- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Isqof iżur l-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof

Posted By admin On May 8, 2015 @ 10:18 am In Press Releases | Comments Disabled

Messaġġ fiċ-Ċelebrazzjoni “Il-Kelma ta’ Alla u l-mara”
Skola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof, il-Belt Victoria
L-Erbgħa 6 ta’ Mejju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NINDUKRAW L-IDENTITÀ TAL-MARA

F’messaġġ li għamel lill-istudenti li jattendu fl-ewwel klassi tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof f’Għawdex, l-Isqof Mario Grech appella biex il-mara ma tippermetti lil ħadd jisirqilha l-identità femminili tagħha.

[1] zjara-fl-iskola-sekondarja-konservatorju-tal-isqof-2015.jpg

NINDUKRAW L-IDENTITÀ TAL-MARA

F’messaġġ li għamel lill-istudenti li jattendu fl-ewwel klassi tal-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof f’Għawdex, l-Isqof Mario Grech appella biex il-mara ma tippermetti lil ħadd jisirqilha l-identità femminili tagħha.

Huwa fatt li qegħdin ngħixu f’kultura maskilista li qed tikkundizzjona l-moħħ u l-qalb tal-mara.  Fil-fatt, ħafna drabi l-mara, xi drabi anki inkonxjament, issib ruħha taħseb u taġixxi skont kif jixtiequ minnha l-irġiel b’tali mod li mara saret inqas “mara” u aktar “raġel”.  Huwa fatt li għalkemm fl-aħħar snin kien hemm kisbiet f’dawk li jissejħu drittijiet tan-nisa, mhux dak kollu li s-soċjetà rrikonoxxiet lill-mara ssarraf f’avvanz veru tal-mara.  Diversi drabi l-mara sabet ruħha ridotta għal “oġġett” fi skemi maħsuba u ddettati mill-irġiel.  Għalhekk nappella lit-tfajliet biex jgħassu fuq dak kollu li huwa l-patrimonju femminili tagħhom, għax meta jitnaqqru jew jgħibu l-karatteristiċi propji tan-nisa, inkunu tlifna element essenzjali u insostitwibbli biex bħala bnedmin ikollna ħajja sħiħa.

Waħda mir-raġunijiet għaliex jien kuntent li l-Knisja għandha din l-iskola sekondarja għalikom it-tfajliet hija għaliex nemmen li din l-istituzzjoni edukattiva kapaċi tgħinkom tiżviluppaw il-ġenju femminili tagħkom u ’l quddiem tkunu tistgħu tagħtu kontribut lis-soċjetà u lill-Knisja.

Fil-fatt, nixtieq nara aktar nisa joffru sehemhom fi ħdan il-poplu ta’ Alla.  L-għajnuna materjali li ħafna nisa, fosthom anki dawk ikkonsagrati lil Alla, qegħdin jagħtu, għandha valur kbir; imma dan mhux biżżejjed.  Nara l-ħtieġa li l-mara tikkontribwixxi wkoll bil-ħsieb u l-qalb tagħha kemm fl-istrutturi fejn jinħmew il-proġetti pastorali tal-komunitajiet ekkleżjali u kemm fl-oqsma fejn issir ir-riflessjoni teoloġika.  In-nisa ma għandhomx ikunu biss dawk li jesegwixxu d-deċiżjonijiet, imma wkoll dawk li bl-intuwizzjoni femminili tagħhom jgħinu fir-riflessjoni tal-ħsieb teoloġiku, spiritwali u pastorali.  Huwa fatt li ħafna drabi, kemm ir-riflessjoni teoloġika u l-predikazzjoni u kemm l-atteġġjamenti pastorali tagħna bħala Knisja huma maħsuba u deċiżi mill-irġiel!  Dan huwa defiċit konsiderevoli u għandi xewqa nara aktar nisa dixxipli tal-Mulej jgħinu lill-Knisja, anki dik lokali, tegħleb din id-diffikultà.

L-Isqof Mario għamel dan il-messaġġ waqt ċelebrazzjoni dwar “Il-Kelma ta’ Alla u l-mara” organizzata mit-tim pastorali fi ħdan l-istess Skola tal-Konservatorju, nhar l-Erbgħa 6 ta’ Mejju 2015.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/05/08/l-isqof-izur-l-iskola-sekondarja-tal-konservatorju-tal-isqof/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2015/05/zjara-fl-iskola-sekondarja-konservatorju-tal-isqof
-2015.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.