“ĠABU RUĦHOM MAGĦNA B’UMANITÀ KBIRA”

Omelija fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl
Knisja parrokkjali tal-Munxar
It-Tlieta 10 ta’ Frar 2015
L-E.T. Mons.  Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ĠABU RUĦHOM MAGĦNA B’UMANITÀ KBIRA”

Matul il-Viżta Pastorali qed nagħmel esperjenzi sbieħ ħafna kemm fuq livell uman u kemm fuq livell spiritwali u reliġjuż.  Huma ħafna dawk li qed jagħmlu impenn ġenwin biex jgħixu l-fidi Nisranija.  Qed niltaqa’ ma’ familji li tassew huma “knisja” ċkejkna fid-dar.

Imma qed niltaqa’ wkoll ma’ individwi li jsibuha diffiċli li jibqgħu mixjin wara Ġesù.  Uħud għal xi raġuni jew oħra jħossu li qed jinqatgħu lura mill-bqija tal-komunità ekkleżjali.  Hemm oħrajn li sfortunatament iltaqgħu ma’ min qatagħhom mill-Knisja!  Ma qed ngħid xejn ġdid, għax ħadd minna, jien inkluż, ma hu barrani għal din it-tensjoni.  It-taqbida interjuri hija esperjenza komuni għalina lkoll.  Jekk fil-wiċċ il-baħar jidher kalm, jista’ jkun li minn taħt ikun hemm l-imbullatur!  Ħafna drabi jirnexxielna nibqgħu rasna ’l fuq mill-ilma, imma drabi oħra nsibu ruħna mgħaddsin fl-ilma.  Nifhem ħafna lil San Pawl meta jgħid li ħafna drabi kien isib ruħu qed jagħmel dak li ma jixtieqx!

Imbagħad naf ġenituri tajbin li għalkemm isusu wara wliedhom biex ma jittraskurawx il-Quddiesa tal-Ħadd, iħossu li qed jagħżqu fl-ilma għax kliemhom jaqa’ fuq widnejn torox.  Ġenituri ta’ din ix-xorta bħal jaqtgħu qalbhom mhux biss mit-trobbija Nisranija, imma anki mill-futur tal-Knisja f’pajjiżna.

Niltaqa’ wkoll ma’ dawk li għal xi raġuni jew oħra sabu ruħhom f’qagħda mwiegħra!  Huma każijiet diffiċli.  Għalkemm huma sitwazzjonijiet fihom infushom mhux tajbin, għal xi wħud minnhom u minħabba ċerti ċirkustanzi huma qagħdiet li ma jistgħux jinqalgħu minnhom.  Dawn ħutna, għalkemm niedma tal-għażla mhix f’postha li jkunu wettqu, iħossu li huma esklużi milli jimxu wara Ġesù, u d-diskors dwar l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla ma jgħoddx għalihom.

Dawn huma ftit mill-istejjer ta’ persuni li qed jitilfu kull tama f’Alla u fil-Knisja!  Huma individwi li naqashom il-kuraġġ biex jibqgħu jgħixu t-twemmin reliġjuż tagħhom.  Bir-raġun dawn jistaqsu kif qatt it-tilqima spiritwali tista’ tieħu meta z-“zokk” fih il-mard.

Meta naqra r-rakkont li għandna fl-Atti tal-Appostli dwar in-nawfraġju ta’ Missierna San Pawl, insib dettall żgħir imma sinifikattiv li f’dawn iċ-ċirkustanzi li semmejt lili jagħmilli l-qalb.  Fir-rakkont San Luqa jsemmi ingredjent importanti preżenti fid-DNA ta’ ġensna (u allura jibqa’ hemm anki jekk jgħaddu mijiet ta’ snin).  Għalhekk, minkejja li z-zokk fih xi mard, nemmen li t-tilqima fi Kristu li tana Pawlu għad tieħu.  Fil-fatt, San Luqa jgħid li wara li ħelsu mill-għarqa u waslu fuq xtutna, in-nies ġabu ruħhom magħhom “bi ħlewwa liema bħalha” (28:2).  Bil-Latin il-kelma “ħlewwa” hija mfissra b’kelma aktar qawwija: “b’umanità kbira” (“non modicam humanitatem”).  Anki San Ġwann Griżostmu, meta jikkummenta dwar dan il-passaġġ tan-nawfraġju ta’ Pawlu, jinnota din l-umanità straordinarja tal-Maltin.  Din it-tjubija umana l-Maltin ma wrewhiex biss mat-tajbin, imma saħansitra mal-“ħabsin” li waslu l-art minn fuq il-ġifen.

Propju għaliex kienu mżejna b’din l-umanità mhix tas-soltu, l-antenati tagħna (li kienu pagani), meta waslet is-siegħa ta’ Alla għalihom u l-Appostlu xandrilhom lil Kristu, laqgħu l-Vanġelu.  Id-doża qawwija ta’ umanità ħejjitilhom qalbhom biex l-imħabbba ta’ Alla tissawwab fuqhom.  F’ċertu sens, Pawlu sab is-sodda mifruxa: għax il-Maltin kellhom dan is-sentiment qawwi ta’ umanità, kien naturali għalihom li jinnamraw minn Kristu.  Dan ifisser li dawk li llum għal xi raġuni jew oħra għandhom xi xkiel fil-mixja tagħhom wara Kristu fil-Knisja, jekk huma mżejna b’din l-umanità, allura ngħidilhom li huma predisposti biex xħin tasal is-siegħa ta’ Alla għalihom, huma wkoll isibu l-faraġ ta’ Kristu.

Fir-rakkont tan-Nawfraġju hemm bosta ħjiel li jikkonferma li dan il-poplu kellu umanità liema bħalha; anzi, inżid ngħid li xi drabi l-umanità li kellu dan il-ġens pagan hija ċanfira għalina l-Insara li, għalkemm inħaddnu Vanġelu li jkattar l-umanità, xi drabi din hija nieqsa fina.

Nibda biex insemmi d-disponibbiltà tagħhom biex jilqgħu lill-barranin.  Urew l-ospitalità tagħhom billi qabbdulhom in-nar biex jisħnu u tawhom x’jieklu.  Meta għamlu dan, ġralhom dak li San Pawl jgħid fl-Ittra lil-Lhud: meta laqgħu l-barranin, “xi wħud laqgħu l-anġli bla ma kienu jafu” (13:2).  Hija ħasra li llum fostna hawn min ma japprezzax din l-umanità kbira ta’ ġensna li għalkemm għaddew is-snin, għadu magħruf għall-ospitalità li joffri b’mod partikulari mal-immigranti li qed jaslu fuq xtutna bid-dgħajjes.  Hawn min jipprova jċamana, anki lilna bħala rgħajja tagħkom, talli għandna din l-attitudni li nilqgħu lill-barrani.  Apprezzajt ferm li dan l-aħħar, membru tal-Gvern qal li tkun bigotry jekk ma ngħinux lill-immigranti jintegraw ruħhom fis-soċjetà.  L-idea li jkun hemm ġbir ta’ firem kontra l-integrazzjoni tal-immigranti f’pajjiżna hija dnub kontra l-umanità u tebgħa fl-identità Maltija.

Sinjal ieħor li jixhed kemm kienet kbira l-umanità tal-Maltin huwa l-ġenerożità tagħhom.  Huma mhux biss laqgħu lil Pawlu flimkien mal-ekwipaġġ li kien hemm fuq il-ġifen, mhux biss żammewhom magħhom għal tliet xhur, imma qabel ma salpaw lejn Ruma, għabbewlhom il-ġifen b’dak kollu li kienu jeħtieġu (ara Atti 28:10).  Anki llum il-poplu tagħna għadu jiddistingwi ruħu għall-ġenerożità tiegħu.  Ma jgħaddix xahar u ma jkunx hemm kampanja ta’ karità li n-nies ma tikkonkorrix.

Din il-ħlewwa liema bħalha tidher ukoll meta wara li Pawlu fejjaq li missier Publju, in-nies bdew jeħdulu l-morda tagħhom biex ifejjaqhom.  Dan ifisser li kienet soċjetà li tagħti kas tal-marid, ta’ min kien vulnerabbli u dgħajjef.  Kienet soċjetà li tibki ma’ min jibki.

Kif dakinhar kienet din l-umanità mhux komuni li ddisponiethom biex jilqgħu l-grazzja ta’ Alla u minn pagani jsiru Nsara, hekk ukoll lil dawk fostna li qed iġorru xi piż fil-kuxjenza u qed jaqtgħu qalbhom li għad jiġi jum li Alla jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbhom jew darhom u jidħol joqgħod għandhom, nagħmlilhom kuraġġ għax l-umanità li għandhom taf tkun il-bidu mill-ġdid tal-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù.  Ukoll jekk il-ħajja Nisranija tiegħek hija xi ftit imxellfa, jekk għandek minn din il-“ħlewwa liema bħalha”, diġà qiegħed fit-triq li matulha taf tiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ Ġesù Kristu.

Jekk il-Maltin kellhom din il-“ħlewwa” straordinarja, xejn inqas kellu l-Appostlu Missierna.  L-esperjenza diretta li Pawlu kellu ta’ Kristu, Alla li sar bniedem, ma setgħetx ma tgħinux jinża’ l-bniedem il-qadim u jilbes umanità mġedda minn Kristu nnifsu.

Il-predikazzjoni u l-ħidma tiegħu kienu mmarkati minn ħafna umanità.  L-ewwel nett, propju għax kien konxju mid-dgħufija umana tiegħu nnifsu, tant li kien jitkellem dwar xewka moħbija f’ġismu, Pawlu fehem tajjeb kemm il-bniedem huwa dgħajjef.  Imma mbagħad huwa jgħallem li f’kuntrast ma’ din id-dgħufija umana, feġġet it-tjieba u l-umanità ta’ Alla – “apparuit begnitas et humanitas Salvatoris nostri Dei” (Titu 3:4).  Fil-fatt lil Titu jiktiblu hekk: “Aħna wkoll darba konna bla moħħ, konna nies li ma jridux jobdu, bnedmin li tilfu t-triq, ilsiera tal-passjonijiet u kull xorta ta’ pjaċiri, konna ngħixu fil-ħażen u fl-għira; konna nies ta’ min jobgħodna u għedewwa ta’ xulxin.  Iżda meta feġġet it-tjieba u l-umanità ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, hu salvana” (Titu 3:3-4).  Kif Alla ħa fuqu l-umanità biex seta’ jikkomunika mal-bnedmin, hekk għal Pawlu l-umanità kienet il-kanal tal-ministeru tiegħu.

Ħafna drabi fl-ittri tiegħu Pawlu jeżortana biex nistinkaw ħalli fuq l-eżempju ta’ Alla u ta’ Kristu nikbru fil-ħajja tal-virtujiet li essenzjalment huma virtujiet umani.  Lill-Insara ta’ Tessalonika jgħidilhom: “Jalla l-Mulej iwassal lil qlubkom għall-imħabba ta’ Alla u s-sabar ta’ Kristu” (2 Tess 3:5).  U fl-ewwel ittra lill-istess komunità Pawlu jeżortahom biex jistabru b’kulħadd (ara 1 Tess 5:14).  Huwa ma jehdiex jappella biex bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, naħmlu u nħobbu lil xulxin (ara Efes 4:3).  Lil dawk li kienu jgħammru fil-belt ta’ Kolossi, l-Appostlu jiktbilhom: “Ilbsu sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar.  Stabru b’xulxin, u jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom lil xulxin.  Fuq kollox ilbsu l-imħabba li hija l-qofol tal-perfezzjoni” (Kol 3:12-14).  Pawlu jerġa’ jtambar dwar dawn il-virtujiet fl-innu lill-imħabba li huwa jinseġ fl-Ittra lill-Korintin, meta jgħid li l-imħabba taf tistabar u tħenn, mhix għajjura, ma tinkorlax, ma żżommx f’qalbha għad-deni, kollox tagħder, kollox tissaporti (ara 1 Kor 13:1-8).  Żgur li Pawlu ma kienx ser jazzarda jgħid dan u jgħidilhom “ixbhu lili”, kieku huwa stess ma kienx mogħni b’din l-umanità straordinarja!

Jekk il-Vanġelu huwa ħmira ta’ umaniżmu, ma nistgħux inxandruh jekk bħal Pawlu aħna ma jkollniex umanità kbira.  Dan ngħidu l-ewwel u qabel kollox għalina s-saċerdoti li aħna msejħin u mibgħuta biex inkunu ħabbara tal-Bxara t-Tajba.  Il-Vanġelu ma jasalx bl-għajjat, biċ-ċamar u bil-kundanni, imma b’ħafna ħlewwa, paċenzja u ħniena.  Dan jgħodd ukoll għall-ġenituri li huma l-ewwel ħabbara ta’ Ġesù għal uliedhom.  Nagħmel il-qalb lil dawk il-ġenituri li jridu jissieltu biex jittrasmettu l-fidi lil uliedhom, biex juru ħafna mħabba u sabar magħhom – is-sabar huwa attribut ta’ Alla daqskemm hija l-imħabba.  Nitgħallmu minn Alla li jaf jistenna.  Intenni l-istess lill-katekisti: fir-relazzjoni mat-tfal tal-katekiżmu, aħjar kuċċarina għasel milli bettija ħall.

Nistgħu ngħidu li għal San Pawl il-grazzja mhux biss tipperfezzjoni n-natura umana, imma wkoll tibni fuqha.  Għalhekk, fejn hemm qafas uman tajjeb, ħin jew ieħor din l-art għammiela għandha ħila twarrad b’virtujiet ogħla.