Archive for February, 2016
“Jum mal-Mulej”
L-Azzjoni Kattolika f’Għawdex toffri opportunità ideali għar-Randan f’dal-Ġublew tal-Ħniena: tmin sigħat fil-knisja ta’ Santu Wistin is-Sibt 20 ta’ Frar. Bejn id-9am u l-5pm, membri u le jkollhom talb, tagħlim u riflessjonijiet immexxija minn Mons Ġużeppi Farrugia u Fr Trevor Sultana.
Il-programm ta’ dal-“Jum mal-Mulej” jinkludi Salmi, konferenzi dwar l-Opri tal-Ħniena, il-Ħniena fit-tagħlim ta’ Papa Franġisku u fil-ħajja tad-dixxiplu ta’ Kristu, Quddiesa, Via Sagra, diskussjoni fuq l-Appostolat, ċelebrazzjoni penitenzjali bil-Qrar u anki l-ikel.
Dawk interessati jistgħu jitolbu iktar informazzjoni lil antvassallo@gmail.com.
L-Isqof Grech iħeġġeġ lil min jgħaddi minnu jitlob għall-vokazzjonijiet
It-tielet u l-aħħar Bieb Imqaddes tal-Ħniena li nfetaħ fid-Djoċesi ta’ Għawdex kien dak tas-Santwarju antik tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Qala. Iċ-ċelebrazzjoni mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, saret nhar it-Tlieta 2 ta’ Frar 2016, Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Erwieħ Ikkonsagrati u l-għeluq tas-Sena ddedikata lilhom.
Il-funzjoni bdiet fis-5.45pm bit-tberik tax-xemgħa tal-Gandlora maġenb is-Salib tal-Pjazza quddiem is-Santwarju. Fiha ħadu sehem bosta saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, u persuni ta’ ħajja kkonsagrata, flimkien mal-poplu tal-Qala u minn Għawdex kollu. Continue reading >>