- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Iċċelebrata l-festa djoċesana ta’ Kristu Re

Posted By admin On November 26, 2015 @ 12:29 am In Press Releases | Comments Disabled

“Il-ħajja kkonsagrata u l-familja għandhom sejħa komuni”
L-Isqof Grech jitkellem dwar is-Sinodu tal-Familja fil-festa ta’ Kristu Re

[1] img_2237.jpg

Il-ħajja kkonsagrata u dik tal-familja huma żewġ realtajiet li jikkumplimentaw lil xulxin u t-tnejn jimmudellaw ruħhom fuq l-imħabba ta’ Kristu lejn l-għarusa tiegħu l-Knisja.

Dan kien il-ħsieb ċentrali fir-riflessjoni li għamel l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ilbieraħ waqt iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, f’Għawdex.

It-tema taċ-ċelebrazzjoni kienet: “Sejjaħ lejh dawk li ried” (Mk 3:13) u l-qari, qsim ta’ esperjenzi, riflessjonijiet, ġesti u talb li saru matulha kienu marbuta mal-Ħajja Kkonsagrata, li wasalna fl-għeluq tas-Sena ddedikata lilha mill-Papa.

Fil-fatt, wara li xi reliġjużi qraw siltiet mill-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku lill-Persuni Kkonsagrata u saret it-tħabbira tal-Vanġelu, żewġ persuni ta’ ħajja kkonsagrata qasmu l-esperjenza tas-sejħa tagħhom mal-miġemgħa.  Dawn kienu Fra Ġorġ Grech, Trappista, li f’kollegament telefoniku ta’ għaxar minuti mill-Monasteru ta’ Frattocchie f’Ruma rrakkonta kemm hi sabiħa l-ħbiberija intima ma’ Ġesù; u l-Professur Andrea Di Maio mill-Piccolo Gruppo di Cristo, moviment ta’ ċelibi, miżżewġin u lajċi oħra li jikkonsagraw ħajjithom lil Alla, issa bi preżenza ċkejkna fil-gżejjer tagħna wkoll.

[2] img_2254.jpg

Fil-preżenza ta’ Ġesù Ewkaristija u quddiem l-Isqof, ir-reliġjużi u kkonsagrati preżenti fis-Santwarju, bix-xemgħat f’idejhom, ġeddu l-Wegħdiet tal-Konsagrazzjoni tagħhom, waqt li ċ-ċelebrazzjoni ntemmet b’talba lill-Madonna Ta’ Pinu għall-persuni kkonsagrati u iktar vokazzjonijiet għall-ħajja kkonsagrata.  Wara mument ta’ adorazzjoni, ingħatat il-Barka Ewkaristika.

L-Isqof irrikkmanda lill-persuni ta’ ħajja kkonsagrata biex ikollhom għal qalbhom il-familja u jkunu nar li jħeġġeġ lill-Knisja u jsaħħan bl-imħabba ta’ Alla lill-familji tagħna, speċjalment dawk f’diffikultà jew imweġġgħin.  Hu osserva li għalkemm dan ma tantx kien rifless fid-Dokument finali tas-Sinodu, it-tema tal-Ħajja Kkonsagrata ġiet diskussa ħafna waqt l-aħħar Sinodu fuq il-Familja li nżamm f’Ruma x-xahar l-ieħor.  L-ikkonsagrati  huma preżenza essenzjali fil-ħajja tal-Knisja, għandha bżonnhom, tenna!  Monsinjur Grech issuġġerixxa b’mod partikulari li r-reliġjużi u l-ikkonsagrati jfittxu li jkunu iżjed disponibbli fis-servizz ta’ direzzjoni spiritwali lill-poplu ta’ Alla.

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re f’Għawdex fetħu l-Ħamis b’attività għat-tfal fuq iz-zuntier tal-Patrijiet Kapuċċini fil-Belt Victoria, u ssoktaw l-għada l-Ġimgħa b’laqgħa għaż-żgħażagħ fl-Oratorju Don Bosco u l-knisja tal-Agostinjani li wkoll iffukat fuq il-ħajja kkonsagrata.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/11/26/iccelebrata-l-festa-djocesana-ta-kristu-re/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/11/img_2237.jpg
[2] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/11/img_2254.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.