- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IL-PERSEKUZZJONI KONTRA L-INSARA

Posted By admin On July 29, 2014 @ 12:31 pm In Il-Ħajja f'Għawdex | Comments Disabled

persecution-of-christians.gifFil-Marċ tal-Ħdax
Ftakar Ftit Fihom!
Joseph W. Psaila
jwpsaila@melita.com

Niżżel kopja pdf: [1] editorjal-hajja-fghawdex-gunju-lulju-2014.pdf

Kull nhar ta’ Ħadd waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, aħna nistqarru fil-Kredu: “Nemmen fi Knisja waħda, qaddisa, Kattolika, appostolika.” Dawn huma l-erba’ karatteristiċi tal-Knisja ta’ Kristu. Niftakar lill-Isqof Cauchi fid-diskorsi tiegħu kien immankabilment iżid karatteristika oħra : “ippersegwitata”. U bir-raġun, għaliex minn dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin, il-Knisja sabet ruħha, b’mod jew ieħor, ippersegwitata. Il-martirju taż-żagħżugħ Stiefnu, għalkemm mhux bit-tħaġġir, għadu sejjer sal-lum.

Aħna nafu li l-ewlenin Insara kienu ppersegwitati kemm mil-Lhud u kemm mir-Rumani. Infatti l-Appostli kollha minbarra Ġwanni mietu martri, taħt ix-xabla jew lanza, bil-qtugħ ir-ras jew kruċifissjoni. Tacitus, storiku tal-ideoloġija imperjali Rumana, kiteb li Neruni waddab il-ħtija tal-ħruq ta’ Ruma “fuq setta mistmerra li jsejħu lilhom infushom ‘Kristjani’ ” u hekk qabbad persekuzzjoni kbira kontra tagħhom. Ma kinitx inqas il-persekuzzjoni fit-tielet seklu taħt Dioklezjanu, meta jingħad li nqatlu xi għoxrin elf nisrani. L-ewlenin Insara (bħalma qed jiġri llum f’ċerti ambjenti fl-Ewropa) kienu jiġu wkoll mwaqqa’ għaċ-ċajt. Fil-fatt, l-ewwel xbieha ta’ Kristu li għandna hija graffiti fuq ħajt ta’ dar fil-Palatino ġewwa Ruma. Il-graffiti turi raġel fl-att ta’ adorazzjoni quddiem xbieha ta’ persuna b’ras ta’ ħmar imdendla ma’ salib u taħtha kitba bil-Grieg: “Alessameno jadura ’l Alla tiegħu.” Il-poeta Giovanni Pascoli għandu esej bil-Latin dwar din ix-xbieha.

Għal elfejn sena l-persekuzzjoni kontra l-Kristjani baqgħet sejra: tbiddlu l-inħawi, għaddew persekuturi u ġew oħrajn, bi strateġiji u metodi differenti imma bl-istess skop infami. Fis-seklu li għadu kemm intemm, żewġ ideoloġiji, in-Nażiżmu u l-Komuniżmu, għalkemm politikament opposti, it-tnejn tahom fastidju t-twemmin fi Kristu, u għaldaqstant ħaqru b’diskriminazzjoni, eżilju, ħabs u mewt lill-Insara. Issa, partikolarment, f’dawn l-aħħar diċenni, il-bariċentru tal-persekuzzjoni kontra l-Insara spostja ruħu lejn il-pajjiżi musulmani tal-Asja, il-Lvant Nofsani u xi pajjiżi fl-Afrika. Saħansitra jidher li, fl’hekk imsejħa, “rebbiegħa Għarbija”, il-persekuzzjoni kontra l-Insara ħraxet ħafna. Stima tal-Aġenzija Open Doors (UK) tgħid li llum hawn mitt miljun Nisrani li qegħdin iħabbtu wiċċhom mal-persekuzzjoni. Nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ April, Papa Franġisku, fl-omelija tiegħu f’Santa Martha kkonferma: “Nissogra ngħid li aktarx hawn aktar martri llum milli fl-ewwel żminijiet tal-Knisja”.

L-istejjer li jaslu permezz tal-għaqdiet, li minn taħt jagħtu l-għajnuna lill-ippersegwitati, jixhdu ħruxija kbira. Il-Kristjani huma misruqa, djarhom maħruqa, tfajliet stuprati, familji mqegħdin taħt diskriminazzjoni u intimidazzjoni kontinwa… X’uħud, per eżempju, biex jiċċelebraw l-Ewkaristija jagħmlu ta’ bir-ruħhom li ltaqgħu għal festa għaliex xi ħadd għandu l-birthday. Hemm il-ħabs u l-mewt għalmin jinqabad iżomm il-Vanġelu d-dar jew għalmin jgħallem il-Katekiżmu. Fil-Pakistan, biex nagħti biss eżempju ieħor, min jinqabad li hu Nisrani, ikun akkużat li hu midgħi u mbagħad immarkat b’ittra ħamra biex jintgħaraf kulfejn imur. Il-povru Kristu jkollu jinħeba għaliex, mhux darba jew tnejn, min kien bħalu ingħata eżekuzzjoni pubblika minn marmalja rrabjata. Kemm tixirqilhom l-ittra “N” jew “I” kapitali lil dawn l-Insara ta’ veru.

Madankollu, il-mistoqsija toħroġ naturali : “Għaliex Alla jippermetti din it-tbatija?” It-tweġiba jagħtuhielna dawk li għall-fidi tagħhom għaddew snin magħluqa u maħqura bejn erba’ ħitan ta’ ċella. Hemm misteru fit-tbatija, jgħidulna, li jippermettilek li tagħraf lil Alla aktar fil-fond minn qatt qabel u li fl-aħħar mill-aħħar il-kontroll ta’ kollox huwa f’idejh.

Intwizzjoni sorprendenti jagħtihielna CS Lewis, li minn ateu kien sar nisrani. Hu jirraġuna xi ħaġa hekk : Hemm bżonn li bħala Nsara ningħaqdu bejnietna… għaliex min jaf, Alla hux jippermetti l-persekuzzjoni biex iressaqna għall-għaqda bejnietna la darba aħna qegħdin niċħdu metodi oħra ta’ djalogu sinċier u fejjiedi? Il-persekuzzjoni llum hija kontra l-Insara huma min huma – Kattoliċi, Ortodossi, Protestanti. Għaldaqstant “dawk li jsofru l-istess tbatijiet minn idejn l-istess nies għall-istess persuna, ma jistgħux fl-aħħar mill-aħħar ma jkunux iħobbu lil xulxin.” Li mmutu ma’ xulxin għal Kristu hija l-ogħla sura ta’ ekumeniżmu.

U aħna l-Għawdxin li bħalissa għaddejjin mill-istaġun tal-festi lill-qaddisin patruni tal-belt u rħula tagħna – qaddisin li ħafna minnhom jippreżentaw il-palma tal-martirju tad-demm – kemm aħna konxji mill-martri ta’ żminijietna? Waqt li aħna qegħdin nitbaħardu fil-briju tal-marċ tal-ħdax, hemm Insara ħutna li qegħdin jinħaqru; waqt li aħna qed inlegilgu xi grokk jew tnejn żejda, hemm min qed jixrob il-kalċi tad-demm; waqt li aħna niggustaw in-nar tal-art u tal-ajru, hemm min qed iġarrab lil daru tinħaraq sal-art jew għandu tistennih karozza bomba ttajmjata biex tisplodih. Kemm tabilħaqq ngħożżu f’qalbna dak li qal San Pawl lill-Korintin : “u jekk isofri membru wieħed, isofru miegħu l-membri kollha.”? (1 Kor 12:26) U f’dan l-istaġun tal-ħala fil-festa kemm qegħdin nagħtu xhieda ta’ dan?


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/07/29/editorjal-tar-rivista-il-hajja-fghawdex-gunju-lulju-2014/

URLs in this post:
[1] editorjal-hajja-fghawdex-gunju-lulju-2014.pdf: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/07/editorjal-hajja-fghawdex-gunju-lulju-2014.pdf

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.