L-isfidi tal-ħajja kkonsagrata “illum” f’pajjiżna

L-isfidi tal-ħajja kkonsagrata “illum” f’pajjiżna
Riflessjoni tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Laqgħa għall-Persuni Kkonsagrati, Malta
It-Tlieta 13 ta’ Jannar 2015

consecrated-life.jpgInħossni grat ħafna li qed tagħtuni din il-possibbiltà li għalkemm qiegħed fl-iżvantaġġ li m’iniex “reliġjuż”, nirrifletti magħkom dwar il-ħajja reliġjuża f’pajjiżna.  Dan għal diversi motivi.  L-ewwel nett għax nemmen li fis-senduq tal-Ħajja Reliġjuża hemm tant għerf u esperjenza evanġelika li, kif kien qal il-Beatu Papa Pawlu VI, “il-Knisja ma tistax tippermetti li jgħibu dawk ix-xhieda eċċezzjonali tat-traxxendenza tal-imħabba ta’ Kristu u s-soċjetà; jekk ma tridx tagħmel deni lilha nfisha, ma tistax tħalli dawn id-dwal jintfew” (Evangelica testificatio, 3).  U kif jikteb il-Papa San Ġwanni Pawlu II, ir-reliġjużi mhux biss għandhom storja glorjuża x’jiftakru u jirrakkontaw, imma meta jħarsu ’l quddiem huma għandhom ukoll storja kbira x’jinsġu (ara Vita consecrata, 110). 

Għaldaqstant, il-preżenza tar-reliġjużi fil-Knisja u fis-soċjetà hija insostitwibbli.  Jekk ma rridux li din il-forma ta’ ħajja Kristjana “tgħib” u li dawn id-dwal “jintfew”, huwa dmir tagħna lkoll li kontinwament nistaqsu x’hemm bżonn isir minn kulħadd biex il-ħajja reliġjuża tibqa’ tkun aġent ta’ bidla.

Jien konvint li dan kien il-ħsieb tal-Papa Franġisku meta, fl-okkażjoni tal-ħamsin sena tad- Digriet tal-Konċilju Vatikan II dwar it-Tiġdid tal-Ħajja Reliġjuża, Perfectæ caritatis, ippropona s-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata.  Imma, b’qalb tqila jkolli nistqarr li s’issa bħala Knisja lokali ftit li xejn urejna ħeġġa u impenn biex napprofittaw minn din is-sena ta’ grazzja!  Nittama li din it-telqa u n-nuqqas ta’ interess ma humiex rifless ta’ mard aktar serju fil-ħajja ekkleżjali tagħna; nittama wkoll li dan mhux indikazzjoni ta’ mard fil-ħajja kkonsagrata, b’mod partikulari fil-ħajja reliġjuża – għaliex jekk il-preżenza tar-reliġjużi fil-Knisja u fis-soċjetà ma ssaħħarx lill-bniedem tal-lum, ma ċċaqlaqx lil min daħal fir-rutina, ma tqanqalx mistoqsijiet, ma tiskandalizzax, ma tqajjimx lil min hu rieqed, allura, ippermettuli, anki r-reliġjużi jerfgħu parti mir-responsabbiltà għal din l-inertia u x-xettiċiżmu dwar il-ħajja reliġjuża llum.

Inkunu ndaħħlu rasna fir-ramel jekk ma nammettux li hemm sħab iswed fuq il-ħajja reliġjuża.  Biżżejjed ninnutaw li f’dawn l-aħħar ħamsin sena għebu 370 istitut reliġjuż.  Fl-Italja biss, f’dawn l-aħħar erbgħin sena, ir-reliġjużi maskili naqsu b’34% u dawk femminili bi 42%.  Ma għandix statistika dwar x’qed jiġri f’Malta u Għawdex, imma huwa evidenti li l-ħajja reliġjuża f’pajjiżna qed tixjieħ, tant li diversi qed ikollhom jagħlqu l-kunventi u djar!  Biżżejjed nistaqsu kemm għandna fil-formazzjoni fin-novizzjati tagħna!  Il-biża’ tiegħi huwa li ż-żmien rebaħna – mhux tant għaliex ir-reliġjużi kibru fiż-żmien, imma għaliex ħallejna l-kariżma tixjieħ, biex ma ngħidx ħallejna l-wiċċ tal-ħajja reliġjuża jitkemmex għaliex “ma għarafniex infissru ż-żmien ta’ issa” (Lq 12:54-56).

Fil-kuntest tagħna, tiġi spontanja l-mistoqsija jekk il-ħajja reliġjuża għandhiex futur fil-gżejjer tagħna.  Tgħid tgħodd għalina d-domanda li jagħmel Rino Cozza: “Aħna l-aħħar reliġjużi?”.  Ftit snin ilu, Jean Marie Tillard ippubblika ktieb interessanti bl-isem Siamo gli ultimi cristiani? Lettera ai cristiani del duemila.  Dan it-teologu, li ħa sehem fil-Konċilju Vatikan II, jikkonkludi l-ittra tiegħu hekk: “M’aħniex l-aħħar Insara, imma żgur li aħna l-aħħar li qed inħaddnu dan l-istil ta’ Kristjaneżmu.  Qed nitkellem fuq il-passaġġ minn Kristjaneżmu roccoco jew barokk għal Kristjaneżmu iżjed qrib tas-safa romanesk… kull ma jmur aħna qed insiru l-aħħar xhieda ta’ ċertu mod ta’ kif tkun Nisrani u Kattoliku.  Involuta fil-bidliet kbar tas-soċjetajiet umani li fihom hi mlaħħma, il-Knisja hi bla dubju ta’ xejn iddestinata li tibdel il-wiċċ tagħha, u diġà nistgħu naqbdu tarf tal-linji tiegħu”.

Applikat għall-ħajja reliġjuża, irridu nemmnu li l-ħajja reliġjuża għandha futur; imma jrid ikollna l-kuraġġ biex nammettu li għalkemm il-ħajja reliġjuża mhix ser tispiċċa magħna, l-istil preżenti tal-ħajja reliġjuża wasal biex jintemm!  Inkunu torox jekk ma nisimgħux it-tokki tat-trapassar tal-mod kif għexna sal-lum il-ħajja reliġjuża.  Ma nixtieqx li fostna jkun hawn xi ħadd li jgħidli dak li qaltli reliġjuża Maltija li ltqajt magħha l-Awstralja – qaltli li bħala kongregazzjoni huma rassenjati li jagħmlu “mewt grazzjuża”.

Wara ħamsin sena mill-ġrajja tal-Konċilju, irridu nirrikonoxxu li bħala Knisja, għal diversi motivi, għażilna li nibqgħu gallerija quddiem il-bidliet kulturali epokali li seħħew fis-soċjetà.  Osservatur tal-ħajja kkonsagrata jagħmel din l-osservazzjoni: “L-ansjetajiet evoluttivi ta’ dawn l-aħħar deċennji ma tantx wasslu għal itinerarji ta’ bini mill-ġdid, u hekk wasalna biex qed ngħixu perjodu ta’ għeluq fina nfusna, ta’ xhieda evanġelika skarsa u beżżiegħa, u dan minkejja l-imponenza tal-istrutturi u l-għadd ta’ inizjattivi”.

Frott ta’ din l-inkapaċità istituzzjonali tagħna, saru sforzi kbar biex nipperpetwaw il-liġijiet, l-iskemi u stili tal-ħajja reliġjuża bil-konsegwenza li għadd ta’ reliġjużi kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet mhux żgħar biex jadattaw.  Konsegwenza ta’ dan, kellna min biex jibqa’ fidil għat-tradizzjoni, kellu jbati ħafna; oħrajn għażlu l-kompromess li jgħixu ħajja doppja; u oħrajn fettxew il-bieb u telqu.  Tassew itaqqalli qalbi dak li jgħid il-Papa Franġisku fl-aħħar Ittra Appostolika tiegħu meta jinsisti li “fostna m’għandux ikun hemm uċuħ imnikkta, persuni mdejqa u mxebbgħin, għax dixxipulat imdejjaq hu dixxipulat ta’ dwejjaq” (II,1).

Għandi l-impressjoni li l-parti l-kbira tal-Istituti Reliġjużi tagħna baqgħu jindukraw dik li nistgħu niddeskrivu bħala l-ħajja reliġjuża klassika; imma kif jirrimarka l-President tal-CISM fl-Assemblea tal-2011, “il-ħajja reliġjuża klassika m’għandhiex futur”.  Fil-fatt, dan l-approwċ tradizzjonali, jekk ħsibna li kien mezz biex “iħares” lir-reliġjużi mit-tfixkil tad-dinja, min-naħa l-oħra rrenda l-ħajja reliġjuża meaningless u għalhekk irrelevanti għan-nies ta’ madwarna – fis-sens li nqtajna mill-ħajja u l-problemi tan-nies!  Bnejna “swar” biex niddefendu t-tradizzjoni u maż-żmien sibna li konna bnejna bunker fejn in-nuqqas ta’ arja friska qed tifgana!

Impressjonani kumment li għamel Pier Giorgio Cabra meta qal li llum il-ħajja reliġjuża tant tilfet is-seħer tagħha, illi anki r-riflessjoni teoloġika qed tittraskuraha: “It-trattati ġodda tal-ekkleżjoloġija jiddedikaw biss ftit paġni ħfief għall-ħajja reliġjuża, qishom qed jittrattaw realtà barranija u bħallikieku ma kienx hemm kapitlu sħiħ fuqha fil-Lumen Gentium”.

Aspett dgħajjef tal-ħajja reliġjuża huwa l-importanza li tista’ tingħata minn fuq lill-istituzzjoni – fejn ir-reliġjuż huwa għall-istituzzjoni u mhux l-istituzzjoni għall-qadi tar-reliġjuż biex jgħix is-sejħa u l-missjoni tiegħu.  L-istituzzjoni għandha l-valur u l-ħtieġa tagħha; imma mmorru żmerċ jekk nibdew inqisu l-istess istituzzjoni bħala realtà sagra u għalhekk dak kollu li tagħmel l-istituzzjoni nikkunsidrawh bħala assolut, immutabbli u ma jistax jintmess…  Għalhekk jgħaddu s-snin u ma jinbidel xejn!  Biex nikkonservaw l-istituzzjoni li għaddiet għandna minn għadd ta’ ġenerazzjonijiet, nirriskjaw li l-ħajja reliġjuża ma tibqax tkun “parabbola” li tirrakkonta l-Vanġelu f’dan il-waqt tal-istorja.

Il-Konċilju huwa gwida għalina: kellu l-kuraġġ li jiskarta l-fehmiet ta’ dawk li riedu jsalvaw it-tradizzjoni u jagħti bixra ġdida lill-Knisja!  Fil-ħajja reliġjuża wkoll neħtieġu persuni mżejna bil-parresia – persuni li huma lesti li jaqtgħu l-ankri tal-imgħoddi u jsibu “ċwiemi ġodda”… fis-sens li joħolmu modi ġodda kif jgħixu l-kariżma, il-kunsilli evanġeliċi, l-ispiritwalità u l-preżenza tagħhom fid-dinja.  Allaħares matul is-sekli fl-istorja tal-Knisja l-Ispirtu s-Santu ma nebbaħx reliġjużi li minkejja li sabu ruħhom f’esperjenza ekkleżjali bi prinċipji u stili li ħadd ma kien joħlom li jista’ jibdel, dawn ġabu riħ ta’ bidla u tiġdid – fost dawn kien hemm San Franġisk ta’ Assisi, il-kjeriċi regolari, Sant’Injazju ta’ Loyola, Angela Merici, u oħrajn.  Il-futur tal-ħajja reliġjuża ma jiddependix minn kemm ser jirnexxielna nikkonservaw l-imgħoddi, imma kemm aħna kapaċi naġġornaw biex inkunu “ninftiehmu” mill-bniedem kontemporanju.

Biex il-komunità reliġjuża tkun tassew kredibbli, trid toffri esperjenza ta’ fraternità fejn ir-reliġjuż/a jħossu aċċettat u rikonoxxut mhux tant għall-ħidma li jwettaq (bħal donnu nirrendu l-komunità għal xi azjenda), imma għax huwa persuna li għandha qalb u moħħ.  Fl-imgħoddi saru sforzi biex fil-komunità jkun hemm spirtu ta’ familja, imma hemm ir-riskju li l-ispirazzjoni ħadnieha mill-familja patrijarkali, sistema li ftit li xejn tintgħażel mis-sistema ċentralizzata tal-istituzzjoni.  Indirettament dan l-atteġġjament wassal biex maż-żmien tiddgħajjef l-istituzzjoni, għaliex fost il-membri hemm min jew jirrifjuta l-istituzzjoni jew jaċċettaha b’riserva!

X’sar minnha l-vuċi profetika tal-ħajja reliġjuża?  Għaliex il-profeti għosfru minn fostna?  Fl-imgħoddi l-missjoni profetika tar-reliġjużi kienet marbuta mat-tħaddim tal-kunsilli evanġeliċi: profezija eskatoloġika.  Kienet profezija ċċentrata aktar fuq l-axxetika milli fuq il-mistika, aktar fuq il-morali milli fuq l-ispiritwalità, fuq kif wieħed ser isalva ruħu milli fuq il-missjonarjetà.  Illum il-profezija fi kliem il-Papa Franġisku hija “il-ħila li nqallbu fil-fond tal-istorja li fiha ngħixu u ninterpretaw il-ġrajjiet tagħha: hi bħall-għassa li tishar matul il-lejl u taf meta għandu jfiġġ iż-żerniq.  Taf lil Alla u taf lill-bnedmin ħutha.  Għandha l-ħila tiddixxerni u anki teħodha kontra l-ħażen tad-dnub u l-inġustizzji, għax hi ħielsa, m’għandhiex sidien lil min twieġeb ħlief lil Alla, m’għandhiex interessi oħra ħlief dawk ta’ Alla.  Il-profeta hu spiss fuq in-naħa tal-foqra u dawk li m’għandhomx min jiddefendihom, għax jaf li Alla nnifsu hu fuq in-naħa tagħhom” (II, 2).  Hemm impenn fostna r-reliġjużi biex noffru din l-għamla ta’ profezija?  Il-profezija għandha tagħmilha l-komunità reliġjuża b’mod kollettiv kif ukoll kull reliġjuż u reliġjuża.  Meta l-profeta jiġi msikket, kemm minn barra u kemm minn ġewwa, mhux biss inkunu nċaħħdu lill-bniedem minn dan is-servizz, imma tkun issir ukoll ħsara irreperabbli lill-ħajja reliġjuża!

Fl-imgħoddi l-ħajja reliġjuża wettqet il-profezija tagħha anki billi offriet għamliet diversi ta’ servizzi soċjali.  Fi żmienhom kienu inizjattivi evanġeliċi.  Illum ħafna minn dawn is-servizzi qed joffrihom l-Istat li mbagħad jgħaddihom lill-entitajiet privati, inklużi lil xi istituti reliġjużi!  Huwa fatt li ħafna nies, il-ħajja reliġjuża jidentifikawha prevalentament mas-servizzi soċjali li aħna noffru – għalhekk ma jarawx fina “ir-reliġjużi” imma “operaturi” ta’ skejjel, djar għall-anzjani, u l-bqija.  F’dan il-każ, il-ħajja reliġjuża hija għas-servizz tal-ħidma soċjali u mhux is-servizz soċjali bħala espressjoni ta’ solidarjetà li tħoss li għandha toffri l-ħajja reliġjuża.  Barra minn hekk, jeżisti r-riskju li servizz soċjali li kien offrut bħala ħidma ta’ karità, illum jista’ jsir “negozju” u hekk inkunu rrendejna dik li kienet ħidma ta’ karità għal attività fejn nistgħu nbiegħu s-servizzi!  Dan kollu jkompli jfaqqar il-ħajja reliġjuża!  Tgħid il-futur jinsab f’li nerfgħu t-tined u mmorru – fi kliem il-Papa Franġisku – fil-periferiji eżistenzjali biex infittxu l-foqra l-ġodda?

Forsi l-għerq ta’ dan kollu jinsab fil-fatt li l-patrijiet u s-sorijiet huma aktar “reliġjużi” milli evanġeliċi.  Spiritwalità reliġjuża imma mhix evanġelika hija spiritwalità li tagħti importanza lid-devozzjonijiet, prattiċi reliġjużi, l-osservanza formali tar-regoli, atteġġjamenti devoti, u l-bqija.  Min-naħa l-oħra, jgħix ħajja evanġelika min ifittex li jikber fir-relazzjoni tiegħu ma’ Ġesù – huwa dak li kontinwament jistaqsi lilu nnifsu: “Ġesù huwa l-ewwel u l-unika mħabba tiegħi?”.  Huwa dak li għandu l-Vanġelu bħala l-vademecum biex jagħmel lilu nnifsu u lil ħaddieħor ferħan.  Verament iħassbek kumment li għamel tliet snin ilu l-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Ħajja Kkonsagrata: “Kuljum fil-Kongregazzjoni jidħlulna bejn għaxar u għoxrin każ ta’ reliġjużi li jħallu… misjuqa mix-xewqa li jsibu dak il-ferħ li ma kienu sa jsibu qatt fl-Istituti Reliġjużi tagħhom”.

Dawn il-ftit diffikultajiet li fil-fehma tiegħi (li tista’ tkun żbaljata) qed iżommu l-ħajja reliġjuża milli tiftaħ il-viżjoni tagħha lejn il-futur, jistgħu jkunu verament opportunità.  Jekk noqogħdu fuq il-Kelma tiegħu, nitfgħu x-xbieki u s-sajda tkun kbira!  Imma dak li jrid jgħidilna Ġesù nsibuh kemm fil-Vanġelu u kemm fis-sinjali taż-żminijiet… iż-żewġ tipi ta’ kliem li huma spiss ittraskurati!  Kif insibu fil-Manwal tal-Ispiritwalità tal-Coordinamento Nazionale Communità di Accoglienza, “għandna bżonn komunitajiet u Knisja li ma jibżgħux jiltaqgħu ma’ dak li hu ġdid u differenti biex hekk jiskopru l-valuri moħbija; li ma jaqtgħux qalbhom meta jsibu ruħhom mitlufa quddiem il-kriżi ta’ dak li għalihom kien fundamentali biex hemmhekk huma jerġgħu jiskopru x’inhu l-essenzjali għal-lum”.

It-triq ’il quddiem nafuha, għax tgħallimhielna l-esperjenza, anki l-istorja tal-istituti reliġjużi: min jagħmel reżistenza għat-tibdil, jiżbalja żgur; imma min jinfetaħ għall-bidla, jaf jagħmel xi żball, imma ħafna drabi jinduna x’inhi d-direzzjoni u jagħraf iwieġeb b’mod pożittiv għall-ħtiġijiet tal-ħajja.

Niżgurakom li dawn ir-riflessjonijiet qed nagħmilhom imqanqal biss mill-imħabba li għandi għall-Ħajja Kkonsagrata f’pajjiżna.  Filwaqt li ma nsibx kliem biex infisser l-apprezzament u r-radd il-ħajr tiegħi għall-ħafna ġid li għamlu u qed jagħmlu r-reliġjużi f’pajjiżna, inħeġġeġ biex filwaqt li nkattru t-tajjeb li għandna, isir it-tiġdid meħtieġ biex verament il-Ħajja Kkonsagrata tkun ir-ruħ tal-Knisja lokali.