BEATA MARIA CROCIFFISSA CURCIO
Fundatriċi tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù
Il-Beata Maria Crocifissa Curcio twieldet fit-30 ta’ Jannar 1877 f’Ispica, fi Sqallija. Tgħammdet l-għada u tawha l-isem ta’ Rosa.
Rosa kienet tifla intelliġenti, u għalkemm għamlet biss l-iskola elementari, hija kompliet l-edukazzjoni tagħha b’ħafna qari. Fost il-kotba li qrat meta kien għadha tfajla, kien hemm il-ktieb tal-Ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Avila. Dan għena ħafna fid-dixxerniment tal-vokazzjoni reliġjuża tagħha.
Ingħaqdet mat-Terzjarji Karmelitani meta kellha biss 13-il sena. Ta’ 19-il sena ġiet magħżula bħala prijura tat-Terzjarji. Iktar ’il quddiem, ħasset is-sejħa reliġjuża. U hawn għamlet esperjenza mas-Sorijiet Dumnikani. Iżda ma damitx ma ndunat li postha ma kienx hemm. Ma ħassithiex miġbuda la lejn il-kariżma Dumnikana u lanqas lejn l-istil tal-ħajja Dumnikana. Reġgħet lura lejn darha. Postha kien fil-Karmelu.
Fl-1924 iltaqgħet ma’ Patri Lorenzo van den Eerembeemt, Karmelitan li bil-għajnuna u bl-appoġġ tiegħu mhux biss saret reliġjuża Karmelitana ferventi, imma rnexxiela saħansitra twaqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Dan l-Ordni ġdid irċieva l-approvazzjoni djoċesana nhar is-16 ta’ Lulju 1926; fl-1930 imbagħad irċieva l-approvazzjoni formali mill-Papa Piju XI.
L-għan tal-Ordni mwaqqaf minn Madre Crocifissa Curcio hu li “tressaq l-erwieħ lejn Alla” permezz tat-talb u l-ħidma tal-membri tagħha favur il-familji, il-foqra, u l-edukazzjoni tat-tfal.
Illum il-Kongregazzjoni mwaqqfa minn Madre Curcio tinsab twettaq il-missjoni tagħha f’diversi pajjiżi, fosthom hawn f’Għawdex. Is-Sorijiet Karmelitani taw bidu għall-opra tagħhom fid-djoċesi ta’ Għawdex fis-sena 1957, u sal-ġurnata tal-lum għadhom jagħtu kontribut siewi ħafna kemm fil-qasam tal-edukazzjoni fl-iskola (Kerċem) u kemm fil-qasam tal-kura tal-anzjani (ir-Rabat). Is-Sorijiet Karmelitani jinsabu wkoll fl-Italja, Brażil, Kanada, Tanzanija, Filippini, Rumanija u Indonesja.
Madre Maria Crocifissa mietet nhar l-4 ta’ Lulju 1957, u ġiet ibbeatifikata mill-Papa Benedittu XVI fit-13 ta’ Novembru 2005, 10 snin ilu. Il-festa tagħha tkun iccelebrata fl-4 ta’ Lulju.