L-ARMATURA TAD-DIXXIPLI TA’ ĠESÙ
Sintesi tal-Omelija fil-Festa Liturġika ta’ San Ġorġ
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria
Il-Ħamis 23 ta’ April 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
Kien nhar il-festa ta’ San Ġorġ filgħaxija ta’ mitt sena ilu li fil-belt ta’ Kostantinopli beda dak li llum huwa magħruf bħala l-ġenoċidju tal-Insara Armeni! Dakinhar sar patt biex is-soċjetà Torka titnaddaf mill-Insara bl-għan li jitwaqqaf Stat Tork li ma jkollux fih nies “barranin”. Fi żmien xahar, għadd ta’ Nsara intellettwali, kittieba, poeti u ġurnalisti ġew iddeportati u maqtula fl-Anatolja.
Għaddew tant snin u d-dinja għadha ma tafx tistħi minnha nfisha, tant li llum qed nassistu għal forom oħra ta’ olokawst ta’ eluf ta’ bnedmin. Kuljum nisimgħu b’ġenoċidju ieħor kontra l-Insara li qed iseħħ fl-Iraq – huma ċari quddiem għajnejna xeni tal-persekuzzjoni tal-Insara f’Ninwe u Mosul u l-qtil tal-Insara Etjopiċi fil-Libja. Atti ta’ qilla u vjolenza kontra l-Insara rajnihom iseħħu fil-Kenja.
Anki jekk mhux għal motivi reliġjużi, qed nassistu għal ġenoċidju ieħor ta’ ġnus li ġejjin minn pajjiżi Afrikani, kif jixhdu l-imwiet ta’ eluf ta’ immigranti midfuna fil-baħar ta’ madwarna.
Nagħmlu sewwa jekk nedukaw il-memorja individwali u kollettiva tagħna biex niftakru f’dawn l-esperjenzi koroh. Importanti li ma ninsewhomx, mhux biex inwebbsu qalbna kontra min organizza dawn il-ġenoċidji jew biex inpattulhom għad-deni kbir li jagħmlu, imma biex napprezzaw kemm kienu sodi u qawwija dawn in-nies. Fil-każ tal-Insara ppersegwitati nilmħu l-konvinzjonijiet reliġjużi li kellhom. Għalkemm sabu ruħhom mhedda u mkissra, ma għamlux kompromessi fit-twemmin tagħhom. Xi kultant naħseb li m’hemmx paragun bejna u bejnhom – ħafna drabi aħna l-Insara ngħixu “fit-tajjar” u ma nagħmlu lanqas sforz wieħed biex nibqgħu leali lejn Kristu u l-Vanġelu. Biex nevitaw kull għamla ta’ tbatija aħna tgħallimna nakkomodaw ħafna l-valuri tal-Vanġelu għad-dinja!
Min-naħa l-oħra, l-Insara martri jgħallmuna wkoll kif għandna nġibu ruħna quddiem l-“għadu” tagħna. Imlibbsa l-manswetudni, l-Insara martri, flok ma japplikaw ir-regola ta’ sinna għal sinna, kienu juru atteġġjamenti ta’ mħabba u ħniena ma’ dawk li jweġġgħuhom. Imwieżna bil-grazzja ta’ Alla, kienu jaslu biex, kif jitolbu fit-talba tal-Missierna, jaħfru lil min jagħmlilhom id-deni. Nistqarr li din mhix lezzjoni ħafifa, imma possibbli.
Hemm rabta bejn San Ġorġ u l-ġenoċidju tal-Armeni fl-Anatolja, it-Turkija! Ġeronzju, missier San Ġorġ, kien mill-istess zona – dak iż-żmien magħrufa bħala l-Kappadoċja – u ż-żagħżugħ San Ġorġ trabba hemm. Nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ, li wkoll kien vittma tal-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu, biex fuq l-eżempju tiegħu aħna nkunu sħaħ fit-twemmin u fl-istess waqt nilbsu l-armatura tal-imħabbba u tal-miżerikordja li hija l-armatura tad-dixxipli ta’ Kristu li jintgħarfu mill-imħabba tal-proxxmu.