L-ISTEMMA EPISKOPALI TAL-ISQOF MONS. GEORGE BUGEJA OFM

stemma-isqof-george-bugeja-ofm.jpg

Skont it-tradizzjoni araldika ekkleżjastika Kattolika, l-istemma tal-Isqof hija tradizzjonalment irrappreżentata minn tarka li jista’ jkollha diversi forom u li tkun tiġbor fiha simboli li jistgħu jindikaw mhux biss identifikazzjoni personali jew ta’ ġurisdizzjoni ekkleżjali, imma wkoll illustrazzjoni ta’ viżjoni pastorali.

L-istemma ta’ Mons. George Bugeja OFM, magħmula mis-Sur Vince Caruana, hi komposta minn tliet elementi: is-simboli tal-istat tiegħu, l-arma propja, u l-motto li għażel għalih.

Is-simboli tal-istat
Is-simboli tal-istat u l-uffiċċju episkopali huma l-kappell prelatizju fil-lewn aħdar imżejjen b’lazz li jiftaħ fi tnax-il ġummiena (sitta kull naħa) u s-salib proċessjonali li jerfa’ l-iskudett propju.  Fis-salib hemm ħames ħaġriet ħomor li jfakkru fil-ħames pjagi tal-Mulej Ġesù.

Il-motto
Għal din il-missjoni tiegħu ta’ Ragħaj fil-Knisja, Patri George għażel l-arma bil-motto “Sub Tuum Præsidium”, għaliex sa mill-ewwel mument li ġie mgħarraf li l-Papa Franġisku ħatru bħala l-Isqof Koadjutur ta’ Tripli, il-Libja, l-ewwel talba tiegħu kienet lil Marija Omm Ġesù u ried li jpoġġi dan il-ministeru ġdid li ġie fdat f’idejh taħt il-ħarsien tagħha ta’ Omm.

L-arma
L-istemma hija maqsuma fi tliet partijiet.  Fil-parti ta’ fuq hemm l-arma tal-Ordni Franġiskan li Patri George jagħmel parti minnu.  Din turi l-id tal-Mulej Ġesù msallba mal-id ta’ San Franġisk, bis-simbolu tat-Tau li San Franġisk kien iħobb ipoġġi meta jiffirma ismu.  Fil-parti ċentrali nsibu x-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu Mtellgħa s-Sema akkumpanjata mill-anġli, li f’idejha qed jafda lilu nnifsu.  Isfel hemm il-Fleur de Lys, il-warda tal-ġilju li tirrappreżenta lil Sant’Antnin ta’ Padova, li lejh Patri George għandu mħabba partikulari; fil-mument tan-nomina, huwa kien il-Gwardjan tal-Kunvent iddedikat lil Sant’Antnin f’Għajnsielem.

Il-kuluri
L-Aħmar juri l-ħajja divina, huwa l-kulur tad-demm, u fid-demm hemm il-ħajja li ġejja minn Alla.  Huwa l-kulur li jesprimi l-ħajja ġdida fi Kristu permezz tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina.  Fil-fatt, il-Knisja tuża l-lewn ħamrani meta tiċċelebra l-festi tal-Martri, dawk li taw ħajjithom u xerrdu demmhom b’xhieda għal Kristu.

L-Ikħal huwa l-kulur tal-umanità.  Il-bniedem huwa ħlejqa li kapaċi terfa’ ħarsitha lejn is-Sema u tidħol f’relazzjoni ma’ Alla.  Dan il-kulur jesprimi d-destin tal-bniedem li jidħol f’din ir-rabta intima.  Il-Verġni Marija hija l-Mara per eċċellenza li b’libertà u bi mħabba ssieħbet ma’ Binha Ġesù biex jitwettaq il-pjan tas-salvazzjoni tagħna.  Illum, magħquda ħaġa waħda miegħu fil-glorja tas-Sema, tkompli tkun għalina Omm, Għalliema u Gwida fil-mixja tagħna lejn il-Ġenna.