L-Isqof Mario Grech fl-Assemblea Plenarja tal-Isqfijiet Ewropej fl-Art Imqaddsa

ccee2015-9.jpg

Bejn il-11 u s-16 ta’ Settembru 2015, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, irrappreżenta lill-Konferenza Episkopali Maltija fl-Assemblea Plenarja tal-Kunsill għall-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE), li fuq stedina tal-Beatitudni Tiegħu Fouad Twal, Patrijarka Latin ta’ Ġerusalemm, din is-sena nżammet fl-Art Imqaddsa.  B’waqfiet fil-Galilija, f’Betlehem u f’Ġerusalemm, din l-Assemblea kienet l-ewwel waħda fl-istorja riċenti tal-Kristjaneżmu li laqqgħet flimkien fl-istess ħin u post għadd hekk kbir ta’ rappreżentanzi għolja tal-Episkopat Ewropew: 45 pajjiż kienu rrappreżentati f’din il-laqgħa.  It-tema ewlenija diskussa kienet: “Il-ferħ u t-tbatijiet tal-Knejjes partikulari”.

Tul iż-żjara tagħhom l-Isqfijiet Ewropej kellhom ċans iżuru komunitajiet Insara fl-Art Imqaddsa, jaraw il-ħidma tal-Knisja f’dan il-pajjiż u jiltaqgħu wkoll mal-awtoritajiet politiċi Israeljani u dawk Palestinjani.  F’Velja li nżammet apposta, huma talbu għas-suċċess tas-Sinodu tal-Familja li sa jinżamm f’Ruma f’Ottubru, waqt li f’Messaġġ Finali qalu li huma żaru l-Art Imqaddsa biex “iħeġġu iktar pellegrinaġġi fl-art ta’ Ġesù ħa jġeddu l-fidi u jwieżnu l-Insara ta’ dawn il-postijiet”.

ccee2015-5.jpg