Archive for February, 2015

L-Isqof Grech jagħti l-Lettorat lil żewġ żgħażagħ Għawdxin

“Alla jieħu grazzja mad-diżgrazzjati”

lettorat-2015-1.jpg


Fil-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra, il-bieraħ il-Ħadd 15 ta’ Frar 2015, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, mexxa r-Rit li bih ta l-Ministeru tal-Lettorat lil żewġ seminaristi li qed jitħejjew għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.  Michael Grima, mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz, u Carl Scerri, mill-Parroċċa tal-Katidral, ingħataw formalment il-mandat tal-Knisja biex ixandru l-Kelma bħala letturi waqt il-Liturġija Mqaddsa.

Meta fil-knejjes kollha ta’ Għawdex kienet qed tinqara l-Ittra Pastorali tiegħu għar-Randan, bit-tema Kristu jixxotta d-dmugħ, l-Isqof Grech fl-omelija tkellem dwar il-Kelma li għandha l-qawwa li tfarraġ u tfejjaq il-qalb miksura.  “Alla jieħu grazzja mad-diżgrazzjati”, qal l-Isqof, u kkwota wkoll l-omelija tal-Papa Franġisku li dakinhar filgħodu qal li “m’hemm ħadd fil-Knisja li hu eternament ikkundannat”.

B’riferenza għall-Ministeru tal-Lettorat li kien qed jagħti lil dawk iż-żewġ żgħażagħ f’rit qasir wara l-omelija, l-Isqof qal li għal ħafna dawn jistgħu jidhru kelmiet u ġesti teatrali vojta, imma għall-għajnejn tal-fidi huma esperjenza tal-preżenza u l-grazzja ta’ Alla li taħdem fil-ministri tal-Kelma tiegħu.

Fi tmiem il-Quddiesa, l-Isqof sellem lill-komunità parrokkjali tax-Xagħra, u waqt li rringrazzjaha għall-imħabba li għandha lejn il-vokazzjonijiet, introduċa lil Patri Tony Sciberras MSSP, li mix-xahar l-ieħor beda jservi l-mandat tiegħu bħala Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex.

lettorat-2015-2.jpg

Ritratti: Ray Grech

Tberik tat-Trabi fil-Ġuf

Omelija fit-Tberik tat-Trabi fil-Ġuf
Il-Ħadd 8 ta’ Frar 2015
Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

XANDARA TAL-VANĠELU TAL-ĦAJJA

tberik-tat-tarbija-fil-guf-ta-pinu-2015.jpg

Fost ix-xandara tal-Vanġelu nilmaħ lilkom, ommijiet li bħalissa qegħdin iġorru t-tarbija fil-ġuf, flimkien ma’ żwieġkom.  Fil-fatt, kull tarbija li titnissel hija aħbar tajba, għaliex dan ifisser li Alla, l-awtur ta’ kull ħajja, qed joffri lill-koppja u lill-umanità ħajja ġdida.  Sa mit-tnissil tagħha kull persuna għandha għax trodd ħajr lil Alla għall-eżistenza tagħha; imma kull ħajja umana ġdida hija bħal warda li bi ġmielha u fweħitha ssebbaħ il-ġnien (l-umanità).  Għalhekk kull tarbija li titnissel hija barka minn Alla għas-soċjetà kollha.

Meta tissieħbu ma’ Alla fit-tnissil tat-tarbija qegħdin tgħidulna li l-ħajja hija n-nifs ta’ Alla.  Għaliex il-ħajja umana hija sagra, jistħoqqilha kull qima u rispett mill-mument li titnissel sa meta tintemm b’mod naturali.  Għalhekk, għeżież ġenituri li qed tistennew it-tarbija tagħkom titwieled, intom qegħdin tgħidulna biex naħarbu dak kollu li jista’ jhedded il-ħajja umana jew iqegħidha fil-periklu.  Hija tassew ħasra li l-kultura tal-iskart li bħal donnha taħbat terfa’ rasha, taf tikkundizzjona l-viżjoni tagħna tal-ħajja umana! Continue reading >>

Preżentazzjoni tat-Trabi lil Sidtna Marija Ta’ Pinu

Messaġġ lill-Ġenituri

Is-Sibt 7 ta’ Frar 2015
Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

prezentazzjoni-trabi-u-tfal-ta-pinu-2015.jpg


Nifraħ nara daqshekk ġenituri bi wliedkom biex tippreżentawhom lil Ġesù minn idejn l-Omm tagħna Ta’ Pinu.  Nifhem ir-raġuni għaliex tixtiequ tqiegħdu lil uliedkom taħt il-ħarsien ta’ Ġesù, l-aktar meta nikkunsidra l-missjoni delikata li għandkom bħala edukaturi ta’ wliedkom.

Qawl Afrikan jgħid li hemm bżonn ta’ raħal sħiħ biex teduka tifel, fis-sens li huma diversi l-persuni u l-istituzzjonijiet li jgħinu fil-formazzjoni tal-persuna.  Billi l-ġenituri jibqgħu l-ewwel u l-aqwa edukaturi ta’ wliedhom, huwa dmir u dritt tagħhom li jaraw li wliedhom jirċievu edukazzjoni skont il-konvinzjonijiet morali u reliġjużi tagħhom.  Ħadd ma jiddubita mis-sehem indispensabbli ta’ dawk l-aġenziji bħalma huma l-iskejjel, gruppi kulturali u sportivi, li jgħinu fl-edukazzjoni tal-ulied; imma dawn jibqgħu għajnuna sussidjarja għall-ġenituri u qatt ma jistgħu jieħdu posthom.  Il-ħidma edukattiva meqjusa li joffru l-ġenituri u l-aġenziji l-oħra tgħin biex l-ulied jikbru fiż-żmien, fl-għerf u l-grazzja.

Ittra Pastorali tar-Randan 2015

wipe-tears.jpg39/2015

ITTRA PASTORALI
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Randan 2015

KRISTU JIXXOTTA D-DMUGĦ

Għeżież,

Fil-ħajja tiegħi ta’ saċerdot rajt persuni jibku bil-ferħ; imma naf ħafna aktar li jolfqu għax qalbhom maqsuma. Filwaqt li huwa normali li f’mumenti sbieħ naqsmu l-ferħ tagħna mal-oħrajn, ħafna drabi, meta l-inkwiet iżurna, nibku waħidna, kemm għaliex min-natura tiegħu l-bniedem ifittex jostor dan l-iżvog intimu tiegħu, u kemm għaliex drabi oħra ma jsibx min jibki miegħu.

Demgħat
Fil-laqgħat li qed ikolli magħkom matul il-Viżta Pastorali, b’mod partikulari fiż-żjajjar fil-familji, qed niltaqa’ ma’ diversi sitwazzjonijiet ta’ qsim il-qalb.

Hemm dawk li huma mifnija bis-sens ta’ ħtija, għax ma jistgħux jaħfru lilhom infushom għal xi għelt li jkunu wettqu fl-imgħoddi.

Niftakar f’dawk il-morda li ssibhom bl-għata fuq wiċċhom biex jaħbu għajnejhom li jkunu jgħumu fid-dmugħ minħabba l-uġigħ qalil jew għax ikunu tilfu kull tama ta’ fejqan.

Iltqajt ma’ min ittallab u għadu jittallab biex iħallas għall-kura.

Inġib quddiem għajnejja lil dawk li huma bla xogħol, għandhom xogħol prekarju jew saret inġustizzja magħhom.
Għandi f’moħħi dawk il-koppji li ma jistgħux isawru familja, jew għandhom xi wild b’diżabilità serja, inkella għandu xi marda gravi.

Kif nista’ ninsa lil dawk il-familji fejn hemm il-firdiet? Jgħaddu s-snin, u ġenituri u wlied jibqgħu ma jitkellmux, id-demm tal-aħwa bħal donnu jsir semm, u nanniet u neputijiet ma jiltaqgħux.

Imbagħad hemm dawk li għaddejjin minn tbatija kbira għaliex iħossuhom imġennbin, jekk mhux ukoll ikkundannati mill-bqija minħabba li għażlu stil ta’ ħajja partikulari, jew dawk li kienu miżżewġin u issa qegħdin fit-tieni relazzjoni.

Hemm dawk li kapaċi jitbikkmu għax jinħaqru minħabba l-lewn tal-ġilda. Continue reading >>

Bullettin tal-Ħadd - 15 ta’ Frar 2015

Aqra l-Bullettin minn hawn:

bullettin-2015-frar-15.jpg

Bullettin tal-Ħadd - 8 ta’ Frar 2015

Aqra l-Bullettin minn hawn:

bullettin-2015-frar-08.jpg

Il-Papa jikteb lill-Konferenzi Episkopali dwar l-impenn tal-Knisja biex tħares it-tfal mill-abbużi

Niżżel kopja tal-Ittra tal-Papa minn hawn: 17b-ittra-papa-frangisku-eng.pdf

L-Isqof Grech itemm il-Viżta Pastorali f’San Lawrenz

“Agħmlu l qalb, komplu ibnu l komunità madwar il Kelma”

Nhar is-Sibt li għadda, 31 ta’ Jannar 2015, festa ta’ San Giovanni Bosco, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech temm il-Viżta Pastorali tiegħu f’wieħed mill-iċken irħula Għawdxin, dak ta’ San Lawrenz fil-punent tal-gżira.

vizta-pastorali-san-lawrenz.jpg
Il-Viżta, li fetħet uffiċjalment fit-12 tax-xahar, għal tliet ġimgħat rat lill-Isqof Grech iqatta’ bosta sigħat kull fil-għaxija jdur kull kategoriji tal-komunità ta’ dan ir-raħal, jiltaqa’ mad-diversi realtajiet spiritwali u anki soċjali tiegħu.  Għalkemm lokalità ċkejkna ta’ xi sitt mitt ruħ jew ftit aktar, San Lawrenz hu raħal soċjalment u kulturalment attiv.

Matul din il-Viżta, l-Isqof żar fost l-oħrajn id-Dar tar-ruħ twajba Dun Ġużepp Cauchi, li tinsab fil-pjazza ewlenija, fejn bierek salib ġdid li sa jibda jifforma parti minn dan il-mużew dwar dan is-saċerdot Lawrenzjan li għex ħajja qaddisa u fl-2015 qed jitfakkru s-sittin sena minn mewtu.

Hu sab il-ħin iżur ukoll il-familji li xtaqu jilqgħuh fid-djar tagħhom, kif ukoll lir-residenti anzjani u morda f’Villa San Lawrenz, fejn hemm rikoverati wkoll tliet saċerdoti.  Il-Viżta messet ukoll mal-Kappella ta’ Sant’Anna fid-Dwejra, attrazzjoni turistika li tagħmel ma’ dan ir-raħal.

vizta-pastorali-san-lawrenz2.jpg
“Agħmlu l qalb, komplu ibnu l komunità madwar il Kelma”.  Dan kien il-messaġġ aħħari li ta l-Isqof is-Sibt li għadda, fil-Quddiesa ta’ għeluq il-Viżta Pastorali f’San Lawrenz.  Hu esprima s-sodisfazzjon tiegħu li sab komunità parrokkjali ħajja u entużjasta, bil-Bxara t-tajba bħala l-fûs tagħha.

Ritratti: Noel Formosa