Assemblea Plenarja taċ-CCEE
L-Art Imqaddsa
11-16 ta’ Settembru 2015
L-ISFIDA TAL-KNISJA FL-EWROPA
Intervent tal-Isqof Mario Grech
fl-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej
li saret fl-Art Imqaddsa, 11-16 ta’ Settembru
Hu minnu li sal-lum f’pajjiżna kważi 50% tal-popolazzjoni tagħna għadha tieħu sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd u ftit li xejn għandna ġenituri li jiċħdu l-Magħmudija jew il-Konfirmazzjoni lil uliedhom. Imma fl-istess waqt, għandna quddiemna sfidi serji.
Ngħidu aħna, qed insibu diffikultà biex tkun aċċettata t-talba tagħna li l-kap u l-viċi-kap tal-iskola Kattolika jkunu neċessarjament ta’ fidi Kattolika. Dan ma nitolbuhx b’kapriċċ, imma għaliex lil min ikun responsabbli tal-iskejjel tagħna, aħna nafdawlu “ministeru ekkleżjali”, jiġifieri uffiċċju partikulari fil-Knisja, biex f’isem il-Knisja jieħu ħsieb li l-iskola tkun ukoll strument ta’ evanġelizzazzjoni.
Mill-aspett leġislattiv, il-liġi li tippermetti l-bidla tal-ġender imsejsa fuq l-awtodeterminazzjoni għaddiet mingħajr ebda reazzjoni min-naħa tan-nies! Din l-ideoloġija tal-ġender qed tinfiltra wkoll fl-iskejjel.
Minn tliet snin ’l hawn il-liġi ċivili tippermetti t-tnissil artifiċjali, imma issa l-leġislatur irid jilliberalizza iktar din il-liġi u jagħmilha iżjed permessiva, billi jippermetti l-iffriżar tal-embriji u jagħti l-possibbiltà li “jinkera” il-ġuf (maternità surrogata).
Dan kollu jikkonferma li l-ateiżmu, l-anjostiċiżmu u l-umaniżmu qed jgħollu rashom f’soċjetà li sal-lum fil-Kostituzzjoni għadha tiddikjara li l-fidi Kattolika hi r-reliġjon tal-istat. Fi kliem sempliċi, sibna ruħna qalb persuni mgħammdin li ma jgħixux il-Magħmudija tagħhom. Parti mhux żgħira mill-poplu tagħna m’għadhiex tħossha tagħmel parti mill-Knisja u m’għadhiex tħoss il-faraġ tal-fidi. Ninnutaw li l-katina tat-trasmissjoni tal-fidi Nisranija minn nisel għall-ieħor illum tqattgħet.
Imma minn dak li saħqu fuqu l-isqfijiet tal-Ewropa fl-aħħar jiem, nara li din il-mewġa qawwija kulturali qed tolqot il-kontinent kollu tagħna. Quddiem dan il-fenomenu Ewropew, aħna r-Ragħajja ma nistgħux nikkuntentaw ruħna biss bir-riflessjonijiet soċjoloġiċi u kulturali u b’diskorsi awtoreferenzjali. Sfortunatament, ħafna drabi t-tħassib tagħna hu ta’ natura “mondana” u għadna naħsbu b’kategoriji politiċi, u hekk nirriskjaw li l-Knisja nġibuha qisha organizzazzjoni non-governattiva (NGO), jew, agħar minn hekk, xi fergħa ta’ forza politika.
Nistqarr li ħassejt ferħ u sodisfazzjon pastorali kbir meta Mons. Duarte, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej, qal li l-President tagħna, l-Em.T. il-Kardinal Erdo, ilu żmien jimbutta l-idea li din il-ġemgħa tiddedika r-riflessjoni tagħha fuq il-persuna ta’ Ġesù. Nafu lkoll li Ġesù hu l-element fundamentali li fuqu jistrieħ mhux biss il-ministeru tagħna, imma wkoll il-ħajja ta’ kull bniedem. Kif kien qalilna l-Papa Benedittu XVI, “bħala bidu għall-eżistenza Nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva”. Għalhekk il-Knisja, anki l-Knisja fl-Ewropa, jew tara kif ħa tagħmel biex titlaq mill-ġdid mill-missjoni evanġelizzatriċi tagħha, jew aħjar ma tagħmel xejn mill-ewwel!
Imma biex twettaq din il-missjoni evanġelizzatriċi għandha bżonn ta’ “konverżjoni pastorali” – din hi l-isfida l-kbira għalina fl-Ewropa! Il-Konċilju Vatikan II issuġġerixxa l-konverżjoni pastorali bħala tweġiba tal-Knisja għall-fini tal-Kristjanità, jew aħjar, bħala tqegħid mill-ġdid tal-Knisja fil-kuntest tal-fini tal-Kristjanità – fi kliem ieħor, li l-Knisja tqis x’għandha tkun il-pożizzjoni ġdida tagħha fil-kuntest Ewropew tagħna. Din il-konverżjoni pastorali, tema għażiża ħafna għall-Qdusija Tiegħu Franġisku, timplika l-ħila tagħna bħala Knisja li ngħixu b’mod sħiħ il-missjoni evanġelizzatriċi tagħna f’dinja bħalma hi din li qed ngħixu fiha. Ir-relazzjoni tagħna mal-istorja ma tfissirx li aħna rridu nħarsu lejn il-ġrajjiet ta’ madwarna bħala xi ħaġa li tillimita kull esperjenza ekkleżjali u d-duttrina tagħna, imma wkoll li nassumu r-realtà tad-dinja tal-lum bħala post teoloġiku u teologali ta’ dixxerniment.
Din il-konverżjoni pastorali jista’ jkollha għadd ta’ tifsiriet: konverżjoni tar-ragħaj lejn Alla; konverżjoni tal-lingwaġġ tal-maġisteru u tar-rakkonti; konverżjoni ta’ komunità li tagħmilha iktar appostolika; konverżjoni tal-istrutturi ekkleżjali biex ikunu orjentati aħjar lejn l-evanġelizzazzjoni.
Billi lkoll kemm aħna fl-Ewropa għandna l-istess sejħa u missjoni u nħabbtu wiċċna mal-istess sfidi, nemmen li f’dan il-mument tal-istorja rridu nfittxu li nwaqqfu mill-ġdid iċ-ċiviltà Nisranija bażikament billi ngħinu lill-bniedem tal-lum jiltaqa’ ma’ Ġesù. Il-bniedem, meta jinnamra ma’ Ġesù biss, jista’ jibni soċjetà iżjed umana.
Nawgura li dan il-Kunsill għall-Konferenzi Episkopali Ewropej jissokta jkun għodda indispensabbli biex, fl-ispirtu tas-sinodalità tal-Knisja, aħna l-isqfijiet Ewropej nistgħu ngħinu wieħed lill-ieħor jagħmel dan id-dixxerniment pastorali billi naqsmu ma’ xulxin il-programmi pastorali tagħna.
12 ta’ Settemrbu 2015
+ Mario Grech