Archive for June, 2014

Bullettin tal-Ħadd - 29 ta’ Ġunju 2014

Niżżel kopja tal-Bullettin minn hawn:

bullettin-2014-gunju-29.jpg

Titħabbar il-mewt ta’ Mons. Ġużeppi Azzopardi

Waqt li llum, Solennità tal-Qalb ta’ Gesù, kl-Knisja tfakkar il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Qdusija tas-Saċerdoti, b’niket inħabbru  li lbierah wara nofsinhar miet Mons. Ġużeppi Azzopardi, saċerdot  minn ta’ Kerċem. Dun Ġużepp kellu 88 sena u kien ordnat saċerdot fid-29 ta’ Marzu 1952.

Il-funeral tiegħu se jsir għada s-Sibt, 28 ta’ Ġunju. Fit-3.30pm jitlaq il-korteo mill-Isptar Ġenerali għall-Knisja Parrokkjali ta’ Kerċem; fl-3.45pm tingħad it-talba tal-Għasar; fl-4.00pm quddiesa.

Ningħaqdu mal-familjari tiegħu f’dan il-mument u nitolbu lil Alla l-Missier iferra’ fuqu l-imħabba kollha ħniena tal-Qalb Divina ta’ Ibnu Ġesù.

RIP

Newsheet tal-Għaqdiet Kattoliċi - Lulju 2014

Niżżel kopja tan-Newsheet minn hawn:

newsheet-lulju-2014.pdf

Iċċelebrata s-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu

Omelija fil-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mqaddsa Ta’ Pinu
Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
Il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

NAĦDMU GĦAL KULTURA LI TGĦOŻŻ IL-GRATWITÀ

Jiġini li nistaqsi jekk Ġesù u Marija kinux kuntenti meta kienu mistiedna għat-tieġ ta’ Kana.  Għax illum ġieli jiġri li meta jasal invit ta’ tieġ, hemm min iqarras wiċċu għax invit ġdid ifisser li trid tagħti rigal.  Sfortunatament illum qed nitilfu l-ispirtu ta’ gratwità u għalhekk mhux faċli nemmnu li koppja tistedinna għax għandha pjaċir isseħibna fil-ferħ tagħha; bħal donnu lanqas nistgħu nifhmuha li l-bniedem minn rajh jista’ jagħti rigal bħala epressjoni tar-rieda tiegħu li jieħu sehem fil-ferħ tal-oħrajn.  Il-kultura tad-drittijiet, fejn kulħadd jistenna kollox b’jedd, qed tnessina li fil-ħajja hemm ħafna affarijiet li nirċevuhom gratwitament – sempliċement għax min jagħtihomlna, iħobbna u ma jistenna xejn lura – u li aħna ħielsa li nagħtu mingħajr ma nistennew xejn lura.  Ġejna mirkubin mill-mentalità li ħadd ma jagħmel xejn għal xejn għaliex kollox għandu prezz.

Il-miraklu tal-ilma mibdul fi nbid li Ġesù għamel f’Kana huwa espressjoni qawwija ta’ din il-gratwità.  Ġesù u Marija ħadu din l-inizjattiva minn rajhom.  Ma kellhom ebda obbligu li jagħmlu dan l-intervent straordinarju.  Min-naħa tagħhom l-għarajjes mhux biss ma kinux qed jistennew dan il-miraklu, imma lanqas biss kienu jafu min fejn kien wasal dak l-inbid tajjeb.  Il-gratwità hija fin-natura ta’ Alla.  Propju għax Alla huwa mħabba, huwa kontinwament jingħata lill-bnedmin mingħajr ma jistenna xejn lura.  Kif jikteb San Ġwann, “hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna lil Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” (1 Ġw 4:9). Continue reading >>

L-Isqof Grech jitkellem dwar l-abbużi soċjali

Niġġieldu l-faqar

Omelija tal-Isqof Mario Grech
Festa ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova
Knisja ta’ San Franġisk, Ir-Rabat, Għawdex – Il-Ġimgħa 13 ta’ Ġunju 2014

Għalliem tat-teoloġija kontemporanju għal Sant’Antnin ta’ Padova kiteb li qatt ma kien sema’ b’konsulatur ħelu tal-foqra bħal Sant’Antnin u anqas b’kontestatur qalil tas-sinjuri bħalma kien Sant’Antnin.  Min hu devot ta’ Sant’Antnin ma jistax ma jimitahx fl-attenzjoni li kellu biex jisma’ l-karba tal-foqra.

L-għotjiet ta’ karità huma wieħed mill-modi kif wieħed jgħin biex negħlbu l-faqar. Huwa ppruvat li pajjiżna huwa minn ta’ quddiem nett fil-lista ta’ dawk il-pajjiżi fejn iċ-ċittadini personalment jagħmlu donazzjonijiet ġenerużi ħafna. Is-suċċess ta’ għadd ta’ kampanji li jsiru f’pajjiżna għal skopijiet ta’ karità jitkellem għalih waħdu. Ma għandix kliem biex infisser l-apprezzament tiegħi għal dan. Continue reading >>

Iċċelebrata l-Velja Djoċesana ta’ Pentekoste

Omelija fil-Velja Djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin
Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija
Is-Sibt 7 ta’ Ġunju 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

velja-djocesana-ta-pentekoste-2014.jpg

 

IN-NIXFA TISTA’ TINTREBAĦ

In-nixfa hija kerha ħafna.  Jekk jonqos il-ġmiel madwarna meta l-art tinxef, kemm aktar toktor il-kruha meta l-bniedem jinxef minn ġewwa!

Kulma jmur, il-qalb tal-bniedem qiegħda tinxef.  Qalb xierfa u magħkusa ma tafx tħobb.  Huwa fatt li llum huma diversi dawk ir-relazzjonijiet umani li qed isofru qatigħ minħabba din in-nixfa.

Qiegħed jinxef il-moħħ tagħna, fis-sens li għandna min qed jiftaqar fil-ħsieb.  Hemm min qed jitgħażżen jaħseb u għalhekk jippreferi jagħmel bħax-xadini u jikkopja lil ħaddieħor.  Agħar minn hekk, il-menti nixfu minħabba dik li l-Papa Franġisku jsejjaħ “id-dittatura tal-ħsieb uniku”, fis-sens li fis-soċjetà hemm ħsieb qawwi u dominanti li ma jippermettix li xi ħadd ieħor jaħseb b’mod differenti.  Imbagħad hemm min jaġixxi mingħajr ħsieb. Continue reading >>

Tiġdid tal-Mandat tal-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin

velja-djocesana-ta-pentekoste-xewkija-2014.jpg

Fil-Velja Djoċesana ta’ Pentekoste f’Għawdex, li nżammet fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija, nhar is-Sibt, 7 ta’ Ġunju 2014, filgħaxija, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech l-Isqof ġedded il-mandat tal-Ministri Staordinarji tat-Tqarbin fid-Djoċesi ta’ Għawdex.

Messaġġ tal-Isqof Grech lill-Azzjoni Kattolika

Messaġġ fl-okkażjoni tal-Konferenza Djoċesana dwar il-Mara

Azzjoni Kattolika ta’ Għawdex

Il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju 2014

Filwaqt li nifraħ lill-Azzjoni Kattolika (Għawdex) għal din il-Konferenza dwar Il-mara fis-soċjetà li qed issir illum, insellem lill-parteċipanti.

Is-suġġett li sejrin tiddiskutu dwaru, Qalb tħabbat fis-soċjetà, huwa tassew attwali, għaliex l-esperjenza tixhed li fejn il-mara offriet is-sehem speċifiku tagħha fil-familja, fis-soċjetà u fil-Knisja, kien hemm akkwisti kbar.  Mingħajr dubju, propju bil-qawwa affettiva tagħha l-mara tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna.  Fil-fatt ma tridx wisq biex tintebaħ bin-nuqqas tal-preżenza diretta jew indiretta tal-mara fil-ħajja tal-bniedem: normalment meta l-ġenju femminili huwa assenti, peress li tkun qed tiġi ttraskurata dimensjoni importanti fil-ħajja tagħna l-bnedmin, jaf ikun hemm diżordni sħiħ – ma jkunx hemm biss taħwid materjali imma wkoll emozzjonali, affettiv u spiritwali.

Minħabba dan il-vojt emozzjonali, affettiv u spiritwali, jitħarbtu wkoll ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.  U meta r-relazzjonijiet interpersonali jiftaqru, tant jaqa’ dlam fuq għajnejna u l-ħajja ssir tqila, li kollox jorħos, anki l-istess ħajja umana.

Għalhekk inħeġġiġkom biex tkunu promuturi tal-ħajja.  Iżżommux lura milli tħallu lil qalbkom tmexxikom, biex meta jkun il-waqt tlissnu kelma jew tieħdu azzjoni ħalli twaqqfu mill-ġdid dak l-ordni emozzjonali, affettiv u spiritwali li jkun ixxellef.  Hekk tkunu tagħtu sehemkom biex il-ħajja tkun rispettata u dawk ir-relazzjonijiet miksura jerġgħu jitwaqqfu.

Bl-interċessjoni tal-Madonna, nitlob il-barka ta’ Alla fuqkom u l-familji tagħkom.

Illum, 6 ta’ Ġunju 2014.

+ Mario Grech
Isqof ta’Għawdex