- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Il-Knejjes Ġubilari f’Għawdex matul is-Sena tal-Ħniena

Posted By admin On November 18, 2015 @ 3:11 pm In Press Releases | Comments Disabled

UFFIĊĊJU STAMPA KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa
18 ta’ Novembru 2015

TLIET BIBIEN IMQADDSA TAL-ĦNIENA
FID-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX

Billi l-Papa Franġisku wera x-xewqa li għall-Ġublew Staordinarju tal-Ħniena – li hu sa jiftaħ uffiċjalment fit-8 ta’ Diċembru 2015, Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni – “f’kull Knisja partikulari [Djoċesi], fil-Katidral li hu l-Knisja Omm għall-fidili kollha, […] jew fi knisja ta’ sinifikat speċjali, jinfetaħ għal matul is-Sena Mqaddsa kollha Bieb tal-Ħniena”, u “fuq għażla tal-Ordinarju, […] ukoll fis-Santwarji, miżjura minn tant pellegrini”, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għażel tliet knejjes f’Għawdex biex fihom jinfetaħ il-Bieb Imqaddes tal-Ħniena, biex hekk anki l-Knisja f’Għawdex “tieħu sehem dirett u tista’ tgħix din is-Sena Mqaddsa bħala mument straordinarju ta’ grazzja u ta’ tiġdid spiritwali” (Bulla Misericordiæ vultus, 3).

Il-knejjes magħżula huma:
1.    il-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria;
2.    is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb;
3.    is-Santwarju tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Qala.
kuncizzjoni-qala-4.JPG katidral-2.jpgta-pinu-4.JPG

Ma’ dawn l-imkejjen qaddisa, matul il-perjodu kollu tal-Ġublew (8 ta’ Diċembru 2015 – 20 ta’ Novembru 2016), hi marbuta l-Indulġenza Plenarja “bħala esperjenza ġenwina tal-ħniena ta’ Alla, li joħroġ jiltaqa’ ma’ kulħadd bil-wiċċ tal-Missier li jilqa’ fi ħdanu u jaħfer, waqt li jinsa għal kollox id-dnub imwettaq” (Ittra tal-Papa Franġisku li biha jagħti l-Indulġenza fl-okkażjoni tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, 01/09/2015).  L-Indulġenza tinkiseb dejjem imsieħba mill-kundizzjonijiet mitluba mill-Knisja, jiġifieri s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, l-Istqarrija tal-Fidi u t-talb għall-Papa u skond il-fehma tiegħu.

Matul is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena, il-Knisja f’Għawdex sa tniedi diversi inizjattivi, f’linja wkoll mal-Pjan Pastorali Djoċesan 2013-2016, biex tippromovi l-opri tal-ħniena fost l-Insara tad-Djoċesi u tingħata attenzjoni lill-foqra u dawk fil-bżonn.

Il-ftuħ uffiċjali tal-Ġublew tal-Ħniena fid-Djoċesi ta’ Għawdex sa jinżamm nhar il-Ħadd 13 ta’ Diċembru 2015, it-Tielet Ħadd tal-Avvent, fil-Katidral.  Data tal-ftuħ tal-Bibien Imqaddsa fiż-żewġ Santwarji Marjani l-oħra, flimkien ma’ iktar dettalji tal-Programm tal-Ġublew fid-Djoċesi ta’ Għawdex, jitħabbru ’l quddiem, b’tagħrif disponibbli wkoll fuq is-sit uffiċjali tal-Ġublew www.iubilaeummisericordiae.va.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/11/18/il-knejjes-gubilari-fghawdex-matul-is-sena-tal-hniena/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.