ĦATRA TA’ PATRI MARCELLO GHIRLANDO OFM BĦALA DELEGAT TAL-ISQOF TA’ GĦAWDEX GĦALL-ĦAJJA KKONSAGRATA

UFFIĊĊJU STAMPA KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX

Stqarrija għall-Istampa 16 ta’ Diċembru 2015  

patri-marcello-ghirlando-ofm.jpgL-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għadu kemm ħatar lil Patri Marcello Ghirlando OFM bħala d-Delegat tiegħu għall-Ħajja Kkonsagrata għat-tliet snin li ġejjin.

Patri Marcello, li hu membru tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri, għadu kemm temm iservi bħala Vigarju Ġenerali tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli, il-Libja, u issa jinsab residenti fil-komunità tal-Patrijiet Franġiskani Minuri f’Għajnsielem.

B’Dottorat fit-Teoloġija Biblika mill-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma, hu Professur tal-Iskrittura Mqaddsa fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta, kif ukoll fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.

Serva bħala Kummissarju Malti għall-Art Imqaddsa, Kunsillier Provinċjali tal-Ordni f’Malta, Gwardjan ta’ diversi komunitajiet, Delegat Provinċjali tal-Missjoni fil-Libja, kif ukoll Rappreżentant tas-Santa Sede fil-Konferenza Internazzjonali dwar id-Djalogu bejn Israel u l-Palestina (Ġunju 2011) u fil-Konferenza Libya for the Future (Ġunju 2012).

Hu wkoll Eżorċista, kif ukoll l-awtur ta’ bosta pubblikazzjonijiet u studji oħra ta’ natura Biblika.

Aqra d-Digriet tal-Isqof Grech minn hawn: digriet-delegat-hajja-kkonsgrata_-marcello-ghirlando.pdf