- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Għada d-Djoċesi ta’ Għawdex tagħlaq mija u ħamsin sena

Posted By admin On September 15, 2014 @ 5:32 pm In Press Releases | Comments Disabled

Press Release

15 ta’ Settembru 2014

il-logo-ufficjali-tal-150-anniversarju-tad-djocesi-ta-ghawdex.jpgGħada d-Djoċesi ta’ Għawdex tagħlaq mija u ħamsin sena mit-twaqqif tagħha, li seħħ bil-Bulla Singulari Amore (“Bi Mħabba Liema Bħalha”) tal-Beatu Papa Piju IX, li ġġib id-data tas-16 ta’ Settembru 1864.  B’hekk sa fl-aħħar twettqet il-ħolma qadima tal-Għawdxin, li kienu ilhom jitħabtu biex ikollhom id-Djoċesi, l-Isqof, il-Katidral u s-Seminarju tagħhom.  Matul dawn il-mija u ħamsin sena, il-gżira ċkejkna ta’ madwar 30,000 ruħ gawdiet mhux ftit mill-ħidma tal-Knisja lokali, bi ħmistax-il parroċċa u fuq sitt mitt saċerdot li servewha.

L-ewwel talba biex Għawdex jinqata’ Djoċesi għalih kienet saret mill-Arċipriet tar-Rabat Saver Cassar fl-1798.  Wara sitta u sittin sena ta’ taħbit, u minkejja kull taqtigħ il-qalb, dan seħħ bit-tħabrik ta’ Dun Pietru Pace u Sir Adrian Dingli, żewġ benefatturi illustri li tħabtu qatigħ sakemm raw maqtugħa xewqet il-kleru u l-poplu tal-gżira Għawdxija.

It-twaqqif ta’ Djoċesi ġdida awtonoma minn dik ta’ Malta, li kellha tinkludi wkoll it-territorju tal-gżira ċkejkna ta’ Kemmuna, tħabbar uffiċjalment mill-Papa fil-Konċistorju tat-22 ta’ Settembru 1864.  Dakinhar sar magħruf ukoll li kien ġie magħżul bħala l-ewwel Isqof ta’ Għawdex Mons. Mikiel Franġisk Buttigieg, mill-Qala, dak iż-żmien Arċipriet tar-Rabat.

Fl-okkażjoni ta’ din il-ġrajja speċjali, għada t-Tlieta 16 ta’ Settembru, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, imexxi Konċelebrazzjoni Pontifikali ta’ Radd il-Ħajr fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, fis-7.00pm.  Fil-knejjes parrokkjali kollha ta’ Għawdex jinżamm jum ta’ adorazzjoni solenni, li jintemm b’mota solenni fis-6.00pm.

Għall-Pontifikal ta’ għada, mistennija jikkonċelebraw flimkien mal-Isqof Grech, Mons. Aldo Cavalli, Nunzju Appostoliku għal Malta, Mons. Pawlu Cremona OP, Arċisqof ta’ Malta, kif ukoll Mons. George Antonysamy, l-Arċisqof il-ġdid ta’ Madras-Mylapore fl-Indja, li jinsab fuq żjara f’Malta.  L-assemblea sa tkun immexxija minn Dolores Cristina, Aġent President ta’ Malta.

l-ewwel-folju-tal-bulla-singulari-amore-16091864.jpgGħall-okkażjoni, sa tkun esposta fuq il-presbiterju tal-Katidral ta’ Għawdex kopja tal-bolla Singulari Amore, li hi miżmuma b’tant għożża fl-Arkivju Djoċesan.  Il-Quddiesa ħa tkun imxandra fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali TVM2, fuq ir-radju nazzjonali u fuq Radju Marija.

Għada wkoll, mill-Uffiċċju tal-Posta fil-Belt Victoria tista’ tinkiseb kartolina speċjali b’bolla u timbru kommemorattivi, maħruġa f’dan l-anniversarju mis-Soċjetà Filatelika Għawdxija f’kollaborazzjoni mal-Kurja Djoċesana.

Sadattant, fuq inizjattiva konġunta, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, permezz tal-fergħa ġdida tiegħu f’Għawdex, għada sa jkun qed jippubblika statistika interessanti bit-titlu Diocese of Gozo 1864-2014.

it-timbru-tal-maltapost.jpg


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/09/15/ghada-d-djocesi-ta%e2%80%99-ghawdex-taghlaq-mija-u-hamsin-sena/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.