- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ir-Rit tal-Ħasil tar-Riġlejn fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Posted By admin On April 8, 2015 @ 12:40 pm In Press Releases | Comments Disabled

ĠESÙ JAĦSLILNA RIĠLEJNA

hasil-ir-riglejn-2015.jpgNhar Ħamis ix-Xirka filgħaxija, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mexxa żewġ ċelebrazzjonijiet biex ifakkar l-Aħħar Ċena ta’ Ġesù: waħda fil-Katidral u l-oħra fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.  Kienet xewqa tal-Isqof li din is-sena jiċċelebra waħda mill-funzjonijiet tat-Tridu tal-Għid fl-Isptar biex juri l-viċinanza tal-Knisja lejn din l-istituzzjoni.

Dawn huma xi riflessjonijiet li għamel l-Isqof Mario f’din il-Liturġija:

Waħda mis-sorpriżi ta’ Ġesù fl-Aħħar Ċena kienet il-ħasil tar-riġlejn tad-dixxipli.  Ir-riġlejn mhumiex l-aħjar parti tal-ġisem uman, imma jirrakkontaw l-istorja ta’ dik il-persuna.  Għalhekk meta Ġesù jaħsel is-saqajn, qed jaħsel l-istorja ta’ dak li jkun.  Nemmen li llum Ġesù wkoll lest jaħslilna saqajna biex inaddafhomlna, jiffriskahom u jagħtihom is-saħħa.

Ġesù jaħsel saqajn iż-żgħażagħ li għalkemm riġlejn tarja u għandhom pass ħafif, jafu jitfixklu, jaqgħu u jinbarxu.

Ġesù jaħsel saqajn dawn li jaħbtu jegħjew iġorru fuq spallejhom il-piż tal-vokazzjoni tagħhom, bħalma huma l-ġenituri, il-ħaddiema, il-politiċi u anki aħna s-saċerdoti u l-isqfijiet.

Ġesù jaħsel saqajn dawk li ilhom mixjin vjaġġ spiritwali twil tant li għandhom saqajhom imzamzmin, ma jistgħux jerfgħuhom biex imiddu pass ieħor, u allura jaħbtu jaqtgħu qalbhom u jieqfu f’nofs ta’ triq.

Ġesù jaħsel saqjan dawk li qabdu triq żbaljata u forsi saqajhom żammewhom, weħlu mal-art għax jinsabu f’qagħda irriversibbli.

Ġesù jaħsel saqajn dawk li tant imxew fuq art taħraq jew tant rifsu ġebel iniggeż, jew tant imxew fix-xewk tal-ħajja, li saqajhom saru kollha mfafat u bil-flieli tas-safra u għalhekk jibżgħu jmiddu pass ieħor.

Ġesù jaħsel saqajn dawk li għax imxew fit-tajn u l-ħama tad-dinja, issa saqajhom ikkallaw, tant li jissusspettaw li ma jistgħu jindafu qatt.

Quddiem dawn il-każi, Ġesù la jistkerrah u lanqas jitqażżeż lil ħadd; imma jilqa’ lil kulħadd u jaħsillu riġlejh fil-lembija b’ilma li jsaffi u jagħti s-saħħa.  Ara ma jkunx hemm min jagħmillu reżistenza!  Kull darba li Ġesù jaħslilna riġlejna u jixxottahomlna, ikun qiegħed jgħinna nibdew niktbu paġna ġdida fl-istorja ta’ ħajjitna.

Imma Ġesù jgħidilna wkoll biex kif Hu jaħslilna riġlejna, aħna naħslu riġlejn il-proxxmu tagħna.  Mhix ħaġa ħafifa; imma Ġesù tana Ġismu bħala ikel u Demmu bħala xorb biex insibu l-kuraġġ u l-qawwa ħalli ma nirrifjutaw jew nittraskuraw lil ħadd.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2015/04/08/ir-rit-tal-hasil-tar-riglejn-fl-isptar-generali-ta-ghawdex/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.