L-Isqof Mario Grech iqaddes għall-ġurnalisti Għawdxin

jum-il-gurnalisti-2015.jpg

Nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Jannar 2015, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, Isqof ta’ Ginevra u Duttur tal-Knisja, Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, qaddes għall-ġurnalisti, kittieba u xandara Għawdxin fil-knisja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fi Triq Palma, il-Belt Victoria.  Huwa kien assistit minn Mons. Carmelo Scicluna u Mons. Salv Grima.  Il-lezzjoni u t-talbiet tal-fidili nqraw mill-President u Segretarju tal-Għaqda Ġurnalisti Għawdxin li kienet twaqqfet f’Għawdex fl-1960 minn Monsinjur Nikol Ġ. Cauchi, Isqof ta’ Għawdex, u l-Kav. Koli Apap.  Kienu preżenti għadd ta’ ġurnalisti u kittieba li wara l-Quddiesa ltaqgħu mal-Isqof f’waħda mis-swali tal-kunvent u tkellmu għal ftit bejniethom.

Dan hu l-messaġġ li ta l-Isqof waqt l-omelija tal-okkażjoni:

MIDJA POŻITTIVA

Ukoll jekk aħbarijiet “suwed”  jagħmlu aktar ħoss u jisirqu l-attenzjoni, il-ktieb tal-ħajja fih ħafna paġni sbieħ; imma spiss jiġri li dan il-ktieb jibqa’ magħluq bil-konsegwenza li għadd ta’ stejjer u stampi sbieħ jibqgħu mistura.  Ħafna jiddependi mill-għażliet li jagħmlu jew l-aġenziji tal-aħbarijiet jew l-istess ġurnalisti.  Ċert li jkun kontribut apprezzat mill-kotra jekk il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jitkellmu u jinfurmaw aktar dwar ħaġar prezzjuż li jagħni s-soċjetà tagħna.  Kuljum madwarna fil-ħajja ordinarja tal-poplu tagħna jseħħu esperjenzi pożittivi, xi wħud ukoll erojċi; kieku l-ġurnaliżmu tagħna jagħti aktar kas tagħhom, esperjenzi bħal dawn mhux biss jgħinu biex titkattar viżjoni pożittiva tal-ħajja, imma jistimulaw lil ħaddieħor biex hu wkoll jagħmel il-qalb biex jagħmel is-sewwa.

Waħda mill-ġojjelli fost dan il-ħaġar prezzjuż hija l-familja tradizzjonali Maltija msejsa fuq l-imħabba konjugali bejn raġel u mara u miftuħa għall-ħajja.  Fi ħdan ħafna minn dawn il-familji tagħna jiġru l-mirakli tal-imħabba: hemm miżżewġin li huma kuntenti minkejja d-diffikultajiet marbuta mal-impenn tar-relazzjoni tagħhom; hemm ġenituri litteralment issagrifikati għal uliedhom; hemm każijiet fejn tara dedikazzjoni assoluta lejn il-marid, persuni b’diżabbiltà, anzjani, u oħrajn.  Rari l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jirrakkontaw dawn id-drammi umani.  Approwċ pożittiv mill-midja dwar il-familja jagħmel il-qalb lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ tagħna li quddiemhom għandhom l-għażla li jiffurmaw il-familja tagħhom.

Huwa fatt li fostna għandna diversi mudelli ta’ familja.  Jekk dawn kollha għandhom id-dritt li jeżistu, allura ebda mudell ma għandu jkun eskluż, lanqas il-familja tradizzjonali tagħna li taqbel mal-mudell ta’ familja skont il-viżjoni Nisranija.

F’Mejju li ġej niċċelebraw is-sebgħin sena tar-rivista ta’ kull xahar Il-Ħajja f’Għawdex.  Għalkemm għaddew tant snin, nemmen li l-għan li għalih bdiet tiġi ppubblikata din ir-rivista djoċesana għadu validu: li Għawdex ikollu vuċi fil-qasam medjatiku.  Filwaqt li għandna nagħtu kull appoġġ biex din ir-rivista tibqa’ taqdi l-għan tagħha, inħeġġeġ lill-ġurnalisti Għawdxin jagħmlu użu tajjeb mill-professjoni tagħhom biex il-ħajja li tiżvolġi ruħha f’din il-gżira tkun magħrufa u rrakkontata wkoll mill-midja nazzjonali.  Mhux darba u tnejn il-vuċi ta’ Għawdex tibqa’ ma tingħata ebda widen; u meta tingħata attenzjoni, ħafna drabi dan ikun b’karità!  Nemmen li Għawdex għandu potenzjal biżżejjed biex il-midja nazzjonali ma tittrattahx bħala xi zona remota u sekondarja, imma bħala parti integrali min-Nazzjon.

Ritratt: Joe Grech