż f’ġieħ San Ġorġ Preca, il-Fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (Museum). L-istatwa life-size, li turi lill-ewwel qaddis kanonizzat Malti wieqaf, liebes suttana u kowt, u qed jippreżenta donnha ħierġa minn qalbu x-xbieha ta’ Ġesù tarbija, inħadmet fuq disinn tal-artist Għawdxi Manuel Farrugia mill-Funderija Domus Dei ta’ Ruma s-sena l-oħra.

Fl-aħħar ġimgħat l-istatwa ddawret mal-irħula kollha ta’ Għawdex fejn setgħet tingħata l-qima mill-Insara fil-parroċċi. Iċ-ċerimonja tal-bieraħ filgħaxija, bit-tema Għawdex ifakkar lil Dun Ġorġ, rat l-inawgurazzjoni u t-tberik ta’ din ix-xbieha li issa tqiegħdet f’niċċa fil-faċċata tal-knisja ta’ San Ġakbu, fi Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria.

[2] img_4848.jpg

Fil-programm għamlu interventi s-Sur Natalino Camilleri, Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija; l-Onor. Dr Anton Refalo, Ministru għal Għawdex; kif ukoll Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex. Id-diskors prinċipali sar mis-Sur Joe W. Psaila dwar “San Ġorġ Preca: Il-qaddis tagħna għall-isfidi li qed ngħixu”.

Is-Superjur Ġenerali tkellem dwar tliet tipi ta’ memorja li jista’ jġib dan il-mafkar lil min ħa jgħaddi minn quddiemu f’post hekk ċentrali fil-gżira ta’ Għawdex: hemm dawk li jiftakru lil Dun Ġorġ ħaj, dawk li semgħu dwaru jew jiffrekwentaw is-Soċjetà tiegħu, u dawk li ma jafux min hu. Lit-tlieta li huma l-figura ta’ Dun Ġorġ b’dik it-Tarbija ċkejkna qed tgħaddilhom messaġġ. “Jekk kellu xewqa Dun Ġorġ”, fakkar is-Superjur Camilleri, “kienet li jintesa wara mewtu”. Imma dan il-ħsieb ma rnexxilux, għax Alla ried li jitqiegħed bħala mudell għalina biex ifakkarna fl-għan ewlieni li żamm dejjem quddiem għajnejh: il-qdusija.

L-Isqof Grech qal li Dun Ġorġ kien devot kbir tal-pjagi ta’ Ġesù u emmen tassew li bihom il-Feddej tagħna salva l-bnedmin kollha. “Il-pjagi mqaddsa huma manifestazzjoni tal-miżerikordja ta’ Alla li fil-persuna ta’ Ġesù ta lilu nnifsu għall-mewt biex aħna ngħixu”. Imma Dun Ġorġ, bħal Ġesù, “ma baqax lura milli jqiegħed sebgħu fuq il-pjagi tal-bnedmin”. L-Isqof stqarr li dan hu li jixtieq mill-Knisja: “li filwaqt li ma tehda qatt tħares lejn il-pjagi ta’ Ġesù msallab dejjem lest biex iħaddan lil kulħadd u jaħfer kull xorta ta’ dnub, fl-istess ħin tagħmel minn kollox biex b’ħafna tjubija u tenerezza ddaħħal subgħajha fil-pjagi tal-bniedem tal-lum”, speċjalment dik tal-kuxjenza tal-bniedem ta’ żmienna. Hu għalhekk li kif għamel San Ġorġ Preca bis-Soċjetà tiegħu tal-Museum, il-Knisja f’Għawdex għandu jkollha bħala prijorità tagħha l-formazzjoni tal-kuxjenzi ta’ wliedna.

Fil-kelmtejn tiegħu, il-Ministru għal Għawdex qal li dan il-mafkar ta’ Dun Ġorġ, iktar milli sempliċi opra tal-arti, jgħallimna l-valuri tal-maħfra, il-paċi u s-solidarjetà, li għadhom ifissru ħafna fid-dinja tal-lum. Hemm bżonn li bħalu niftħu l-bibien tal-ħniena lill-emarġinati fis-soċjetà tagħna. F’isem il-Gvern, il-Ministru Refalo rringrazzja wkoll lill-Isqof u d-Djoċesi għall-Proġett Merħba li biha ħa tilqa’ f’pajjiżna grupp ta’ studenti u għalliema Iraqqini. “Dik li qed nagħmlu llum hi ċelebrazzjoni tal-umanità li jekk tinsa mnejn telqet, titlef kull skop”.

Inqrat ukoll silta minn Ittra miktuba minn Dun Ġorġ Preca fis-26 ta’ Ġunju 1934 lis-Superjura Rakela Camilleri, il-“matrijarka” tal-Museum f’Għawdex, waqt li ġie mxandar rikording storiku ta’ silta minn taħdita li kien ta fis-27 ta’ Ġunju 1979 is-Superjur Emanuel Bianco, il-pjunier tal-Museum tas-Subien f’Għawdex.

[3] img_4602.jpg

Fil-fatt b’dan il-mafkar tal-bronż id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tiċċelebra tliet anniversarji: il-mija u ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha (1864-2014); il-mitt sena mill-bidu tal-Museum f’Għawdex bl-ewwel Qasam tal-bniet fin-Nadur (1915-2015); u l-ħamsa u sebgħin sena mill-ftuħ tal-Museum tas-subien f’Għawdex (1941-2016). Dan kollu fil-kuntest tas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, li f’Dun Ġorġ u l-opra tiegħu kienet kwalità li spikkat.

Fis-serata ta’ siegħa ħadu sehem iż-żewġ korijiet Laudate Pueri tal-Bażilika ta’ San Ġorġ u Mill-Vuċi tal-Anġli tal-Qasam tal-Museum tal-Bniet tan-Nadur. Inqrat ukoll poeżija tal-okkażjoni minn Dun Geoffrey George Attard.

Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet bit-tberik tal-istatwa mill-Isqof Grech, fil-preżenza tal-artist Manuel Farrugia, u ta’ bosta mistiedna distinti, fosthom l-Isqof Silvestru Magro OFM; Mons. Simone Bolivar Sanchez, Chargé d’affaires tan-Nunzjatura Appostolika għal Malta; il-Ministru għal Għawdex; is-Sur Josef Schembri, Sindku tal-Belt Victoria; Membri Parlamentari Għawdxin; il-Maġistrat Dr Joe Mifsud; is-Superjur u s-Superjura Ġenerali tal-Museum, Mansy Cutajar; bosta diriġenti u soċji tal-Museum, u tfal mill-Oqsma Għawdxin. Kienu preżenti wkoll il-Victoria Scout Group.

Għall-okkażjoni, il-Kurja tal-Isqof ħarġet ktejjeb ta’ tifkira b’tagħrif dwar il-mafkar u r-rabta ta’ Dun Ġorġ ma’ Għawdex, kif ukoll santa u kartolina kommemorattiva bit-timbru maħruġ ilbieraħ stess mill-Fergħa tal-Maltapost tal-Belt Victoria, li għadha tista’ tinkiseb għall-prezz ta’ €3 mill-Kurja.

Nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa li għaddew, ir-Relikwa tad-Demm ta’ Dun Ġorġ kienet il-jum kollu għall-qima fil-knisja ta’ San Ġakbu, fejn il-Ħamis filgħaxija l-Isqof Grech mexxa Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr.

Hu l-ħsieb tal-Kumitat Organizzattiv li kull sena qrib it-tifkira liturġika ta’ San Ġorġ Preca fid-9 ta’ Mejju ssir ċelebrazzjoni madwar din ix-xbieha tiegħu fit-Tokk tal-gżira Għawdxija, li, kif qal l-Isqof, trid tkun għelm tal-messaġġ dejjem attwali li Dun Ġorġ għandu għall-poplu Nisrani tagħna.

Ritratti: Shaun Sultana


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2016/05/11/inawgurat-il-mafkar-tad-djocesi-ta%e2%80%99-ghawdex-f%e2%80%99gieh-dun-gorg-preca-fic-centru-tal-gzira/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2016/05/img_4881.jpg
[2] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2016/05/img_4848.jpg
[3] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2016/05/img_4602.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.