- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Iċċelebrata l-Velja tal-Għid tal-Assunta fis-Santwarju Ta’ Pinu

Posted By admin On August 17, 2015 @ 9:18 am In Press Releases | Comments Disabled

Fil-Velja tal-Assunta l-Isqof ta’ Għawdex jitkellem fuq il-“fantasija” ta’ Alla
Imnedija l-istemma u l-motto tal-Isqof George Bugeja OFM

[1] 012velja2015_img_1858.jpg

“Alla tagħna għandu fantasija tal-għaġeb li kapaċi tfixkilna għax Hu joħroġ barra mill-iskemi li drajna narawh jaħdem fihom”.  Dan qalu Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Quddiesa tal-Velja tal-Għid tal-Assunta li ġiet iċċelebrata nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu 2015 filgħaxija fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, fil-preżenza ta’ ġemgħa kbira ta’ pellegrini minn Malta u Għawdex.

“Illejla aħna qed naraw il-fantasija ta’ Alla li jagħżel bħala Omm Ibnu tfajla li hi verġni u omm fl-istess ħin.  Hemmx fantasija ikbar minn din!  Il-mara Lhudija kienet ipprojbita tidħol fis-Santwarju tat-Tempju, imma Hu jantiċipa dan bid-dħul ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem fis-santwarju tiegħu tas-Sema”.  L-Assunta hi l-meravilja tal-fantasija enormi ta’ Alla!

L-Isqof Grech tenna kliem il-Papa Franġisku li mhux sew inpoġġu l-Ispirtu s-Santu f’gaġġa, meta Ġesù stess uriena fil-Vanġelu sa fejn kapaċi twassal il-fantasija ta’ Alla – jibdel l-ilma fi nbid, jgħaddi mit-toroq tal-Palestina u jixħet għajnejh fuq fejn hemm il-miżerja u d-dnub biex jibdilhom fi grazzja…  Meta jara l-fantasija ta’ Alla, il-bniedem ma jistax ma jinfexx f’għanja ta’ ġieħ lill-Missier!  Nitolbuh lill-Mulej ikompli juri l-fantasija tiegħu ħalli “imħabbtek tkompli tgħammex għajnejn il-bniedem tal-lum” kif għamlet ma’ Marija.

[2] 015velja2015_img_2005.jpg

“Ebda sitwazzjoni, ħażina kemm hi ħażina u kerha kemm hi kerha, ma tistax tkun okkażjoni biex Alla fil-fantasija tiegħu joħroġ lill-bniedem mid-dlam għad-dawl”, saħaq l-Isqof, waqt li fakkar x’jgħid San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin meta kważi jiftaħar kif Alla jagħżel id-dgħajjef u l-mistkerrah biex juri l-qawwa u l-grazzja tiegħu.  Għalhekk jeħtieġ nitolbuh biex dak li f’għajnejn il-bnedmin hu mniġġes ikompli jibdlu fi grazzja.

L-Isqof irrifera għall-espressjoni sabiħa li nsibu fil-Liturġija tal-Għid il-Kbir, “felix culpa” – “ħtija hienja”, għax it-tabib jeħtiġuh il-morda, u fejn hemm il-ħtija tidher il-fantasija ta’ Alla.  “Nibgħatkom tagħmlu l-qalb lill-oħrajn ħa niftħu għajnejna beraħ u naraw il-fantasija ta’ Alla taħdem illum ukoll”, ħeġġeġ l-Isqof.

Mons. Mario Grech fakkar li l-Velja ta’ din is-sena kienet qed tingħata l-iskop li jsir talb għat-tieni Sinodu tal-Isqfijiet dwar is-sejħa u l-missjoni tal-familja, li ħa jinżamm f’Ruma f’Ottubru li ġej.  Hu awgura li l-Ispirtu tassew jimla lill-Knisja bil-qawwa tal-fantasija, ħalli ma tikkuntentax ruħha bil-proposti li tagħmel biss illum, imma ssib mod iktar frisk u kreattiv kif tipproponi l-Vanġelu taż-żwieġ u l-familja, li jagħmel ħafna sens fir-realtà ta’ żmienna.  Għal dan irridu fantasija biex nippropnu lingwaġġ u stil ta’ djalogu ħalli l-Vanġelu tal-familja nagħmluh jinftiehem aktar.  Il-Knisja trid tilħaq lill-bnedmin li jinsabu fit-truf tas-soċjetà, imbiegħda u maqtugħa, ħa ddewwaqhom mill-ġdid il-ħniena ta’ Alla.  Imqar jekk il-qagħda tagħhom taf tidher f’kuntrast mal-Vanġelu, din tista’ tkun ħtija hienja, għax hi l-grazzja li tibdel il-bniedem, u mhux l-ewwel jinbidel u mbagħad jinfetaħ għall-grazzja.

Niftakru li Marija ġiet imtellgħa fis-Sema mhux għax immeritat dan il-‘premju’ bl-opri tajba tagħha, imma b’don gratuwitu li Alla, fil-fantasija bla tarf tiegħu, ried jagħmel lil din Omm Ibnu u oħtna.  U dan irid jagħmlu magħna wkoll, temm jgħid l-Isqof.

[3] 003velja2015_img_1600.jpg

L-ewwel parti tal-Velja ta’ din is-sena tmexxiet minn Patri George Bugeja OFM, l-Isqof Koadjutur maħtur tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli, li flimkien ma’ żewġ familji mexxa t-talba tar-Rużarju b’riflessjonijiet tal-Papa Franġisku, u stieden lill-poplu ta’ Alla biex jissieħeb miegħu fit-talb.  Fl-istess okkażjoni, tnediet u ngħata tifsira tal-istemma tiegħu bil-motto magħżul Sub tuum præsidium – “Taħt ħarstek nistkenn”.  Fil-fatt l-Isqof ġdid kiteb u qara talba li fiha fada l-ministeru episkopali tiegħu f’dirgħajn il-Madonna Ta’ Pinu, li x-xbieha tagħha tidher fiċ-ċentru tal-istemma ġdida tiegħu.  Fuq xewqa ta’ Mons. Bugeja nnifsu, l-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu sa tinżamm fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru, fis-6.30pm.

Ritratti: Joseph Xuereb


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/08/17/iccelebrata-l-velja-tal-ghid-tal-assunta-fis-santwarju-ta-pinu/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/08/012velja2015_img_1858.jpg
[2] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/08/015velja2015_img_2005.jpg
[3] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/08/003velja2015_img_1600.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.