- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Iċċelebrata l-Velja Djoċesana ta’ Pentekoste

Posted By admin On June 10, 2014 @ 10:52 am In Homilies | Comments Disabled

Omelija fil-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin
Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Is-Sibt 7 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

[1] velja-djocesana-ta-pentekoste-2014.jpg

 

IN-NIXFA TISTA’ TINTREBAĦ

In-nixfa hija kerha ħafna.  Jekk jonqos il-ġmiel madwarna meta l-art tinxef, kemm aktar toktor il-kruha meta l-bniedem jinxef minn ġewwa!

Kulma jmur, il-qalb tal-bniedem qiegħda tinxef.  Qalb xierfa u magħkusa ma tafx tħobb.  Huwa fatt li llum huma diversi dawk ir-relazzjonijiet umani li qed isofru qatigħ minħabba din in-nixfa.

Qiegħed jinxef il-moħħ tagħna, fis-sens li għandna min qed jiftaqar fil-ħsieb.  Hemm min qed jitgħażżen jaħseb u għalhekk jippreferi jagħmel bħax-xadini u jikkopja lil ħaddieħor.  Agħar minn hekk, il-menti nixfu minħabba dik li l-Papa Franġisku jsejjaħ “id-dittatura tal-ħsieb uniku”, fis-sens li fis-soċjetà hemm ħsieb qawwi u dominanti li ma jippermettix li xi ħadd ieħor jaħseb b’mod differenti.  Imbagħad hemm min jaġixxi mingħajr ħsieb.

Nixfu wkoll għajnejna, tant li bħal donnu ma għadniex nafu nibku quddiem il-bniedem li qiegħed ibati.  Tant drajna naraw sfreġji fuq il-persuni u l-familji frott tal-inġustizzji u t-tkasbir tad-dinjità umana, li llum diffiċli taqbżilna demgħa minn għajnejna.

Ilsienna nixef daqs ċaqqufa, u meta l-ilsien jinxef, ma nkunux nistgħu niftħu fommna.  Ħafna waqgħu fil-muta u diffiċli jlissnu kelma li tagħmel kuraġġ, li ssabbar, li tferraħ jew, jekk ikun hemm bżonn, li tagħmel korrezzjoni.  Ikolli ngħid li anki fil-Knisja qegħdin inbatu minn ilsien niexef tant li naqset il-profezija.  Illum il-profeti għebu minn fostna.

Nixef ukoll il-ġuf, tant li quddiemna għandna l-fenomenu ta’ rata baxxa ħafna tat-twelid.  Kif qal il-Papa Franġisku dan l-aħħar, donnu l-Ewropa aktar saret tħobb il-klieb u l-qtates milli t-trabi!

L-effett ta’ dan l-inxuf jidher fil-ħajja relazzjonali tagħna, fl-ekonomija, kif ukoll fil-politika.  Snin ilu l-ħassieb tagħna l-Prof. Oliver Friggieri kiteb ktieb li jġib l-isem Fil-parlament ma jikbrux fjuri; il-fjuri ma jikbrux fejn hemm in-nixfa!

Quddiem dan kollu jien irrid nagħmel il-qalb lill-Knisja lokali u nfakkarha f’dak li qal Ġesù: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob… min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma li jagħti l-ħajja” (Ġw 7:37-38).  Għalhekk il-Knisja hija xmara ta’ ilma ħaj u jekk tagħraf tiftaħ il-kanali, jirnexxielha twassal dan l-ilma u hekk tegħleb din in-nixfa fid-diversi forom tagħha.  Ġesù bagħat l-Ispirtu s-Santu fuqna biex il-komunitajiet ekkleżjali jsiru għejun ta’ ilma jiżfen li jibdel id-deżert f’art għammiela.  Ma nistgħux nibqgħu lura milli nwasslu dan l-ilma tal-ħajja.

Dan ma nagħmluhx bil-ħila tagħna, imma bil-qawwa ta’ Kristu.  Għalhekk għandna bżonn ta’ aktar kuraġġ biex nitkellmu mal-proxxmu dwar Ġesù.  Xi drabi ħafna jiġrilhom bħas-Samaritana: itellgħu kemm itellgħu ilma mill-bir, jerġa’ jaqbadhom l-għatx.  Għalhekk Ġesù qalilha li “min jixrob mill-ilma li nagħtih jien, qatt iżjed ma jaqbdu l-għatx.  L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 4:15).  Forsi aħna bħala Knisja ma nemmnux biżżejjed li l-Mulej fawwar fuqna b’mod abbundanti minn dan l-ilma!

Inħoss li bħala Knisja għadna ma fhimniex biżżejjed li għandna nieħdu aktar inizjattivi biex inwasslu dan l-ilma tal-ħajja lill-oħrajn.  Kif jikteb il-Papa Franġisku fl-Evangelii Gaudium, il-Knisja jeħtiġilha toħroġ minnha nfisha biex tikkomunika l-Vanġelu li għandu “dinamika ta’ eżodu u tad-don, li wieħed joħroġ minnu nnifsu, li jimxi u jiżra’ dejjem il-ġdid, fi mkejjen dejjem ġodda” (21).  Il-Papa jkompli jgħid li l-komunità ekkleżjali hija dik li “tagħraf li l-Mulej hu dak li ħa l-inizjattiva, hu li mexa qabilha fl-imħabba u għalhekk hi taf tmidd l-ewwel pass, taf tieħu l-inizjattiva bla ma tibża’, toħroġ tiltaqa’ mal-oħrajn, tfittex lil min hu mbiegħed u tasal sa salib it-toroq biex tistieden lilll-imwarrbin” (24).  Fi kliem ieħor, għandna bżonn noħorġu mill-knisja u nwessgħu z-zuntier.  Qegħdin ngħixu fi żmien fejn huwa imperattiv li mmorru fil-periferija.  Għalkemm konna tkellimna dwar din il-viżjoni snin ilu f’wieħed mill-Pjani Pastorali tad-Djoċesi, ftit li xejn ħdimna dwarha.  Madwarna hemm persuni li huma għatxana għall-imħabba u s-sewwa – huwa dmir tagħna bħala Knisja li ntaffulhom din in-nixfa.

Il-Papa jsejjaħ din l-attitudni “il-pastorali tal-laqgħa”, “pastorali li ssieħeb lill-umanità fil-passi kollha tagħha li tmidd, huma kemm huma iebsa jew twal” (24).  Din il-pastorali tad-djalogu tgħinna niltaqgħu mal-bniedem li qiegħed fit-trufijiet jew ma’ ġenb it-triq – tlaqqagħna ma’ dawk li s-soċjetà taf tqishom bħala skart.  Għal Kristu u għall-Knisja ma hemm ħadd li huwa skart.  Ma teżisti ebda sitwazzjoni li fiha jista’ jsib ruħu l-bniedem li nistgħu nikkunsidrawha bħala mgħoddija jew skaduta.

Min ser jidħol għal din il-missjoni?  Meta din il-ġimgħa kelli laqgħa mal-Kulleġġ tal-Kappillani, sħaqt li għandna bżonn nibdlu l-atteġġjamenti pastorali tagħna – neħtieġu dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ “konverżjoni pastorali” (25, 33).  Huwa fatt li attwalment aħna qegħdin napplikaw ħafna u ħafna mill-enerġija tagħna biex nikkonservaw it-tradizzjonijiet tagħna u hekk mingħalina nsaħħu l-Knisja minn ġewwa.  Donnu għadu mhux ċar biżżejjed għalina li anki f’din id-djoċesi li għandha mija u ħamsin sena, hawn ċerta nixfa umana u spiritwali.  Xi drabi aħna nikkuntentaw ruħna nsaqqu fejn huwa diġà mxarrab.  Quddiem dan kollu aħna għandna proposta x’nagħmlu lill-bniedem li jinsab għaddej minn din in-nixfa billi nwasslulu l-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu.

Illum ser nagħti l-mandat lill-ministri straordinarji tat-tqarbin.  Dawn jistgħu jgħinu fit-tqarbin waqt il-liturġija; imma nixtieq li l-Knisja tapprezza li dan il-ministeru qed jingħatalkom biex twasslu lil Ġesù fil-periferija tal-komunità.  Qiegħed nagħtikom mandat biex twasslu lil Ġesù lill-morda u lill-anzjani.  Imma niftakru li barra dawk li huma morda fiżikament u dawk mgħobbija bis-snin, hemm dawk li huma umanament u spiritwalment morda – hemm ukoll dawk li għalkemm għadhom żgħar fl-età, illum xjieħu għax tilfu kull tama fil-ħajja.  Lil dawn ukoll irridu nwasslulhom lil Ġesù.  Lil Ġesù nwassluh mhux biss bl-Ewkaristija, imma wkoll bil-ġesti u l-kliem tagħna.  Din hija l-missjoni li f’din il-Velja ta’ Għid il-Ħamsin nixtieq nipproponi lill-Knisja kollha tagħna.

Hemm bżonn nieħdu b’iktar serjetà l-kelma ta’ Ġesù: “Min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma li jagħti l-ħajja” (Ġw 7:38).  Ġesù huwa dak li bl-Ispirtu tiegħu jkebbes il-qlub niexfa, idawwal il-menti nexfin, jagħmel li l-għajnejn idemmgħu mill-ġdid għax iħennu, u jħoll l-ilsien.  Fuq kollox, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, il-ġuf tal-Knisja, jiġifieri l-Fonti tal-Magħmudija, jibqa’ miftuħ kemm biex oħrajn jitwieldu għall-fidi u kemm biex dawk li huma mgħammdin imma tilfu t-tifsira tal-Magħmudija, jerġgħu jiskopruha.
Nixtieq nindika tliet ambjenti fejn nara l-urġenza li nwasslu lil Ġesù biex in-nixfa ma teqridhomx:

(a)    Aħna soċjetà li għadna ngħożżu ħafna l-familja.  Inħoss il-bżonn li naħdmu aktar mal-familji li ħafna minnhom qed jonqoshom l-ilma!  Jekk noffrulhom aktar akkumpanjament uman u spiritwali, ħafna sfidi fiż-żwiġijiet u l-familji jintrebħu.  Fuq kollox, ngħassu sewwa biex il-familja tibqa’ s-santwarju fejn hija ċċelebrata l-ħajja umana.

(b)    Nuru attenzjoni biex l-ambjenti edukattivi tagħna jkunu tassew dawk li jsawru lil uliedna b’mod sħiħ.  Hija l-missjoni tal-istituzzjonijiet edukattivi li, flimkien mal-formazzjoni akkademika, joffru wkoll il-formazzjoni tal-karattru.  Din tal-aħħar issir jekk nittrasmettu valuri tajbin lill-istudenti.  It-tagħlim tar-reliġjon huwa għodda valida ħafna biex ngħaddulhom dawn il-valuri umani u Kristjani.  Dan is-suġġett ma għandux jiġix ttraskurat għax nixxennqu minn proposti ġodda.

(c)    Ma nistgħux ma ninteressawx ruħna f’dak li qed jiġri fid-dinja tax-xogħol.  Importanti li l-ħaddiem jibqa’ l-kejl aħħari ta’ kull għażla li ssir fil-politika tax-xogħol.  Il-kriżi fil-qasam tax-xogħol mhix biss kriżi teknoloġika jew ekonomika, imma hija wkoll kriżi ta’ etika.  Aħna nistgħu nkunu aktar solidali sew ma’ min qed jaħdem, sew ma’ dawk li għandhom xogħol prekarju jew l-impieg tagħhom f’riskju.  Fuq kollox it-tħassib ta’ min hu qiegħed, għax bla xogħol, għandu jkun it-tħassib tagħna.

Nifhem li dawn ir-riflessjonijiet huma impenjattivi għal kulħadd, imma niftakru li Ġesù bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja.  Ma għandniex nibżgħu mis-sorpriżi tat-tnebbiħ tiegħu.  Mhemmx bżonn noqogħdu nkejlu jew nikkontrollaw kollox, imma nħallu lilU jmexxina.  Biex aħna stess ma ninxfux spiritwalment u pastoralment, jeħtiġilna nsibu aktar ħin biex ninżlu għarkupptejna fil-preżenza ta’ Alla.  Barra li rridu nkunu Knisja tal-attività, irridu nkunu Knisja li titlob.  Nuqqas ta’ spiritwalità profonda jaf iwaqqagħna f’pessimiżmu.  Inħeġġiġkom biex tikkuraw it-talb kemm personali u kemm fil-familji u fil-komunitajiet.  Huwa f’mumenti ta’ intimità ma’ Alla bħal dawn li l-Ispirtu s-Santu jimliena bil-passjoni għal Kristu u għall-bnedmin.

Esperta fl-umanità u bil-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù f’idejha, il-komunità Nisranija, li hija xmara ta’ ilma li jagħti l-ħajja, għandha tfittex tiftaħ il-kanali li minnhom jitwassal l-ilma li jeqred in-nixfa fil-ħajja.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/06/10/iccelebrata-l-velja-djocesana-ta-pentekoste/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/06/velja-djocesana-ta-pentekoste-2014.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.