- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

QALB ĠDIDA GĦALL-KNISJA

Posted By admin On June 7, 2015 @ 8:03 pm In Homilies | Comments Disabled

Omelija fis-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin
Il-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 24 ta’ Mejju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Fil-ħajja spiss insibu ruħna nistaqsu dwar x’inhu s-sewwa jew x’għandi nagħmel biex nagħmel għażliet tajbin.  Qatt ma nafu biżżejjed.  Għalhekk ngħixu f’tensjoni bir-riskju li niżbaljaw.  Wieħed jawgura li l-iżbalji tagħna jkunu in bona fide għax ma nkunux nafu aħjar.

Imma nhar Għid il-Ħamsin, li fi kliem San Ġwann Kriżostmu hija r-Regina festivitatum, Ġesù jgħid kelma rassiguranti lill-Appostli, li bħalna kienu mikulin bl-inċertezzi dwar x’inhi l-verità.  Huwa jwegħedhom li jibgħatilhom l-Ispirtu tal-Verità.  Dan iqawwina fit-tama speċjalment f’dawk iċ-ċirkustanzi meta nħossuna fid-dlam għax ma nafux x’ser naqbdu ngħidu jew x’soluzzjoni pastorali għandna noffru, partikularment quddiem realtajiet ġodda li qed inħabbtu wiċċna magħhom, partikularment fil-kuntest familjari u soċjali.

Ma naqtgħux qalbna għax Ġesù tana garanzija li ser jibgħat fuqna l-Ispirtu s-Santu biex iwassalna għall-verità – dik il-verità li forsi sal-lum ma konniex nifilħu nisimgħuha.  Fil-fatt, Ġesù jgħid: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom…  Meta jiġi l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha”.  Dan ifisser li fil-proċess tal-għarfien tas-sewwa, hemm dak li jissejjaħ “il-prinċipju tal-gradwalità”, fis-sens li l-verità niskopruha biċċa biċċa.  Donnu fil-Knisja hawn min jitħawwad quddiem dan il-prinċipju – donnu hemm min jinstaram meta nirrikonoxxu li l-verità nagħrfuha bil-mod il-mod u skont kemm nifilħu nagħmluha tagħna!

Fi kliem Ġesù, l-Ispirtu li jibgħat fuqna l-Missier għandu żewġ ħidmiet: “Jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom” (Ġw 14:26).  Dawn l-għajnuniet neħtiġuhom it-tnejn.

Għandna bżonn li l-Ispirtu s-Santu “ifakkarna” x’qalilna Kristu.  Dan ifisser li rridu nibqgħu nixtarru l-Kelma Rivelata fis-safa tagħha u għalhekk imnaddfa minn dak kollu li jtappan it-tifsira awtentika tagħha.  Barra mill-kontemplazzjoni tal-Iskrittura, għandna nħallu lill-Ispirtu s-Santu jfakkarna x’emmnet u għallmet il-Knisja matul iż-żminijiet.  Neħtieġu ftit aktar sabar u ħila biex infanndu fit-“tradizzjoni”, partikularment fit-tagħlim tal-Missirijiet tal-Knisja, li hija “it-trasmissjoni ħajja mwettqa mill-Ispirtu s-Santu” (KKK 78).  Huwa tagħlim tal-Konċilju Vatikan II li l-Knisja ma tiksibx iċ-ċertezza tagħha dwar kulma ġie rivelat mill-Iskrittura biss imma wkoll mit-Tradizzjoni; għalhekk għandna nilqgħu bl-istess sentimenti ta’ qima kemm l-Iskrittura u kemm it-Tradizzjoni.

Mal-medda tas-snin, il-Knisja kisbet għarfien dejjem imġedded tal-verità.  Forsi llum, peress li tajna wisq importanza lir-raġuni kif ukoll lill-aspett istituzzjonali u ġuridiku, jista’ jkun li dik il-verità tgħattiet jekk mhux ukoll intilfet.  Matul is-Sinodu li sar f’Ottubru li għadda dwar iż-żwieġ u l-familja, jien kont għidt li għandna bżonn niskandaljaw dak li għallmu l-Missirijiet tal-Knisja għax l-Ispirtu s-Santu jrid ukoll ifakkarna kif it-tradizzjoni (il-komunità ekkleżjali) fehmet u għexet lil Ġesù.

Imma l-Ispirtu s-Santu jkompli “jgħallem” il-verità.  Prova ta’ dan għandna s-sehem li taw il-Konċilji matul l-istorja tal-Knisja.  Il-Konċilju huwa mument partikulari fejn l-Isqfijiet flimkien mal-Papa bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu komplew japprofondixxu l-għarfien tal-verità u jiddefenixxu din l-istess verità.  Kienu ħafna l-Konċilji li bit-tagħlim tagħhom għall-bidu bħal ġabu ċerta inċertezza fil-Knisja.  Huwa komuni li effett tal-Konċilju kien hemm min ħass xi “theżżiż” – imma dawn ma kinux skussaturi biex iwaqqgħu daqskemm biex jgħinu ħalli l-affarijiet jiġu f’posthom.  Huwa fatt li hemm min jitfixkel minħabba l-approfondiment tal-Vanġelu!

Jalla l-Ispirtu ta’ Alla jibqa’ jaħdem fina llum u minħabba l-biża’ ma jfettlilniex li nagħżlu t-triq il-ħafifa li niggranfaw maċ-ċertezzi li għandna u noqtlu kull imbuttatura biex ikun hemm dan l-approfondiment.  Jekk nagħmlu hekk, inkunu nxekklu l-Ispirtu ta’ Alla.  Illum inħolqu sitwazzjonijiet ġodda… il-bniedem għandu ħtiġijiet ġodda u ma jistax ikun li Alla huwa “rieqed” u assenti minn din ir-realtà.  Ma jistax ikun li Alla ma għandux kelma x’jafda lill-Knisja biex tkun tista’ tfarraġ u ssaħħaħ lill-bniedem tal-lum.

Irid ikollna aktar fiduċja fl-Ispirtu s-Santu.  Din it-tfittxija ma jagħmluhiex biss l-isqfijiet u s-saċerdoti, immma l-poplu kollu ta’ Alla.  It-teoloġija ma ssirx biss fuq l-iskrivanija tat-teologu jew fl-awla tal-università; imma t-teoloġija tissawwar u tnibbet ukoll fi ħdan il-poplu ta’ Alla.  Il-poplu ta’ Alla huwa partner ta’ Alla fid-dinja.  Komunità ekkleżjali sinċiera, miftuħa għat-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu u f’għaqda mar-ragħajja spiritwali tagħha, hija locus theologicus fejn Alla jikkomunika lilu nnifsu fl-istorja.  Fil-komunità ekkleżjali hija dak l-ispazju fejn in-Nisrani jġarrab l-esperjenza tal-enerġija divina preżenti fl-istorja.  Alla jibgħat l-Ispirtu tiegħu fuq kulħadd u jkellem lill-Knisja permezz ta’ kulħadd, anki permezz ta’ qagħdiet ġodda.  Il-Papa San Girgor il-Kbir kien jgħid li “l-aħħar wieħed fost l-Insara jista’ jinterpreta l-Iskrittura daqsi” u li “l-Iskrittura tikber ma’ min jaqraha”.

Imma Alla jagħtina l-għodda biex inkunu nistgħu nwettqu dan id-dixxerniment – biex naqbdu x’qed jgħid l-Ispirtu lill-Knisja.  Fil-fatt permezz tal-profeta Eżekjel, Alla jgħidilna: “Nagħtikom qalb ġdida… inneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom qalb tal-laħam u nqiegħed ruħi fikom” (36:26).  Interessanti li Alla ma jagħtiniex “moħħ ġdid”, imma qalb tal-laħam… qalb li tħobb, tħoss u miżerikordjuża.  Forsi fl-aħħar sekli aħna aktar tlabna lill-Ispirtu s-Santu jdawwal lil moħħna!  Huwa minnu li għandna bżonn id-don tal-intelliġenza biex nifhmu l-verità u nagħtuha formula biex tiftiehem; imma aktar minn moħħ imdawwal, neħtieġu qalb sħuna għax ħafna drabi, kif jgħid Pascal, il-qalb għandha r-raġuni li r-raġuni mhux dejjem kapaċi tagħraf (Pensieri 277).

Dak li f’Eżekjel Alla jgħid għall-bniedem, nixtiequ jsir mal-Knisja.  Forsi ma aħniex neqsin minn imħuħ imdawlin, imma qatt ma nistgħu ngħidu li għandna biżżejjed qlub jaqbdu bl-imħabba li jqabbad fihom l-Ispirtu s-Santu.  Neħtieġu qlub li jħabbtu b’taħbita qawwija għal Alla u daqstant ieħor għall-bnedmin.  Qegħdin ngħixu fi żminijiet sbieħ.  Ma għandniex għax naqtgħu qalbna.  Għandna l-wegħda li għamlilna Ġesù li l-Ispirtu s-Santu qiegħed magħna biex ikompli “iħabbrilna l-ġejjieni” fis-sens li jgħinna nifhmu xi jrid Alla fis-sitwazzjonijiet li ma kinux jeżistu qabel!  Imma biex jirnexxielna nagħmlu dan, neħtieġu qalb ġdida – qalb li tħabbat għall-bniedem bit-taħbita tal-qalb ta’ Kristu.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/06/07/qalb-gdida-ghall-knisja/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.