- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Riflessjoni tal-Isqof Grech fl-okkażjoni ta’ Kristu Sultan

Posted By admin On December 9, 2014 @ 11:13 am In Speeches | Comments Disabled

l-isqof-grech.jpgRiflessjoni fis-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu
Manifestazzjoni Djoċesana quddiem is-Seminarju Djoċesan, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 23 ta’ Novembru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

TEŻOR ŻAGĦŻUGĦ

Meta naqra r-rakkont taż-żagħżugħ għani (Mt 19:16-22), nisħajjel li ma humiex ftit dawk illi jsibu ruħhom fiż-żarbun tiegħu u jmorru jiġru għand Ġesù!  Għax anki fil-fond ta’ qalbna ġieli jqumu ċerti mistoqsijiet serji li mhux dejjem ikollna tweġiba għalihom.

Fiż-żagħżugħ għani nilmaħ lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna, għax bħalu huma wkoll ġieli juru sinjali ta’ nuqqas ta’ serħan fil-kuxjenza u fil-qalb.  Mhux għax l-adolexxenti u ż-żgħażagħ huma ħżiena, imma għax hija n-natura umana li tqajjem ċerti mistoqsijiet eżistenzjali, speċjalment fil-fjur tal-ħajja.

Ħafna miż-żgħażagħ huma għonja f’diversi aspetti tal-ħajja, imma l-aqwa għana li għandhom hija l-persuna tagħhom.  Huma riżorsa ta’ talenti, ħiliet, ħolm u tamiet.  Il-Knisja għandha għal qalbha dan il-wirt uman.  Minbarra li għandhom għana materjali u interjuri, huma trawmu  f’ambjent reliġjuż.  Jien konvint li għadd kbir minnhom għandhom tagħrif reliġjuż.

Minkejja dan kollu, jista’ jiġrilhom bħaż-żagħżugħ għani: għalkemm kien għani fil-mezzi u fil-formazzjoni reliġjuża (tant li jgħid li dejjem ħares il-Kmandamenti!), xorta waħda kellu sensiela ta’ mistoqsijiet f’qalbu li għamluh insodisfatt.  Kellu xi ħaġa nieqsa – nistħajjel li kellu dak li Santu Wistin isejjaħlu cor inquietum.  Ma nistagħġibx, għax anki jien u int ġieli jkollna waqtiet bħal dawn.  Jien konvint li meta ż-żgħażagħ tagħna jsibu ruħhom f’qagħda bħal din, partikularment meta jkunu f’salib it-toroq biex jagħmlu l-għażliet ta’ ħajjithom, huma kapaċi jibdlu din iċ-ċirkustanza f’opportunità – f’mument ta’ grazzja – għax bl-għajnuna tagħna u ta’ Alla huma jistgħu jsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet profondi li jkollhom f’qalbhom.  F’dan il-proċess, il-familja għandha sehem importanti ħafna.  Bħala r-responsabbli mill-ewwel seminarju fejn jinbtu l-vokazzjonijiet fis-sens wiesa’ tal-kelma, il-ġenituri sewwa jgħassu fuqhom infushom biex ma jħallux tiżloq minn fuq spallejhom din is-sejħa li għandhom biex jgħinu lil uliedhom iwieġbu għad-domandi li għandhom.  Ma għandniex ninkwetaw li ż-żgħażagħ huma kritiċi u li ma jikkuntentawx ruħhom mill-ewwel bit-tweġibiet li nagħtuhom.  Ninkwieta meta l-bniedem, ikun ta’ liema età jkun, ma jistaqsix, għax wisq probabbli dan jista’ jfisser li jkun irrinunzja li jinżel fil-fond tal-għarfien tiegħu nnifsu.

[1] 14n_0003.jpg

Fil-Vanġelu naqraw li Ġesù tefa’ ħarsa kollha mħabba fuq dan iż-żagħżugħ.  Filwaqt li l-Knisja tagħraf il-missjoni tagħha li ma tegħja qatt titfa’ l-ħarsa kollha mħabba fuq dawk li qegħdin jagħmlu d-domandi tqal tal-ħajja, hija tistedinna biex fuq dik il-persuna li qed tfittex, partikularment fuq l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, nitfgħu l-ħarsa ta’ mħabba.  Meta nagħmlu hekk, aħna nkunu nestednu l-ħarsa ta’ mħabba li Kristu xeħet fuq iż-żagħżugħ għani.  Kristu la ġġudikah, la kkundannah, la umiljah, la ddisprezzah u anqas warrbu minn quddiemu.  Minflok, huwa jurih l-imħabba, id-disponibbiltà u l-attenzjoni tiegħu.  Bl-atteġġjament melliesi tiegħu, Ġesù wera li kellu fiduċja u stima kbira lejn dan iż-żagħżugħ insodisfatt.  Dak li Ġesù għamel ma’ dan iż-żagħżugħ, huwa jagħmlu ma’ kull wieħed u waħda minna; huwa jrid li din tkun l-attitudni tagħna mal-bniedem li huwa emozzjonalment, spiritwalment u moralment insodisfatt.  Għal Ġesù, kull wieħed minna hu teżor prezzjuż; jekk dan it-teżor huwa moħbi, huwa jridna noħorġuh fil-beraħ billi fil-ħajja nagħmlu għażliet skont il-vokazzjoni tagħna.

Jekk irridu li wliedna jiskopru l-vokazzjoni tagħhom, anki l-vokazzjoni saċerdotali jew għall-ħajja kkonsagrata, reliġjuża jew missjunarja, fuq l-eżempju tiegħu nitfgħu ħarsa kollha mħabba fuqhom.  Inkunu nonqsu jekk ma nagħtux kas tal-fehmiet u t-tweġibiet tagħhom.  Huwa fatt li xi drabi nistgħu nkunu negattivi fir-rigward tagħhom u ma niżnux biżżejjed li jafdawla.  Anki jekk ir-risposta li jagħtuna ma tkunx skont il-kanoni, f’dik ir-risposta jaf ikun hemm żerriegħa tajba bħalma kien hemm fit-tweġiba li ż-żagħżugħ ta lil Kristu.  Huwa dmir tagħna l-adulti li b’ħafna sabar ngħinuhom isibu t-tweġibiet sħaħ għal ħajjithom.

Il-proposta ta’ Ġesù liż-żagħżugħ għani hija diretta u interessanti: “Mur biegħ il-ġid li għandek (u) agħtih lill-foqra”.  Ġesù ma jitlobx minnu li jagħmel sagrifiċċju, imma jistiednu jinfatam minn dak li huwa tiegħu.  Ġesù ma jagħmillux stedina biex ikun fqir, imma biex jaqsam li għandu mal-oħrajn.  Ġesù qed iħeġġu jfittex lill-foqra għax dawn jgħinuh joħroġ mill-fosdqa tal-egoiżmu tiegħu biex jingħata lill-oħrajn.  Ġesù qed jipprova jfissirlu li aktar hemm sodisfazzjon meta wieħed jagħti milli meta jirċievi.  L-appell ta’ Ġesù huwa biex il-bniedem ikun altruwista u jiftaħ qalbu għall-oħrajn.  Fuq kollox, Ġesù qed iħeġġeġ lil dan iż-żagħżugħ biex ikun strument tal-komunjoni.

Għalhekk, jekk lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna ngħinuhom japprezzaw il-volontarjat – jekk inħeġġuhom biex jinfetħu aktar għal min hu fil-bżonn, aħna nkunu nlaqqgħuhom ma’ Kristu.  Ġesù nnifsu jgħidilna li meta nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nisqu lil min hu bil-għatx, inlibbsu lil min huwa mneżża’ u nilqgħu lill-barrani, dan aħna nkunu nagħmluh miegħu stess.  Ġesù jitwaħħad ma’ kull bniedem, speċjalment mal-fqir u ċ-ċkejken.  Għalhekk, jekk ngħinu liż-żgħażagħ biex flok ma jserrħu rashom fuq is-suċċess, il-karriera, u l-bqija, huma jibnu fuq l-imħabba li tingħata lill-oħrajn, inkunu nqiegħdu l-pedament biex joktru l-vokazzjonijiet għas-saċerdozju, għall-ħajja reliġjuża, ikkonsagrata u missjunarja.  Għalhekk, min jagħti ftit mill-ħin, ħiliet u enerġija tiegħu lill-foqra, ikun ukoll kapaċi jwieġeb lill-Mulej li jaf isejjaħlu biex jingħata kollu kemm hu lilu u lill-bnedmin.  “Min hu fidil f’ħaġa żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna” (Lq 16:11).

Din is-sena qegħdin nagħmlu din il-festa ta’ Kristu Re biswit is-Seminarju Maġġuri tagħna.  Mija u tmienja u erbgħin (148) sena ilu l-antenati tagħna ħasbu biex iwaqqfu dan is-Seminarju u hekk jagħtu “qalb” lid-Djoċesi.  Matul dawn is-snin, aktar minn sitt mitt saċerdot ħarġu minn din id-dar tal-formazzjoni u dan bl-għajnuna ġeneruża tal-poplu tagħna.  Aħna kommessi li sa fejn jiddependi minna, din il-qalb tibqa’ ċ-ċentru tad-Djoċesi tagħna.  Ġejna hawnhekk biex napprezzaw aktar dan id-don li Alla ta lil din il-Knisja żagħżugħa ta’ mija u ħamsin sena; inġbarna biex nitolbu flimkien lil Kristu Sultan tagħna biex jibqa’ jsejjaħ liż-żgħażagħ jimxu miegħu; min-naħa tagħna, inkomplu nfittxu ngħinuhom ikunu miftuħa għal dawn is-sejħat.

Għalhekk irrid insellem lill-abbatini u filwaqt li nirringrazzjahom għas-servizz li joffru waqt il-liturġija, inħeġġiġhom ikomplu jaqdu lil Ġesù fuq l-altar; meta huma jkunu qrib ta’ Ġesù, Hu jaf jafdalhom sejħat u missjoni.  Insellem lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ u nagħmlilhom kuraġġ biex jibqgħu jqanqlu mistoqsijiet, għax il-mistoqsija hija oħt il-għerf.  Insellem lill-familji li huma l-ewwel esperjenza ta’ Knisja.  Huma l-ewwel dar ta’ formazzjoni.  Il-Knisja f’Għawdex midjuna lejn dawk il-familji li għanewha b’ulied li bl-għajnuna tagħhom wieġbu għas-sejħat varji li għamel il-Mulej.  Nappellalhom biex ma jirrinunzjawx għar-responsabbiltà li l-Mulej fdalhom biex jagħmlu mill-familja tagħhom mixtla fejn uliedhom jitgħallmu l-arti tal-ġenerożità.  Insellem lill-animaturi tal-pastorali maż-żgħażagħ, b’mod partikulari lill-animaturi tal-pastorali vokazzjonali.  Matul il-Viżta Pastorali fil-parroċċi, qed niltaqa’ ma’ esperjenzi vokazzjonali sbieħ – qed niskopri li għandna żgħażagħ u koppji li huma ġenerużi ma’ Kristu u l-Knisja billi jakkumpanjaw lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ fit-tiftixa tar-risposti li għandhom bżonn.  Fl-aħħar nett insellem lis-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-persuni kkonsagrati tal-preżenza u l-ħidma tagħhom.  Dan l-aħħar smajt xi adolexxenti jistqarru l-ammirazzjoni tagħhom lejn xi wħud mis-saċerdoti tagħna li bi mħabba u ħeġġa jaqdu l-altar.  Fost dawk indikati hemm saċerdoti anzjani u morda.  Għalhekk irrid nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn il-presbiterju djoċesan u lejkom ir-reliġjużi.

Inkomplu nibnu flimkien komunità ekkleżjali li tgħożż it-talb.  It-talb u s-sagrifiċċju huma t-tisqija taż-żerriegħa tal-vokazzjonijiet.  Huwa importanti li jkollna komunitajiet misjuqin mill-imħabba għal Kristu – huwa dan l-entużjażmu li jista’ joħloq kurżità fl-adolexxenti u ż-żgħażagħ li qed ifittxu kif iwieġbu għas-sejħa li jagħmel il-Mulej.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/12/09/riflessjoni-tal-isqof-grech-fl-okkazjoni-ta-kristu-sultan/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/12/14n_0003.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.