Kungress Djoċesan tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla

Diskors fit-53 Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla
Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur
It-Tielet Ħadd tal-Għid, 10 ta’ April 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

a59.jpg

INĦARSU LEJN IL-FAMILJA BL-GĦAJNEJN TA’ KRISTU

Filwaqt li minn qaddisna aħna nwarrbu dak kollu li huwa difettuż, Alla, li jaf x’inhi r-realtà tal-ħajja ta’ kuljum, għandu loġika differenti: għajnejh joqogħdu fuq dak li huwa mqatta’, imkisser, imtektek, imxellef – fi kliem ieħor, Alla jfittex dak li huwa nieqes mill-perfezzjoni. Din hija l-attitudni ġdida li qed jipproponi l-Papa Franġisku fil-pastorali tal-familja.

Ir-rakkont tad-dehra ta’ Kristu Rxoxt lil Pietru u lid-dixxipli ħdejn il-baħar tat-Tiberija jikkonfermalna dan. Bis-soltu kriterji tagħna, f’dan l-istadju aħna konna niskartawh lil Pietru; anzi, konna nikkundannawh għax kien il-bniedem li ttradixxa lil Ġesù. Jekk konna niltaqgħu miegħu, konna nagħtuh daharna għax għemilu kien inissel fina stmerrija. Imma Ġesù ma għamilx hekk. Mar ifittex lil Pietru u serraħ il-ħarsa tiegħu fuqu. Il-ħarsa ta’ Ġesù ma teskludi lil ħadd. Hu jitfa’ ħarstu fuq ir-realtà kif inhi u mhux kif jixtieqha li tkun. B’din il-ħarsa kollha mħabba u ħniena Ġesù jara dak li ma jidhirx. Ġesù ma jiqafx f’dak li huwa estern (li jaf ikun fih innifsu żbaljat), imma ħarstu tinfed il-qalb fil-profondità tagħha fejn normalment jistrieħu x-xewqat sbieħ u tajbin tal-bniedem! Il-ħarsa ta’ Ġesù mhix waħda li tgħaddi ġudizzju u kundanni, lanqas ma hija ħarsa li tqiegħed lill-individwu f’xi kategorija jew klassi; imma hija ħarsa li ma tistrieħx qabel tistrieħ fuq il-bniedem biex isserrħu. Kienet din il-ħarsa li reġgħet tat il-ħajja lil Pietru.

Fl-Eżortazzjoni Il-Ferħ tal-Imħabba l-Papa Franġisku jistedinna biex bħala komunità ekkleżjali nħarsu lejn ir-realtà tal-familja kif inhi bl-għajnejn ta’ Alla, li d-dawl tagħhom idawwal lil kull bniedem. Huwa minnu li Ġesù xeħet il-ħarsa tiegħu fuq iż-żwieġ naturali u għall-Insara għamlu sagrament – għajn ta’ grazzja li tgħin lill-miżżewġin jerfgħu l-madmad ħelu tal-imħabba fidila u dejjiema. Billi ebda familja ma hija realtà perfetta u kompluta, permezz tal-grazzja tiegħu Alla jwieżen lill-familja biex bil-mod il-mod tikber fil-ħila tagħha li tħobb. Imma mill-esperjenza li għandna fil-familji tagħna, aħna nafu li ħafna drabi jiġrilna dak li jgħid San Pawl: insibu ruħna qegħdin nagħmlu dak li ma rridux nagħmlu!

Meta wieħed iqis li din hija l-istorja ta’ kull żwieġ u familja, allura mhux sewwa li jkollna qalb xierfa u iebsa ma’ dawk il-persuni li l-ħajja miżżewġa jew familjari tagħhom hija miġruħa u għalhekk imperfetta (ara AL 325). Fuq l-eżempju ta’ Kristu, għandna nfittxu li nitfgħu l-ħarsa kollha mħabba fuq dawn ir-realtajiet u naħarbu t-tentazzjoni li ngħaddu xi ġudizzju fuqhom. Il-Papa jħeġġiġna biex bħala komunità ekkleżjali aħna nħarsu lejn dawn is-sitwazzjonijiet bl-għajnejn ta’ Kristu. “Il-ħarsa ta’ Kristu… tnebbaħ il-kura pastorali tal-Knisja mal-Insara li qegħdin jgħixu flimkien imma ma humiex miżżewġa, ma’ dawk li għamlu biss żwieġ ċivili, kif ukoll ma’ dawk li huma ddivorzjati u reġgħu żżewġu mill-ġdid. Imnebbħa mill-pedagoġija divina, il-Knisja turi mħabba lejn dawk li jieħdu sehem fil-ħajja tagħha b’mod imperfett: flimkien magħhom titlob għall-grazzja tal-konverżjoni, tagħmlilhom il-qalb biex jagħmlu s-sewwa, biex jinħabbu bejniethom u biex ikunu lesti li jaqdu lill-komunità li jgħixu fiha” (AL 78). Kif il-ħarsa ta’ Kristu xegħlet il-qalb ta’ Pietru biex dan reġa’ beda jimxi warajh, hekk ukoll il-ħarsa kollha mħabba u miżerikordja tagħna fuq dawn is-sitwazzjonijiet taf tqabbad il-fjamma li tkun qiegħda tnin jew forsi wkoll tkun intfiet.

a17.jpgNiżgurakom li t-tagħlim li qed joffrilna l-Papa Franġisku f’din l-Eżortazzjoni ma jbiddel xejn mid-duttrina tal-Knisja. L-Eżortazzjoni fiha tagħlim li huwa f’kontinwità ma’ dak li nsibu fit-Tradizzjoni u fil-Papiet. Dak li jridna nibdlu l-Papa Franġisku huwa l-mod kif inħarsu lejn il-familji llum – inħarsu lejhom bl-għajnejn ta’ Ġesù. “Quddiem sitwazzjonijiet diffiċli u familji miġruħa, importanti li niftakru f’regola ġenerali: ‘Ir-ragħajja tal-erwieħ għandhom ikunu jafu, f’ġieħ il-verità, jagħżlu sewwa bejn qagħda u oħra’ (FC 84). Il-grad ta’ responsabbiltà mhuwiex l-istess f’kull każ, u jista’ jkun hemm fatturi li jillimitaw il-ħila ta’ deċiżjoni. Għalhekk, waqt li nesprimu b’mod ċar x’inhi d-duttrina, għandna nevitaw ġudizzji li jinjoraw il-kumplessità tad-diversi sitwazzjonijiet, u jeħtieġ inkunu attenti għall-mod kif il-persuni qed jgħixu u jbatu minħabba fil-qagħda tagħhom” (AL 79). B’dan l-approwċ pastorali ġdid kapaċi nagħmlu ħafna ġid għax nistgħu nistimulaw lil ħafna miżżewġin u familji biex isibu motivazzjoni ħalli jippruvaw jilħqu l-ideali għolja tal-Vanġelu.