- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ordinazzjoni ta’ Tliet Djakni

Posted By admin On June 22, 2015 @ 10:44 am In Press Releases | Comments Disabled

 

[1] ordinazzjoni-djakni-2015.jpg

“Ma nixtiqkomx titwieldu djakni għajjenin!”
L-Isqof ta’ Għawdex lit-tliet djakni ġodda Għawdxin

Fl-Ordinazzjoni Djakonali li mexxa fil-Katidral ta’ Għawdex nhar is-Sibt li għadda (20 ta’ Ġunju), l-Isqof Mario Grech qal lit-tliet seminaristi Għawdxin li ġew ordnati djakni: “Ma nixtiqkomx titwieldu djakni għajjenin!”.

L-Isqof Grech kien qed jitkellem dwar il-Vanġelu tal-Liturġija tal-ġurnata, li jirrakkonta dwar kif Kristu sikket it-tempesta fuq il-Baħar tal-Galilija.  Ġesù, qal l-Isqof, kien mimli ħeġġa biex jaqsam lejn in-naħa l-oħra tal-għadira, lejn Ġerasa, il-post li jirrappreżenta l-komunità pagana, għax lilhom ried iwassal il-Kelma.  Eku ta’ dan hi s-sejħa tal-Papa Franġisku biex inkunu Knisja li toħroġ, taqdef ’il barra biex tevanġelizza fil-periferiji tas-soċjetà.  Hemm bżonn li anki aħna “naqsmu għal Ġerasa”, qal l-Isqof Grech, u ma nsofrux mill-“kumpless ta’ Ġona” li ttenta jaħrab mir-rieda ta’ Alla li jħabbar l-indiema lill-pagani midinba.

L-Isqof interpreta l-biża’ tad-dixxipli bħala l-biża’ tagħna wkoll li nidħlu għal din l-avventura evanġelika, għax jogħġbuna iżjed l-ambjenti komdi li drajna fihom u nibżgħu minn xi tempesta!  “Tfittxux imwejjed mifruxin”, wissa lid-djakni, hu u jfakkarhom fil-missjoni tagħhom li jkunu qaddejja tal-komunità.  Ħeġġeġ ukoll biex ma naqilgħux tempesti għall-komunità, imma nħallu lil Ġesù jaħdem fina.

It-tliet seminaristi li ġew ordnati djakni huma Joseph Attard mill-Parroċċa taż-Żebbuġ, Massimo Buttigieg mill-Parroċċa tal-Katidral u Mario Curmi mill-Parroċċa tax-Xagħra.  Il-Quddiesa tal-Ordinazzjoni ġiet animata mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/06/22/ordinazzjoni-ta-tliet-djakni/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/06/ordinazzjoni-djakni-2015.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.