Patri George Bugeja OFM maħtur Isqof Koadjutur ta’ Tripli

patri-george-bugeja-2.jpg

Illum f’nofsinhar, fis-Santwarju Ta’ Pinu, Għawdex, in-Nunzju Appostoliku għal Malta, fil-preżenza tal-Isqof Mario Grech, ħabbar in-nomina mill-Papa Franġisku ta’ Patri George Bugeja OFM, Għawdxi, bħala Isqof Koadjutur ta’ Tripli.

01-statement-from-the-apostolic-nunciature.pdf

UFFIĊĊJU STAMPA KURJA VESKOVILI TA’ GĦAWDEX
Stqarrija għall-Istampa
10 ta’ Lulju 2015

NOMINA TA’ ISQOF ĠDID GĦAL TRIPLI

Nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju 2015, f’12.00pm, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Roberto Cassari, Nunzju Appostoliku għal Malta u l-Libja, fil-preżenza tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u President tal-Konferenza Episkopali Maltija, ta’ Patri Richard Grech, Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Minuri Maltin, u tal-kleru Għawdxi, ikkomunika l-aħbar li l-Papa Franġisku għadu kemm ħatar lir-Reverendu Patri George Bugeja OFM, Superjur tal-Kunvent ta’ Sant’Antnin ta’ Padova f’Għajnsielem (Djoċesi ta’ Għawdex), bħala Isqof Koadjutur tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli.

In-nomina qed tidher ukoll fil-Bullettin tal-Aħbarijiet tas-Santa Sede mxandar fl-istess jum.

L-Ordinazzjoni Episkopali mistennija tinżamm Għawdex fl-4 ta’ Settembru 2015, imma aktar dettalji jingħataw ’il quddiem.

***

patri-george-bugeja-1.jpegPatri George Bugeja OFM twieled fl-1 ta’ Lulju 1962, fil-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra, fid-Djoċesi ta’ Għawdex.  Hu l-kbir fost ħames aħwa subien, ulied il-mejjet Emmanuel minn Ta’ Kerċem u Marija mwielda Attard mix-Xagħra.

Ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fil-Konservatorju tal-Isqof, il-Belt Victoria u fil-Kulleġġ De La Salle, Cospicua.  Irċieva l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċew tas-Subien fix-Xagħra, f’dak tal-Belt Victoria, u f’dak tal-Ħamrun.

Beda s-sena tal-Postulandat fil-Kunvent tal-Ħamrun fl-1976, u fit-2 ta’ Ottubru 1977 ta bidu għas-sena tan-Novizzjat fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Għajnsielem.  Wara ssokta bl-istudji ta’ sena fil-Letteratura u Studji Franġiskani fil-Kunvent tar-Rabat, Malta u mbagħad l-istudju tal-Filosofija u tat-Teoloġija fl-INSERM.  Għandu diploma fil-ġurnaliżmu u l-ispiritwalità.

Għamel il-Professjoni Solenni fit-28 ta’ Awwissu 1983, u fid-9 ta’ Lulju 1984 ingħata l-Ordinazzjoni Djakonali mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex.  Minħabba raġunijiet ta’ età – kellu 22 sena – l-Isqof tah dispensa ta’ sena.  Għall-istess raġuni, għamel sentejn jaqdi bħala Djaknu, u mbagħad ġie ordnat saċerdot nhar il-5 ta’ Lulju 1986 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, fil-knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Għajnsielem.  Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali hu ġie assenjat għall-Fraternità Franġiskana tar-Rabat, Malta

Matul il-ministeru pastorali tiegħu, hu wettaq dawn il-ħidmiet: fi Tripli, il-Libja (1987); f’St Paul’s, Toronto, il-Kanada (1987-1988); Gwardjan fil-Kunvent ta’ San Franġisk, il-Ħamrun (1988-1990); Gwardjan fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem (1990-1993); Gwardjan fil-Kunvent ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, ir-Rabat, Malta (1993-1995); ħidma fid-Dar tal-Irtiri Porziuncola, Baħar iċ-Ċagħaq u fid-Dar tal-Irtiri Padova, Għajnsielem (1995-1998); Responsabbli mid-Dar tal-Irtiri Padova (1998-2002); Gwardjan fil-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem u Mastru tan-Novizzi u Studenti (2002-2004); Gwardjan u Kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema (2004-2008); Uditur fit-Tribunal Ekkleżjastiku tad-Djoċesi ta’ Għawdex u Ministry Formator fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex (2008-2010); uffiċjal tal-Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli (Propaganda Fidei), il-Belt tal-Vatikan (Marzu 2010-Marzu 2015).

Minn Jannar 2015 hu l-Gwardjan tal-Kunvent ta’ Sant’Antnin, Għajnsielem.  Riċentement l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ħatru Delegat tiegħu għar-Reliġjużi.

Fi ħdan il-Provinċja Franġiskana Minuri Maltija hu kien ukoll Editur tal-Edizzjoni TAU (1997-2005) u Responsabbli mis-Segretarjat tal-Missjonijiet Franġiskani (1995-2007).

Patri George segwa Franciscan Internship Programme in Spiritual Direction u għandu Diploma fit-Teoloġija tal-Ħajja Kkonsagrata mill-Istitut tat-Teoloġija tal-Ħajja Kkonsagrata Claretianum fi ħdan l-Università Pontifiċja Lateranensi ta’ Ruma (2011-2012).

***

Il-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli (Rit Latin), fil-Libja, twaqqaf fit-23 ta’ Frar 1913 bħala l-Vigarjat Appostoliku tal-Libja.  Wara li fl-1927 beda jissejjaħ il-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripolitana, fit-22 ta’ Ġunju 1939 reġa’ ngħata l-isem li għandu llum.  Fl-istorja tiegħu kellu sitt Ordinarji, kollha mill-Ordni tal-Aħwa Minuri Franġiskani (OFM).  Il-Vigarju Appostoliku attwali hu Patri Giovanni Innocenzo Martinelli OFM, nominat fit-3 ta’ Mejju 1985.

***

Il-Patrijiet Franġiskani Minuri tal-Provinċja Maltija ta’ San Pawl Appostlu waslu fil-gżira ta’ Għawdex nhar it-22 ta’ Novembru 1899.  Fost l-ewwel patrijiet kien hemm Patri Anton Maria Cesal, iktar tard Kustodju tal-Franġiskani Maltin.

Wara tliet snin huma kisbu biċċa art mogħtija lilhom minn Kanonku tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl tal-Belt, fejn bnew knisja u l-ewwel parti ta’ kunvent fuq ir-riħ tax-Xatt tal-Imġarr.  Il-knisja, fuq disinn ta’ Dun Ġużepp Diacono, hi ddedikata lil Sant’Antnin ta’ Padova u ġiet inawgurata uffiċjalment fit-28 ta’ Ottubru 1906 u mbierka fil-preżenza ta’ Patri Kustodju Cesal.  Ħallas għall-bini tagħha benefattur min-Nadur, Ġużeppi Sultana.  Hi ġojjell artistiku fil-qalba tal-kampanja Għawdxija, b’dehra mill-isbaħ tal-fliegu mifrux quddiemha.  Il-kunvent serva għal bosta snin bħala Dar tan-Novizzjat, u jinkludi wkoll id-Dar tal-Irtiri Padova u issa, fi sħab mal-Gvern  Malti, Day Centre u Night Shelter.

***

Il-Parroċċa tax-Xagħra, raħal twelid Patri George Bugeja, hi ddedikata lit-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija – il-Bambina.  Twaqqfet parroċċa minn Mons. Davide Cocco Palmeri, Isqof ta’ Malta u Għawdex, fit-28 ta’ April 1688.  L-ewwel knisja parrokkjali kienet il-kappella ta’ Sant’Anton Abbati.  Il-knisja attwali, illum Bażilika u Kolleġġjata, inbniet fis-seklu sbatax.  L-ewwel ġebla tqiegħdet fit-2 ta’ Ottubru 1815, u l-knisja ġiet iddedikata fis-26 ta’ Mejju 1878, u mgħollija għal Arċipretali fil-11 ta’ Marzu 1893.  Ir-raba’ Kolleġġjata f’Għawdex twaqqfet fil-Parroċċa tax-Xagħra fis-17 ta’ Marzu 1900.  Il-parroċċa għandha popolazzjoni ta’ fuq erbat elef ruħ u tat frott ta’ bosta vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.  Fost dawn hemm ukoll Patri Joe Bonello OFM, Isqof ta’ Juticalpa fil-Ħonduras.  Il-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija tiġi ċċelebrata fil-jum liturġiku tagħha tat-8 ta’ Settembru.