- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Arċipriet ġdid għall-Parroċċa tax-Xewkija

Posted By admin On August 30, 2015 @ 1:52 pm In Press Releases | Comments Disabled

mons-daniel-xerri.jpgIllum il-Ħadd 30 ta’ Awwissu 2015, fi tmiem il-Quddiesa tal-11.00am fir-Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ħabbar lill-komunità parrokkjali ta’ dan ir-raħal li għandha Arċipriet ġdid fil-persuna ta’ Monsinjur Daniel Xerri, mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra. Sakemm jieħu l-pussess kanoniku, hu ħatru b’effett immedjat Amministratur Parrokkjali.

Fl-istess okkażjoni, l-Isqof Grech radd ħajr lill-Arċipriet attwali Monsinjur Carmelo Mercieca, li ilu fit-tmun tal-Parroċċa tax-Xewkija għal dawn l-aħħar tlieta u erbgħin (43) sena. Hu issa qed jaħtru Direttur Djoċesan tal-Missjonijiet u Monsinjur Teologu tal-Kapitlu Katidrali ta’ Għawdex.

Monsinjur Daniel Xerri – Profil

Dun Daniel Xerri twieled fil-21 ta’ Awwissu 1969, irċieva l-edukazzjoni primarja fl-Iskola tax-Xagħra u dik sekondarja fis-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.

Fl-1987 beda l-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù.  Bejn is-snin 1990 u 1991 għamel is-sena intermedjarja fil-Parroċċa tal-Assunzjoni, Atco, New Jersey, l-Istati Uniti tal-Amerika.

Ġie ordnat djaknu fl-10 ta’ Lulju 1993 u saċerdot fl-24 ta’ Ġunju 1994 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi.

Huwa kompla l-istudji tiegħu f’Ruma fejn fl-1997 kiseb il-Liċenzjat fit-Teoloġija Dommatika mill-Università Pontificia San Tommaso d’Aquino (Angelicum), u fis-sena 2000 id-Dottorat mill-Ateneo Pontificio Regina Apostolorum.  Sadanittant huwa serva bħala Viċi-Parroku fil-Parroċċa ta’ Sant’Injazju ta’ Antjokja, Ruma, u fil-Parroċċa ta’ Santa Croce, Passo Corese, Djoċesi ta’ Sabina – Poggio Mirteto.

Wara li kiseb id-Dottorat, ġie msejjaħ biex jgħallem it-Teoloġija Dommatika fl-Ateneo Pontificio Regina Apostolorum, Ruma.  Fl-istess żmien ġie maħtur Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Maria della Pace f’Borgo Santa Maria u Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santa Maria Assunta f’Corese Terra, Djoċesi ta’ Sabina – Poggio Mirteto.

Fl-2004 l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi sejjaħlu lura lejn Għawdex fejn ħatru Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz.

Fl-2007 l-Isqof Mario Grech ħatru Rettur tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, uffiċju li qeda sal-2014.
Ir-Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija

Ix-Xewkija hu l-ewwel raħal tal-kampanja Għawdxija, ’il barra mir-Rabat, li sar parroċċa, fis-27 ta’ Novembru 1678, b’digriet ta’ Mons. Mikiel Ġ. Molina, Isqof ta’ Malta u Għawdex.

Il-knisja qadima ddedikata lil San Ġwann Battista nbniet tal-inqas darbtejn, sakemm fl-4 ta’ Mejju 1952 tqiegħdet l-ewwel ġebla tar-Rotunda li naraw illum.  Il-binja maestuża, magħmula kollha kemm hi mill-ġebla Maltija, inbniet fuq il-post tal-knisja l-qadima, u ġiet iddedikata fis-17 ta’ Ġunju 1978.

Fl-1845, mija u sebgħin sena ilu, il-Parroċċa tax-Xewkija kkummissjonat l-istatwa titulari ta’ San Ġwann, minquxa fl-injam mill-iskultur Pietru Pawl Azzopardi.

Il-knisja parrokkjali tax-Xewkija saret Arċipretali fl-10 ta’ Frar 1893, fi żmien l-Arċipriet Pietru Pawl Ciantar.  B’digriet tal-Isqof Nikol Ġ. Cauchi fil-21 ta’ Mejju 1978, ir-Rotunda tax-Xewkija ġiet mgħollija għall-ġieħ ta’ Santwarju Djoċesan; fl-istess sena twaqqfet uffiċjalment bħala s-Sede Spiritwali tal-Ordni ta’ San Ġwann f’Għawdex.

Monsinjur Daniel Xerri qed jiġi maħtur il-ħmistax-il ragħaj spiritwali tax-Xewkija kemm ilha parroċċa.  Sal-lum fl-istorja tagħha hi kellha disa’ kappillani u sitt arċiprieti.  Mons. Carmelo Mercieca, il-ħames Arċipriet tagħha, kien irċieva n-nomina tiegħu fit-18 ta’ Jannar 1972.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/08/30/arcipriet-gdid-ghall-parrocca-tax-xewkija/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.