Il-Qalb Materna tas-Saċerdot

Riflessjoni fil-Velja ta’ Talb
għall-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Dun Daniel J. Sultana
Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ħamis 29 ta’ Mejju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Kull persuna, partikularment aħna s-saċerdoti, għandna bżonn li jkollna qalb femminili.  Nistħajjel li meta minn fuq is-salib Ġesù talab lil Ġwanni jieħu lil Marija toqgħod għandu, huwa għamel dan biex Marija tkun tista’ tgħin lil Ġwanni jikseb din il-qalb materna.

Neħtieġu qalb materna biex inkunu doċli għat-tnebbiħ tal-Ispirtu.  Meta l-qalb ma tkunx iebsa imma ratba, tkun tista’ tissawwar b’aktar faċilità.  It-tentazzjoni li nagħmlu reżistenza, anki lil Alla, mhix tentazzjoni remota ħafna!  Lanqas aħna s-saċerdoti ma aħna ħielsa minn din l-għamla ta’ tentazzjoni.  Kull bniedem, imma speċjalment aħna s-saċerdoti, għandna bżonn din il-ħlewwa biex meta Alla jinbixna, aħna nikkoperaw miegħu.  Aħna bħal biċċa tafal f’idejn Alla, u jekk ifettlilna nirreżistu lill-fuħħari waqt li jkun jagħtina l-forma, ninkisru u nsiru frak!  Is-saċerdozju mhux xi għamla ta’ ħajja biex aħna noqogħdu sewwa, imma aħna noffru d-disponibbiltà tagħna biex Kristu Saċerdot jaġixxi permezz tagħna.  Biex dan iseħħ, irridu nkunu doċli għall-Ispirtu sakemm Kristu jissawwar fina.

Għandu jkollna qalb bħal ta’ Marija biex inkunu ministri ta’ qalb tajba.  Huwa minnu li lilna s-saċerdoti jsejħulna fathers, imma aħna msejħin biex inkunu ommijiet.  Il-missjoni tagħna titlob li daqskemm għandna nkunu paterni għandna nkunu wkoll materni.  Forsi aktar insibuha faċli li flok ma neżerċitaw il-maternità, inħaddmu l-paternità… forsi nesaġeraw ukoll!  Imma meta nħaddmu l-maternità qatt ma nistgħu ngħidu li nkunu esaġerajna – l-imħabba materna hija bla qies.

Itolbu għalina s-saċerdoti biex bil-ministeru tagħna nagħrfu nagħmlu lill-Knisja qrib tagħkom – din il-Knisja hija Omm.  Hija tassew ħasra li ħafna bnedmin (ħafna drabi mingħajr tort tagħhom) aktar iltaqgħu mal-Knisja istituzzjoni milli mal-Knisja Omm!  Nitlobkom biex tweżnuna bit-talb tagħkom ħalli aħna s-saċerdoti nkunu kapaċi ndewqukom il-maternità ta’ Alla.  Alla ma huwiex biss Missier imma Omm ukoll.  Fil-ktieb ta’ Isaija, Alla jgħid: “Kif l-omm tfarraġ lil binha, jien infarraġ lilkom” (66:13).

Il-ġenju tal-mara jgħallimna kemm fil-ħajja għandna nkunu attenti għad-dettalji biex inkunu nistgħu naqbdu minn qabel x’inhuma l-ħtiġijiet tal-bniedem.  Kulħadd għandu bżonnha din il-kwalità, imma dan jgħodd ħafna għalina s-saċerdoti.  Il-ministeru tagħna jitlob minna li nrawmu fina dan is-sens ta’ intuwizzjoni biex imbagħad inkunu nistgħu nħaddmu l-maternità.  Hekk għamlet Marija fit-tieġ ta’ Kana.

Nixtieq li l-Madonna ssawwar qlubna s-saċerdoti biex ikollna t-tenerezza, il-ħlewwa u l-kompassjoni karatteristiċi tal-mara.  Bħal fil-każ ta’ Alla, is-saċerdoti jrid ikollna “ġewwenija materna” (rachamîm) (Ġer 31:20).  Qegħdin nindunaw li l-bniedem tal-lum ma għandux bżonn biss tal-għalliema, imma għandu bżonn ta’ min jurih it-tenerezza u l-kompassjoni ta’ Alla.  Jekk ma jkollniex qalb materna, ma nistgħux indewqu lill-bniedem din il-miżerikordja ta’ Alla.

Dawn huma l-ftit ħsibijiet li ħassejt li għandi naqsam magħkom, poplu ta’ Alla, imma b’mod partikulari miegħek, għażiż Djaknu Daniel, li għada ser tkun saċerdot ta’ Kristu.  Nirrakkomandalek biex illejla tieħu lil Marija, l-Omm tagħna s-saċerdoti, miegħek id-dar u nitlob għalik biex maż-żmien tħalli lill-Madonna ssawwarlek qalbek u hekk, daqskemm tħaddem il-“prinċipju Petrin”, daqshekk ieħor tħaddem il-“prinċipju Marjan”.

Poplu ta’ Alla, inħeġġiġkom biex titolbu għalina l-presbiteri biex f’qalbna jkollna din id-devozzjoni lejn Marija.  Għax jekk ma jkollniex dik id-doċilità li kellha Hi, ma nkunux dixxipli ta’ Ġesù; u jekk ma nkunux dixxipli ta’ Ġesù, ma nistgħux inkunu għalliema u rgħajja tajba.  Fuq kollox, itolbu għalina biex ikollna qalb Marjana ħa nkunu nistgħu ndewwu l-qlub midruba tal-umanità.