- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Għawdex: 150 Sena Djoċesi (1864-2014)

Posted By admin On October 16, 2014 @ 9:13 am In Press Releases | Comments Disabled

Wirja kommemorattiva fis-Sala tal-Ministeru għal Għawdex

wirja-ghawdex-150-sena-djocesi.jpgBiex jibqa’ mfakkar b’ġieħ il-mija u ħamsin anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex mill-Beatu Papa Piju IX, bħalissa fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex, fi Pjazza San Franġisk, il-Belt Victoria, tinsab miftuħa wirja storika u kommemorattiva bit-tema Għawdex: 150 Sena Djoċesi (1864-2014).  Dan b’inizjattiva tal-Kummissjoni Arti Sagra fi ħdan il-Kurja ta’ l-Isqof f’Għawdex f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.

Il-wirja mhux biss tiffoka fuq il-persunaġġi li stinkaw u l-ġrajjiet li wasslu għat-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex fl-1864, imma wkoll fuq l-istorja tal-Knisja f’din il-gżira matul il-medda ta’ dawn l-aħħar mija u ħamsin sena, li fihom id-Djoċesi kienet immexxija minn tmien isqfijiet u amministratur appostoliku.  Ma jonqsux għalhekk dokumenti u ritratti antiki, pubblikazzjonijiet, fided, kif ukoll oġġetti u paramenti sagri marbuta ma’ kull isqof, kif ukoll tifkiriet ta’ mumenti importanti fl-episkopati tagħhom.

Min iżur din il-wirja sa jkollu wkoll ix-xorti li jifli mill-qrib id-dokument oriġinali tal-Bulla Singulari Amore (Bi mħabba liema bħalha), miżmum fl-Arkivju tal-Katidral ta’ Għawdex, li bih il-Papa Piju IX waqqaf id-Djoċesi ta’ Għawdex nhar fis-16 ta’ Settembru 1864.

Taqsima oħra interessanti hi ġabra ta’ ritratti bil-kulur li juru kif id-Djoċesi ta’ Għawdex mhix istituzzjoni mejta imma Knisja ħajja li, misjuqa mill-Vanġelu, tgħix il-missjoni pastorali tagħha f’ħidma kontinwa mal-kategoriji kollha li jsawru l-familja ta’ Alla f’Għawdex.

Lejn l-aħħar ta’ Ottubru, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech mistenni jżur il-wirja u jniedi ktejjeb ta’ tifkira.  Il-wirja, li d-dħul għaliha huwa b’xejn, sa tibqa’ miftuħa sat-Tlieta 11 ta’ Novembru 2014, u l-pubbliku jista’ jżurha mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn it-8.00am u l-4.30pm.

[1] dsc_7975.JPG


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/10/16/ghawdex-150-sena-djocesi-1864-2014/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/10/dsc_7975.JPG

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.