Archive for August, 2014

Velja tal-Għid tal-Assunta (Santwarju Ta’ Pinu)

Talb għall-paċi u l-Insara ppresegwitati fil-Velja tal-Għid tal-Assunta f’Għawdex

velja-tal-ghid-tal-assunta-2014.jpg

Għal sena oħra, is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu f’Għawdex sa jorganizza l-Velja Djoċesana tal-Għid ta’ l-Assunta, lejlet is-solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija, nhar il-Ħamis li ġej, 14 ta’ Awwissu 2014.

Il-Velja, li tinżamm fuq iz-zuntier spazjuż ta’ quddiem dan is-santwarju Marjan, tibda b’ċelebrazzjoni ta’ kant u salmi fit-8.00pm, u tkompli bil-Quddiesa tal-Vġili mmexxija mill-E.T. Mons.  Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.

Wara l-Quddiesa, fl-10.15pm, jiftaħ lejl ta’ Adorazzjoni Ewkaristika fis-Santwarju.  F’nofsillejl ikun hemm Quddiesa oħra.

Iċ-ċelebrazzjoni tixxandar diretta fuq Radju Marija 102.3 FM, li sa jorganizza wkoll trasport għal dawk il-pellegrini li jixtiequ jaqsmu minn Malta (t. 21453105).  Jiġi organizzat ukoll trasport mill-parroċċi Għawdxin.

Il-Velja din is-sena qed issir b’talb speċjali għall-paċi fid-dinja u għall-Insara ħutna ppresegwitati f’reġjuni bħas-Sirja, l-Iraq u l-Art Imqaddsa.

Ittra Pastorali ta’ Santa Marija tal-Isqof Mario Grech

Fl-okkażjoni tas-Solennità ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, l-Isqof Mario Grech ħareġ Ittra Pastorali dwar il-viżjoni tal-Knisja dwar is-sesswalità umana.

L-IMĦABBA SABIĦA
(Il-Vanġelu tas-Sesswalità)

1.    Fil-fond tal-qalb ta’ kull bniedem hemm ix-xewqa għall-hena.  Ma ssibx bniedem li ma jridx ikun kuntent, tant li Pascal jinnota li anki min itemm ħajtu b’idejh, jagħmel dan il-pass ikrah għax ikun konvint li ser ikun aħjar milli jkun.   Imma huwa fatt li għalkemm ix-xewqa biex inkunu sewwa u henjin hija komuni għal kulħadd, mhux kulħadd ifittex il-kuntentizza bl-istess mod.  It-toroq li nagħżlu biex inkunu ferħanin mhux biss huma varji, imma xi drabi huma wkoll kuntrarji għal xulxin.  Dan jispjega għaliex fid-dinja hawn min hu kuntent u hawn min mhux.

Kompli aqra minn hawn: 38-2014-pastorali-santa-marija-2014.pdf

Niżżel il-verżjoni mqassra tal-Ittra Pastorali: 38-2014-pastorali-santa-marija-2014-verzjoni-qasira.pdf

Download a short version of Bishop Grech’s Pastoral Letter in English: pastoral-letter-aug2014.pdf

Talb għall-Paċi u għall-Insara ppersegwitati

iraq-persecution-of-christians.jpgL-Isqfijiet Maltin bagħtu Messaġġ fejn jistiednu lill-Insara jitolbu għall-paċi u għall-Insara ppersegwitati, speċjalmenti l-Insara fl-Iraq, li bħalissa għaddejjin minn persekuzzjoni ħarxa.

B’solidarjetà ma’ ħutna l-Insara fl-Iraq, l-Isqfijiet qed jappellaw biex l-Insara f’pajjiżna jagħtu donazzjonijiet ta’ flus biex jintbagħtu lill-komunitajiet Insara fl-Iraq. Min jixtieq jaghmel xi offerta, jgħaddiha lill-Kappillan tal-Parroċċa jew Rettur tal-Knisja.

Niżżel il-Messaġġ tal-Isqfijiet minn hawn:

78-messagg-tal-isqfijiet-mlt.pdf

Bullettin tal-Ħadd - 10 ta’ Awwissu 2014

Niżżel kopja tal-Bullettin minn hawn:

bullettin-2014-awwissu-10.jpg

Seminar għall-Pastorali Teams fl-iskejjel sekondarji u postsekondarji

seminar-pastoral-team-2.jpg

Programm:

SEMINAR GĦAL DAWK LI JANIMAW
IL-ĦIDMA PASTORALI FL-ISKEJJEL SEKONDARJI  U POST SEKONDARJI F’GĦAWDEX

8 TA’ AWWISSU 2014
SEMINARJU TAL-QALB TA’ ĠESÙ
GĦAWDEX

09:00am    Merħba u daħla għas-seminar (dun Joseph Bajada)

09:15am     Preżentazzjoni tal-membri tal-pt (membri kollha)

09:30am    Animazzjoni Nisranija fl-Iskola (dun Michael Said)

10:00am    Mistoqsijiet

10:15am    Pawsa kafè/tè

10:45am    Preżentazzjoni tal-ħidma f’kull skola (rappreżentanti pt)

11:30am    Preżentazzjoni tal-Prayerspacesinschool (dun Joseph Bajada, rapp. Konservatorju, rapp. Seminarju Min.)

12:00pm    Konklużjoni ( E.T. Mons M. Grech)

Dun Mikiel Attard - Saċerdot tan-nies

Omelija fil-Ftuħ tal-Proċess Djoċesan
fil-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni
tal-Qaddej ta’ Alla Mikiel Attard
Santwarju Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
Is-Sibt 2 ta’ Awwissu 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SAĊERDOT TAN-NIES

quddiesa-tal-ftuh-tal-process-djocesan-kawza-beatifikazzjoni-dun-mikiel-attard-1.jpg

Il-vanġelu li tħabbrilna (Mt 14:13-21) ma jistax iħallina indifferenti meta naraw lil Kristu jċarrat beraħ il-qalb ħanina ta’ Alla.  F’dan ir-rakkont nara lill-Mulej Ġesù jkellimna dwar il-ġewwieni mqanqal mill-ħniena ta’ Alla l-Missier lejn il-bniedem illi riesaq il-lejl fuqu – allura lejk u lejja, li ħafna drabi naraw id-dlam jirbaħ fuq id-dawl.

Ġesù jurina li l-vixxri ta’ Alla jitqanqlu meta jara lili u lilek bil-ġuħ, bħalma kienet dik il-folla li jsemmi San Mattew.  Dun Mikiel kien jgħid li l-bniedem mhux biss għandu l-ġuħ tal-istonku, imma għandu l-ġuħ tal-moħħ, tar-ruħ u tal-kuxjenza; imma mbagħad kien iżid: “Alla waħdu kapaċi jtaffi dan il-ġuħ”.

Fil-Vanġelu, Ġesù jgħidilna li Alla jitħassarna meta jarana milquta mill-mard.  Jekk hawn xi ħadd fostna li mhux marid, iqum bilwieqfa, u jien noqgħod bilqiegħda!  Qed ngħid għal kull xorta ta’ mard li kapaċi jaqtgħalna n-nifs fil-ħajja. Alla ta’ Ġesù Kristu jitħassarna u jfejjaqna. Continue reading >>

Iċċelebrata l-Festa ta’ San Ġużepp

IL-QIES – REGOLA TAD-DEHEB

saint-joseph-qala.jpgSintesi tal-Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex,
fil-Festa ta’ San Ġużepp, fil-Knisja Arċipretali tal-Qala, il-Ħadd 3 ta’ Awwissu 2014

Il-moderazzjoni hija regola tad-deheb li tgħinna norganizzaw aħjar il-passjonijiet li hemm fina.  Meta tkun ikkontrollata, din l-enerġija tibni l-persuna, imma f’każ kuntrarju tista’ tkun il-qerda tal-individwu.  Il-virtù li tagħti din is-setgħa lill-bniedem tissejjaħ “temperanza”, moderazzjoni jew qies.

Is-sobrjetà, li fis-soċjal hemm min isejħilha awsterità, mhix riċetta politika biex is-soċjetà tegħleb il-kriżi ekonomika u lanqas ma hija xi triq biex noħorġu mit-tunnel tal-konsumiżmu; imma hija virtù li twitti t-triq biex il-bniedem ikun hieni.

Din il-virtù neħtiġuha bħall-ħobż, għax hemm ir-riskju li nesaġeraw f’kollox, anki fl-istess ħeġġa biex inkunu persuni ta’ virtù.  Fil-fatt, kif jikteb Orazju, “let the wise man bear the name of fool, and the just of unjust, if he pursues virtue itself beyond the proper bounds”.  Fil-fatt, meta nesaġeraw fil-manifestazzjonijiet reliġjużi tagħna, aħna nkunu ntebbgħu l-virtù tar-reliġjon!   Fil-kamp tal-liġi, hemm l-assjoma “extreme law, extreme injury”. Continue reading >>

Ftuħ tal-Proċess Djoċesan tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard

Stqarrija għall-Istampa

dun-mikiel-attard.jpgFtuħ tal-Proċess Djoċesan tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard

Nhar is-Sibt 2 ta’ Awwissu 2014, fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex, fis-6.30pm, kienet iċċelebrata s-sessjoni pubblika tal-ftuħ tal-Proċess Djoċesan tal-Beatifikazzjoni u l-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard.  Din saret waqt Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech flimkien ma’ għadd sabiħ ta’ saċerdoti u reliġjużi konċelebranti, kif ukoll għadd kbir ta’ fidili lajċi. Continue reading >>