Omelija tal-Milied ta’ Mons. Isqof Mario Grech

Omelija fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ħamis 25 ta’ Diċembru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

img_1805.jpgGĦAR BIL-BIEB MIFTUĦ BERAĦ

Tassew għandna għalfejn bħar-rgħajja ta’ Betlehem nistagħġbu f’din l-għodwa tal-Milied; għandna motiv qawwi biżżejjed biex dalgħodu ma nehdewx infaħħru lil Alla: mhux biss għaliex għadna kif iċċelebrajna t-Twelid tal-Iben ta’ Alla li sar bniedem u għammar fostna, imma wkoll għax meta Alla għażel li jsir bniedem, huwa ried jurina kemm il-bniedem huwa importanti għalih.  Il-ġrajja tal-Inkarnazzjoni ta’ Alla tgħidilna li Hu qatt ma jaqta’ qalbu minna l-bnedmin.  Alla ma jegħjiex isus warajna biex jagħtina dak li neħtieġu fil-ħajja.

It-twelid ta’ Ġesù Bambin jgħidilna li kull wieħed u waħda minna fl-individwalità u s-singularità tiegħu, minkejja d-dgħufija karatteristika tagħna, hu sabiħ f’għajnejn Alla.  Sew jekk int anzjan jew żgħir, intelliġenti jew le, b’orjentament jew ieħor, għani jew fqir, dritt jew mgħawweġ, ta’ kulur jew ieħor, nativ jew immigrant, qaddis jew midneb: agħmel il-qalb, għax inti tiswa l-ġrajja tal-Inkarnazzjoni!  Minħabba fik, l-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna biex id-dinjità li Alla libbsek biha, ma tiġix mimsusa.

Il-ġrajja ta’ Betlehem seħħet f’għar miftuħ.  Meta nirrifletti fuq dan l-għar bla bieb nintebaħ li bit-twelid ta’ din it-tarbija l-bieb tas-Sema tbexxaq u nfetaħ biex minnu Alla seta’ jittawwal u jinkina quddiem l-umanità li huwa tant iħobb.  F’dan il-lejl tal-Milied tberraħ il-bieb tas-Sema u minnu ħareġ biex jiġi fostna l-Mulej Ġesù, li hu nnifsu huwa Bieb miftuħ għal kulħadd.  Din it-tarbija ta’ Betlehem hija l-bieb ta’ Alla miftuħ għal kull bniedem.  Ħadd ma huwa miżmum milli jidħol minn dan il-bieb – huwa bieb miftuħ biex min irid jaqta’ n-nostalġija li jara lil Alla wiċċ imb’wiċċ, ikun jista’ jgħaddi minnu.  Ara nħallu jberren f’moħħna u f’qalbna s-suspett li xi darba Alla ser jagħlqilna dan il-bieb!  Għall-kuntrarju, bis-sabar kollu Alla jibqa’ jistenniena fil-bieb sakemm aħna bil-libertà kollha niddeċiedu li nixirfu minnu.

Bħalma l-għar ta’ Betlehem huwa l-bieb miftuħ, hekk ukoll irid ikun il-bieb tal-Knisja.  L-għar tal-bnedmin laqa’ fih lil Kristu, u issa l-Knisja, l-għamara ta’ Alla fost il-bnedmin, tibqa’ bil-bieb miftuħ biex kull min jixtieq, jidħol u jħossu milqugħ minn Kristu.  Allaħares il-bieb tal-Knisja kellu jissabbat u jingħalaq f’wiċċ xi ħadd, għax inkunu qegħdin ingiddbu dak li seħħ fl-għar ta’ Betlehem.  Nagħmel kuraġġ lil kull wieħed u waħda minna ħalli nersqu b’fiduċja għand Kristu, anki billi ngħaddu mill-bieb miftuħ tal-Knisja.

Nitgħaxxaq nilmaħ lir-rgħajja, li ma kinux xi ġentlomi imma pjuttost imqarba u skumelli, jersqu lejn l-għar ta’ Betlehem u jkollhom dik l-aċċessibbiltà kollha għat-Tarbija!  Kieku Ġesù kellu jitwieled illum u aħna konna nkunu l-għassiesa ta’ din it-tarbija, tgħid inkunu daqshekk ġenerużi u akkoljenti li nippermettu li Ġesù jkun daqshekk aċċessibbli anki għall-iskumelli u l-imqarbin tal-lum?  Tgħid lil dawk li għandhom l-istorja ta’ ħajjithom xi ftit imħawda jew qegħdin iġorru l-piż ta’ xi falliment personali jew familjari fuq spallejhom, konna nħalluhom jersqu għand Ġesù?  Jew inħossuna bħal għassiesa li rridu nagħmlu limitazzjonijiet u restrizzjonijiet biex nikkontrollaw l-aċċessibbiltà għat-Tarbija ta’ Betlehem?  It-tentazzjoni hemm qiegħda; anzi, jidher li fostna hemm xi elementi li huma ħerqana biex l-aċċess għal Ġesù jkun ikkontrollat.

Poplu ta’Alla, agħmel il-qalb: il-bieb huwa miftuħ u Ġesù huwa aċċessibbli għal kulħadd.  Irrispettivament mill-istorja tiegħek, int għandek id-dritt li tersaq għand Ġesù u tagħmel esperjenza ta’ dak il-faraġ li din it-Tarbija biss tista’ ddewqek.  Int għandek tħossok ħieles li tgħaddi minn dan il-bieb miftuħ, tersaq quddiem din it-Tarbija ta’ Betlehem u tħalli lil Kristu joħolqok mill-ġdid.  Bi Kristu Alla ġedded il-ħolqien li kien iġġarraf u għamlu isbaħ milli qatt kien.

Dawn huma l-awguri tiegħi għal dan il-Milied lill-poplu ta’ Alla f’Għawdex.  Kull bniedem jiswa ħafna għal Alla.  Huwa għalhekk li l-bieb ta’ Alla jibqa’ dejjem miftuħ għalina: xħin tħoss il-bżonn, mhemmx għalfejn toqgħod tħabbat, imma ibqa’ dieħel għax id-dar ta’ Alla hija darek.  Fuq kollox, ħadd minna ma għandu jsib tfixkil biex jitħannek ma’ Ġesù.

Imma din mhux biss hija aħbar tajba, imma wkoll proposta kif ngħixu t-twemmin tagħna f’Alla.  Jekk kull bniedem għandu valur quddiem Alla, għaliex mhux kull bniedem għandu jkollu r-rispett u l-imħabba tagħna?  Jekk Alla jħalli l-bieb tiegħu miftuħ għal kulħadd, kif nista’ jien li nemmen u niċċelebra l-Milied, nagħlaq il-bieb ta’ qalbi għal xi ħadd?  Anki jekk ħaddieħor jimbarralna biebu, xorta waħda għandna nibqgħu bil-bieb tagħna miftuħ għalih.  Jekk it-Tarbija ta’ Betlehem hija daqshekk aċċessibbli, kif minn xi daqqiet nagħmluha daqshekk diffiċli li ċerti persuni jiksbu dak li bi dritt huwa tagħhom?