Nhar is-Sibt 17 ta’ Jannar filgħaxija, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Insara tad-Djoċesi ta’ Għawdex ingħaqdu ma’ Mons. Pawlu Cremona OP, Arċisqof Emeritu ta’ Malta, biex iroddu ħajr lil Alla għall-ministeru pastorali tiegħu fit-tmun tal-Knisja f’Malta. Ma’ Mons. Cremona kkonċelebraw Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, u għadd ta’ kappillani u saċerdoti Għawdxin.
Fl-omelija, l-Isqof Mario rringrazzja lill-Arċisqof Cremona għall-medjazzjoni tiegħu bejn Alla u l-bniedem. Fil-fatt, Mons. Cremona nqeda bil-ministeru tiegħu biex jgħin lill-bniedem jagħraf ir-rieda ta’ Alla u hekk isib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet eżistenzjali tiegħu, konvint li Kristu huwa t-tweġiba ta’ Alla l-Missier lill-umanità. Mons. Cremona ħadem biex Kristu jkun fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà, u għalhekk bir-raġun jixraqlu t-titlu ta’ “missier spiritwali”, għaliex nissel lil ħafna għall-ħajja tal-Ispirtu, żied l-Isqof ta’ Għawdex.
Fi tmiem il-Quddiesa, l-Isqof Grech f’isem id-Djoċesi Għawdxija offra inċiżjoni tal-Madonna Ta’ Pinu lill-Arċisqof Emeritu Cremona, waqt li wassallu r-ringrazzjament tiegħu personali u tad-Djoċesi kollha għall-ministeru episkopali tiegħu.
Ritratt: John Cordina
Published on January 20, 2015
in Speeches.
L-isfidi tal-ħajja kkonsagrata “illum” f’pajjiżna
Riflessjoni tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
Laqgħa għall-Persuni Kkonsagrati, Malta
It-Tlieta 13 ta’ Jannar 2015
Inħossni grat ħafna li qed tagħtuni din il-possibbiltà li għalkemm qiegħed fl-iżvantaġġ li m’iniex “reliġjuż”, nirrifletti magħkom dwar il-ħajja reliġjuża f’pajjiżna. Dan għal diversi motivi. L-ewwel nett għax nemmen li fis-senduq tal-Ħajja Reliġjuża hemm tant għerf u esperjenza evanġelika li, kif kien qal il-Beatu Papa Pawlu VI, “il-Knisja ma tistax tippermetti li jgħibu dawk ix-xhieda eċċezzjonali tat-traxxendenza tal-imħabba ta’ Kristu u s-soċjetà; jekk ma tridx tagħmel deni lilha nfisha, ma tistax tħalli dawn id-dwal jintfew” (Evangelica testificatio, 3). U kif jikteb il-Papa San Ġwanni Pawlu II, ir-reliġjużi mhux biss għandhom storja glorjuża x’jiftakru u jirrakkontaw, imma meta jħarsu ’l quddiem huma għandhom ukoll storja kbira x’jinsġu (ara Vita consecrata, 110). Continue reading >>
Ara l-Bullettin minn hawn:
KONFERENZA (annwali) organizzata mill-Kummissjoni Familja tad-Djoċesi ta’ Għawdex – Suġġett ta’ din is-sena: TINDAĦALLIX! Kif nifhem lil uliedi adolexxenti.
Ser tinżamm f’Villa Fiorita, limiti ta’ Marsalforn, nhar is-Sibt 24 ta’ Jannar bejn il-5.30pm u t-8.30pm.
Bħal fis-snin l-imgħoddija l-iskop ewlieni tal-konferenza hu dak li tipprovdi mument ta’ formazzjoni għall-familji dwar il-familja billi tagħti spunti ta’ kif wieħed jista’ jsaħħaħ il-familja tiegħu.
Il-kelliem ewlieni għal din is-sena ser ikun Dun Joseph Farrugia SThL, PsyD. Dun Joseph huwa psikologu, Direttur tal-Gozo Family Counselling Centre u lecturer fl- Università ta’ Malta.
Il-konferenza ser tinżamm bil-Malti. Kulħadd huwa mistieden, b’mod partikolari l-ġenituri ta’ adolexxenti. Dħul b’xejn. Ikun hemm min jieħu ħsieb it-tfal.
Ara l-Bullettin minn hawn:
Niżżel kopja minn hawn: newsheet-jannar-2015.pdf