- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Titfakkar id-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran

Posted By admin On November 17, 2015 @ 1:08 pm In Homilies | Comments Disabled

Omelija fl-Anniversarju tad-Dedikazzjoni
tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran f’Ruma
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria
It-Tnejn 9 ta’ Novembru 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-GĦADAB TA’ ĠESÙ

 

[1] img_8706.jpg

Fl-inħawi tat-Tempju ta’ Ġerusalemm kien hemm ċerti servizzi meħtieġa għall-pellegrini li kienu jaslu fit-Tempju.  Il-pellegrini li jaslu minn reġjuni differenti kien ikollhom bżonn isarrfu jew jibdlu l-flus biex jagħmlu l-għotjiet; l-annimali kienu mfittxija għas-sagrifiċċju.  Niftakru kif meta Ġużeppi u Marija ppreżentaw lil Ġesù fit-Tempju, offrew ukoll par ħamiem.  Għalhekk, meta Ġesù ħadha ma’ dawk li kienu jbigħu n-nagħaġ u l-ħamiem u ma’ dawk li kienu jsarrfu l-flus, hu ma kellux għalihom għax kienu qegħdin jagħmlu dik l-attività, imma għaliex x’aktarx dawn kienu “bidlu” l-għan tal-attività tagħhom.  Probabbilment Ġesù għadab magħhom għax għalkemm kienu jagħmlu attività marbuta mal-kult, kienu rrendewha negozju pur u għalhekk battluha mit-tifsira propja tagħha.

Aħna llum ukoll irridu noqogħdu attenti li ma nipprofanawx it-Tempju b’dan l-istess mod: billi niżvojtaw il-kult (il-ħajja tat-talb) mit-tifsira propja tiegħu.  Barra mill-periklu gravi u reali tas-simonija, huwa possibbli li l-istess ħajja liturġika, li għandha tkun l-azzjoni tal-komunità Nisranija biex tiċċelebra l-preżenza ta’ Kristu f’nofsha, tiġi ridotta għal sempliċi ritwal vojt u mingħajr ebda tifsira reliġjuża.  Il-laqgħat liturġiċi flok ma jservuna biex nimirħu ma’ Kristu, nirrenduhom ritwal biex nissodisfaw il-ħtiġijiet tagħna (aħna s-saċerdoti inklużi) jew spazji fejn inpaċu l-obbligi reliġjużi tagħna.  Għalkemm l-azzjoni liturġika hija talba, mhux rari li ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi tagħna jkunu kollox barra talba.  Għandniex xi ħaġa aktar għażiża mill-Ewkaristija?  B’danakollu mhux daqshekk rari li l-mod kif aħna, saċerdoti u lajċi, niċċelebraw il-Quddiesa jagħmilha evidenti li ma nkunux qegħdin nitolbu – li dik li hija ċ-ċelebrazzjoni massima tad-divinità, tkun nieqsa minn dispożizzjonijiet, atteġġjamenti u tisħib li jixirqu lis-sagru.  Fil-fehma tiegħi liturġija ta’ din ix-xorta hija wkoll desagralizzazzjoni tat-Tempju.  Qed ngħid dan biex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għax dawn l-abbużi ma humiex differenti minn dawk li “jinkurlaw” lil Kristu meta tela’ Ġerusalemm.

L-għadab ta’ Kristu għal dawk li tefgħu taħt riġlejhom is-sagralità tat-Tempju ta’ Ġerusalemm ifakkarni fir-rispett li jixraqlu tempju ieħor fejn jgħammar Alla.  Qed nirreferi għall-kuxjenza li hija t-tempju l-aktar intimu fejn fis-sigriet il-bniedem iħabbat wiċċu ma’ Alla, jisma’ l-vuċi tiegħu u jiddjaloga miegħu.  Fis-Sinodu li għadu kif intemm, aħna l-Isqfijiet erġajna tennejna l-ħtieġa li l-bniedem jisma’ l-kuxjenza tiegħu partikularment dwar suġġetti serji ħafna bħalma huma l-kwistjoni tar-responsabbiltà ġenerattiva tal-miżżewġin u fil-każ ta’ dawk li huma ddivorzjati u reġgħu żżewġu.  Fiż-żewġ każi, is-Sinodu jgħabbi lilna s-saċerdoti bir-responsabbiltà li ngħinu fil-formazzjoni tal-kuxjenza, nakkumpanjaw lill-bniedem u ngħinuh jagħmel id-dixxerniment.

Matul l-istorja saru ħafna ġudizzji koroh għax il-bniedem serraħ fuq il-kuxjenza awtonoma tiegħu.  Huwa dmir tagħna li niffurmaw il-kuxjenza morali tagħna fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u bl-għajnuna tal-Knisja.  Ma nistgħux nappellaw għall-kuxjenza jekk din ma tkunx iffurmata tajjeb.  Meta nittraskuraw dan id-dmir tal-edukazzjoni tal-kuxjenza, inkunu nipprofonaw it-tempju ta’ Alla!

Huwa dmir tagħna s-saċerdoti li ngħinu fil-formazzjoni tal-kuxjenza retta billi nwasslu u nfissru l-Kelma ta’ Alla.  Dan is-servizz jingħata kemm meta l-ġemgħa Nisranija tkun miġbura flimkien, u kemm meta jitolbuna nakkumpanjaw individwalment lil xi ħadd.  Għaldaqstant, meta nagħżlu li nibqgħu lura milli nkunu l-eku tal-Kelma permezz tal-evanġelizzazzjoni, il-katekeżi jew id-direzzjoni spiritwali, aħna nkunu nonqsu mir-rispett dovut lejn il-kuxjenza tal-oħrajn u hekk inkunu “inħottu” dan it-tempju.

Imma l-aktar ħsara li tista’ ssir lil dan “it-tempju” hija meta ssir vjolenza lill-kuxjenza.  Il-libertà tal-kuxjenza hija dritt fundamentali tagħna l-bnedmin u ħadd ma għandu l-jedd jobbliga persuna tmur kontra l-kuxjenza retta tagħha.  Hija vjolenza sottili fuq il-kuxjenza meta bniedem ma jingħatax l-għajnuna biex jikber u jimmatura, u hekk jibqa’ dipendenti fuq oħrajn – meta flok ma jħalluh jerfa’ r-responsabbiltà tal-għażliet tiegħu, ħaddieħor jiddeċiedi għalih. Fil-ħajja aħjar il-bniedem jieħu r-riskju li jagħmel ġudizzju bil-possibbiltà li jkun żbaljat, milli jiddeċiedi li jħalli l-għażla morali tiegħu f’idejn ħaddieħor.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/11/17/titfakkar-id-dedikazzjoni-tal-bazilika-tal-lateran/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/11/img_8706.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.