ID-DIMENSJONI SOĊJALI TAL-IMĦABBA NISRANIJA
Omelija tal-Isqof Mario Grech
Quddiesa f’Dar Arka fl-okkażjoni taż-Żjara tal-E.T. il-President Marie Louise Coleiro Preca
Is-Sibt, 5 ta’ April 2014
Ir-rakkont tal-mewt ta’ Lażżru jfakkarna fl-intiena ta’ mewt li xi drabi tagħlqilna mnifsejna! Mhux qed nitkellem dwar il-mewt fiżika imma dwar dak kollu li kapaċi jnaqqar jew jgħakkes il-ħajja umana. Fil-ħajja lkoll ġarrabna waqtiet ta’ mewt; anzi ġieli jaqa’ bħal għamad fuq għajnejna u bl-iżball tagħna nkunu aħna stess li nnaqqru jew ngħakksu ħajjet ħaddieħor! Nagħti xi eżempji.
Il-faqar inaqqas serjament il-kwalità tal-ħajja. Min ifaqqar ikun il-kaġun li ħaddieħor jibda nieżel fil-qabar. Soċjetà li flok ma tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar, tkompli tkattar il-faqar, hija soċjetà omicida.
Min bla kuxjenza jmexxi d-droga ikun qiegħed jiżra’ l-mewt. Sieħba f’dan id-delitt huma dawk li jagħlqu għajnejhom biex jippermettu li dan in-negozju jistagħna.
Id-diversi għamliet ta’ inġustizzja jikkawżaw ġerħat fil-vittma u fis-soċjetà. Aktar ma l-inġustizzja tkun gravi jew istituzzjonalizzata, aktar taf tkun fatali d-daqqa.
Kull xorta ta’ abbuż fiżiku, emozzjonali u sesswali fuq il-bniedem, partikularment fuq il-minuri, jagħmel sfreġju fuq il-bniedem. Min jista’ jagħmel xi ħaġa biex dawn l-abbużi ma jibqgħux isiru u jibqa’ passiv, ikun hu wkoll responsabbli tat-tixrid ta’ kultura tal-mewt. Continue reading >>