L-Isqof Grech iħeġġeġ l-Insara biex iqaddsu l-Ħadd billi jagħtu d-demm
Ifaħħar saċerdot Għawdxi li ta 128 borża tad-demm
Nhar il-Ħadd 25 ta’ Jannar 2015, is-sessjoni tal-għoti tad-demm li nżammet fid-Dipartiment tal-Outpatients, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kienet waħda differenti minn tas-soltu. Dan għaliex għall-ħabta tad-9.30am żar id-dipartiment l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, li ried jonora lid-donaturi tad-demm bil-preżenza tiegħu, kif ukoll jirrikonoxxi l-ġest sabiħ ta’ Mons. Salv Grima, saċerdot min-Nadur, li ta d-demm għal mija u tmienja u għoxrin (128) darba.
Fil-preżenza ta’ Dr Nadine Delicata, CEO tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u s-Sur Tony Micallef, Doner Liaison fi ħdan is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, l-Isqof Grech għamel preżentazzjoni lil Mons. Grima bħala ġest ċkejken ta’ apprezzament.
Dan hu l-messaġġ li għamel l-Isqof Grech f’din l-okkażjoni:
“Ma nsibx kliem biex irrodd ħajr lil dawk li jagħtu d-demm. Id-donazzjoni tad-demm, barra li hija att ċiviku għoli peress li hi espressjoni ta’ solidarjetà ma’ dawk li huma vulnerabbli, għan-Nisrani hi wkoll att ta’ karità erojka li jixbah dik l-imħabba li biha ħabbna l-Iben ta’ Alla. Peress li huwa possibbli li d-demm jinġabar fil-jum tal-Ħadd, nirrakkomanda lill-komunitajiet parrokkjali li normalment fil-ġurnata tal-Ħadd jiltaqgħu biex jiċċelebraw l-Ewkaristija, biex jikkunsidraw l-għoti tad-demm bħala mod kif jgħixu l-Ewkaristija.
Fil-fatt, kif fis-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija l-Insara ‘jixorbu’ mill-kalċi tad-demm ta’ Kristu, hekk huma mistiedna biex isiru ‘kalċi’ li minnu jingħata d-demm lil dawk il-pazjenti li jsibu ruħhom fil-bżonn. Fuq l-eżempju ta’ Kristu li fis-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija jxerred demmu għall-umanità, hekk l-Insara għandhom ikunu ġenerużi u ‘jxerrdu’ demmhom għal ħuthom. Għalhekk, tkun inizjattiva f’waqtha kieku fil-jum tal-Ħadd, wara li joħorġu mill-Quddiesa, l-Insara jmorru fejn jinġabar id-demm u jagħmlu donazzjoni tad-demm tagħhom.
Din is-sena, Mons. Salv Grima qed ifakkar il-mija u tmienja u għoxrin darba li ta d-demm. Nifraħlu għal dan il-ġenerożità li wera, li barra li hija att ta’ karità, hija wkoll xhieda saċerdotali li jgħix l-Ewkaristija”.
Ritratti: Toni Farrugia