- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Isqof ta’ Għawdex jappella għal aktar maħfra u karità mal-foqra fil-ftuħ tal-Bieb tal-Ħniena

Posted By admin On December 14, 2015 @ 8:20 pm In Press Releases | Comments Disabled

[1] 15d_6388.jpg

[2]  

“Jekk tistaqsuni x’inhi l-ikbar xewqa tiegħi għall-Knisja tagħna f’dan il-Ġublew tal-Ħniena, ngħidilkom li hi li jkollna poplu li kapaċi jaħfer”.  Hekk esprima ruħu l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fl-omelija li għamel ilbieraħ filgħaxija fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Mqaddsa fid-Djoċesi ta’ Għawdex.L-Isqof kien qed isemmi l-opri tal-ħniena li jmissu l-ġisem u r-ruħ, huwa u jirrifletti fuq il-Liturġija tal-Kelma tat-Tielet Ħadd tal-Avvent fejn Alla permezz tal-profeta jaħlef li ma jħallix idejn il-poplu tiegħu jintelqu.

Monsinjur Grech għamel ukoll stedina lill-kappillani Għawdxin biex matul dan il-Ġublew jagħżlu ġabra waħda f’xahar u jagħmluha għall-karità, anki jekk dan jaf ifisser uġigħ ta’ ras kif ħa jifdu spejjeż oħra li soltu tkopri dik il-ġabra.

L-ewwel Bieb tal-Ħniena miftuħ ilbieraħ fid-Djoċesi ta’ Għawdex kien dak tal-Katidral tal-Assunta fil-Belt Victoria.  Ir-rit suġġestiv tal-ftuħ tal-Bieb Imqaddes beda quddiem il-kunvent tas-Sorijiet Karmelitani fit-Telgħa tal-Belt, fejn inqara l-Vanġelu tar-Ragħaj it-Tajjeb u xxandret ukoll silta mill-Bulla Misericordiæ vultus tal-Papa Franġisku.

Waqt li tkantaw salmi penitenzjali, il-poplu tela’ f’purċissjoni wara l-Isqof lejn il-pjazza tal-Katidral, fejn f’mument solenni ta’ skiet profond, għad-dell tal-faċċata imponenti tal-Gafà mixgħula jumejn ilu b’dawl ġdid, huwa fetaħ il-Bieb ewlieni u waqaf fih għarkupptejh jitlob.

Wara li għadda l-Isqof, imbagħad il-poplu kollu daħal biex kompliet iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.  Minkejja li x-xogħlijiet fiċ-Ċittadella għadhom mhumiex lesti, it-trabijiet ma żammewx lura lill-Insara f’Għawdex milli jinġabru fil-Katidral għal din il-liturġija sabiħa.

“Ftaħna l-Bieb tal-ħniena fuq il-ġens tagħna. Ejjew nitolbu kif kienu jħobbu jagħmlu missirijietna biex ir-Repubblika tagħna jkollha ‘soċjetà ħanina’, eżorta l-Isqof, b’riferenza wkoll għall-Innu Malti, kantat mill-kongregazzjoni fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika, fejn Dun Karm jitlob: “Rodd il-ħniena lis-sid”.

L-Isqof sellem ukoll lill-komunità Anglikana li ssieħbet f’din iċ-ċelebrazzjoni.  Hu rrimarka li qalbu tuġgħu jara li “għadna m’aħniex f’komunjoni sħiħa ma’ din il-Knisja oħtna”, u stieden lil kulħadd jitlob biex f’din is-Sena, fost il-bibien li jinfetħu, jinfetaħ ukoll dak tal-ekumeniżmu.

Segwi l-quddiesa minn hawn: [3] gublew-koncelebrazzjoni.mp3

Ritratti: Ħajr lil John Cordina

[4] 15d_6329.jpg

[5] 15d_6369.jpg

[6] 15d_6398.jpg


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/12/14/l-isqof-ta%e2%80%99-ghawdex-jappella-ghal-aktar-mahfra-u-karita-mal-foqra-fil-ftuh-tal-bieb-tal-hniena/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/12/15d_6388.jpg
[2]  : http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/12/15d_6388.jpg
[3] gublew-koncelebrazzjoni.mp3: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/12/gublew-koncelebrazzjoni.mp3
[4] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/12/15d_6329.jpg
[5] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/12/15d_6329.jpg
[6] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/12/15d_6369.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.