€5,200 mill-festi Għawdxin għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

L-Isqof jippreżenta s-somma nhar il-Ħadd li għadda

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Morda, nhar il-Ħadd 15 ta’ Frar 2015, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mexxa Quddiesa fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.  F’din l-okkażjoni, hu ppreżenta f’isem id-Djoċesi ta’ Għawdex is-somma ta’ €5,200 lil Dr Nadine Delicata, CEO tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, biex tintefaq f’għadd ta’ hospital supplies, li jinkludu tnax-il wheelcahir, paediatric wheelchair, chair weighing scales, u tliet air mattresses.

dsc_0884.jpg

Is-somma sabiħa nġabret fix-xhur tas-Sajf mill-ħmistax-il komunità parrokkjali flimkien mal-komunità reliġjuża tal-Franġiskani Konventwali f’Għawdex.  Il-parroċċi Għawdxin riedu li tkun ġest ta’ karità bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-festi titulari tagħhom.

dsc_0879.jpg

Dr Delicata wriet is-sodisfazzjon għal din l-għotja ġeneruża u sinifikanti, u qalet li bosta mill-wheelchairs diġà jinsabu mqassma fid-djar għas-servizz ta’ min jeħtieġhom.Dan hu l-messaġġ li għamel l-Isqof Grech f’din l-okkażjoni:

dsc_0820.jpgBilli l-festi parrokkjali huma ċelebrazzjonijiet ta’ ferħ, bħala Kulleġġ tal-Kappillani fid-Djoċesi ta’ Għawdex ħsibna li kull parroċċa tnaqqas ftit mill-ispejjeż li jsiru fil-festa biex issir donazzjoni b’risq dawk li jiġu bżonn tas-servizzi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.  B’dan il-ġest irridu nuru li bħala komunità ekkleżjali aħna tajna widen għall-karba ta’ min hu għaddej mit-tbatija u bkejna miegħu.

Barra minn hekk, nixtieq li b’din l-għotja lill-Isptar Ġenerali nfakkru lis-soċjetà tagħna li huwa dmir tagħna lkoll li nwieżnu lill-Istat Malti li qed jivvota miljuni ta’ ewro biex f’pajjiżna jkollna s-servizzi tas-saħħa b’xejn.  Il-fatt li l-Gvern tagħna qed jiggarantilna sistema sanitarja ta’ livell għoli diġà huwa kontribut  li għandu jserrħilna moħħna, aktar u aktar meta dan huwa servizz gratuwitu.  Huwa minnu li bħala ċittadini aħna nħallsu t-taxxi;  imma din il-kontribuzzjoni mhix biżżejjed.  Is-sens ċiviku jgħidilna li din l-għamla ta’ ġustizzja mifhuma f’sens dejjaq (nagħti daqsakemm nirċievi lura) mhix kollox; minflok għandna nħaddmu l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali.  Għalhekk b’din l-inizjattiva nixtiequ ngħinu lill-komunità Nisranija tħaddem il-loġika tal-gratuwità – li tagħti mingħajr ma tistenna xejn lura.

Dan il-ġest jorbot sew ma’ dak li l-Isqof Grech qal fil-Pastorali tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena, fejn għamel stedina lill-poplu ta’ Alla biex jgħin ħalli jonqos il-biki u ngħinu lil min għandu għajnejh fid-dmugħ tat-tbatija.

Ritratti: Felix Cutajar