Archive for April, 2014

L-Isqof Mario Grech jiltaqa’ mal-President Marie-Louise Coleiro Preca

l-isqof-grech-jiltaqa-mal-president-ta-malta.jpg
Waqt żjara ta’ kortesija li l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech għamel lill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, it-Tnejn 14 ta’ April 2014, intqal li l-uffiċċju li l-President se jkollha f’Għawdex se jagħti opportunita’ li din il-Presidenza tkun aktar viċin tal-Għawdxin.

Il-President Coleiro Preca qalet li prijorità ewlenija ta’ din il-Presidenza se jkunu t-tfal.

Hija semmiet il-proposta tagħha tal-Guardian ad litem waqt il-proċess tal-adozzjoni ħalli jkompli jiġi assigurat li l-aħjar interess tat-tfal jiġi salvagwardjat.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet ukoll dwar l-unaccompanied minors li dan l-aħħar żdied in-numru tagħhom u sostniet li dawn ukoll iridu jingħataw l-appoġġ meħtieġ.

Min-naħa tiegħu, Mons. Mario Grech irringrazzja lil President tal-viżibilità li se tkun qed tagħti lil Għawdex.

Sostna li kull ma jmur in-numru ta’ immigranti f’Għawdex sar iktar sinjifikanti u kien għalhekk li kkummissjona rapport dwar il-qagħda tal-immigranti f’Għawdex.

Mons. Grech qal li se jkun qed jgħaddi dan ir-rapport lil President Coleiro Preca għal aktar diskussjoni.

Mons. Grech qal ukoll li hu ferm importanti li l-Istat jieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, li huma minn ta’ quddiem nett fost il-vulnerabbli. Qal li hija ħaġa sabiħa li s-soċjetà tesprimi l-għozza tagħha favur l-ulied, pero t-tfal m’huma dritt ta’ ħadd; pjuttost huma l-adulti fid-dmir li liċ-ċkejknin jgħinuhom jitrabbew f’ambjent ta’ familja.

L-Isqof Mario Grech apprezza x-xewqa li esprimiet l-President Marie-Louise Coleiro Preca, li jkun hemm aktar attenzjoni mill-awtoritajiet biex l-addozzjoni tkun dejjem fl-aħjar interess tat-tfal.

l_isqof-grech-fi-zjara-lill-president-ta-malta.jpg

Ritratti: DOI

Iċċelebrata t-Tifkira Devozzjonali ta’ Marija Addolorata

Omelija fit-Tifkira Devozzjonali ta’ Marija Addolorata
Il-Ġimgħa 11 ta’ April 2014
Pjazza Indipendenza, il-Belt Victoria, Għawdex
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ID-DULURI QUDDIEM IL-BNIEDEM MINGHAJR ALLA

img_2898.JPG

Id-duluri tal-Madonna kienu ta’ diversi għamliet; illum nixtieq nikkontemplaha f’aspett partikulari: meta hija tara li l-bniedem qatel lil Kristu, id-duluri tagħha ma setgħux ikunu aktar profondi, għaliex tintebaħ li l-qtil ta’ Kristu kien ifisser il-qerda tal-bniedem.  Fil-fatt, meta l-bniedem iwarrab lil Alla minn ħajtu, jasal biex jagħmel ħsara lilu nnifsu: mewwet lil Alla u tkun tmewwet lilek innifsek!

Fil-fatt id-duluri ta’ Marija tkattru meta hija fehmet li l-qerda ta’ Ġesù fuq is-salib kienet temmet ħesrem il-missjoni tiegħu li kienet missjoni favur il-bniedem.  Fil-Vanġelu naqraw li Ġesù kien jgħaddi mit-toroq tal-Galilija jipprietka, ifejjaq u jagħmel il-ġid.  Għalhekk mat-temma tal-mixja ta’ Kristu fit-toroq tal-umanità, Marija rat li ġiet fit-tmiem l-esperjenza li Alla jrid jagħmel mal-bniedem tat-triq.  Marija tħoss għall-bniedem li bil-mewt ta’ Kristu, tilef sieħeb fidil tiegħu.

Wieqfa ħdejn is-salib, Marija ġġarrab id-dulur għaliex tara li hekk ġiet imsikkta dik il-vuċi li mhux biss kienet titkellem dwar il-qdusija, it-tjubija u l-kobor ta’ Alla, imma kienet titkellem ukoll dwar il-qdusija, it-tjubija u l-kobor tal-bniedem.  Għalhekk fuq is-salib, Marija tara li kien immutat dak il-“leħen” li seta’ għamel differenza fil-ħajja tagħna l-bnedmin – leħen li kien jitkellem is-sewwa u jiddefendi dak li huwa ġust. Continue reading >>

Messaġġ tal-Papa għal Jum iż-Żgħażagħ

Niżżel kopja tal-Messaġġ tal-Papa minn hawn: messagg-jum-iz-zghazagh-2014.pdf

Mons. Isqof Mario Grech imexxi quddiesa f’San Ġakbu

Omelija lejlet il-Festa ta’ Marija Addolorata
Knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ħamis 10 ta’ April 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-QALB IMĊARRTA TAD-DULURI

img_2901.JPG

Normalment l-arti dejjem tippreżenta lill-Addolorata bis-sejf jinfdilha qalbha.  Dan id-dettall huwa rifless tal-kliem li Xmun kien qal lil Marija meta ppreżentat lil Ġesù fit-Tempju: “Sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:35).

Ħafna drabi dan is-“sejf” huwa mfisser bħala sinjal tad-duluri li ġarrbet il-Madonna meta rat lil Binha Ġesù maħqur, imsallab u maqtul.  Forsi għalhekk ukoll ħafna huma devoti tad-Duluri: għax aħna li ngħaddu minn waqtiet ta’ dulur, nilmħu fl-Addolorata dik li nistgħu nidentifikaw ruħna magħha!

Imma dan is-sejf għandu tifsira oħra: huwa dak li jiftaħ ktieb il-qalb ta’ Marija.  Billi Marija laqgħet il-Kelma ta’ Alla, li “taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar” (Lhud 4:12), din il-Kelma ċarrtitilha qalbha beraħ mhux biss biex tagħmel il-wisa’ għal Alla, imma wkoll biex tkun tista’ tilqa’ fiha lil kull bniedem.  Il-Kelma li perrċitilha qalbha kienet waħda mis-seba’ kelmiet li Kristu qal fuq is-salib, propju meta filwaqt li wrieha lil Ġwanni, qalilha: “Hawn hu ibnek”!  Malli Ġesù lissen din il-kelma, il-qalb ta’ Marija ma setgħetx tibqa’ magħluqa imma nfetħet biex verament tkun Omm ta’ kulħadd. Continue reading >>

Bullettin tal-Ħadd - 13 ta’ April 2014

Niżżel kopja tal-Bullettin minn hawn:

bullettin-2014-april-13.jpg

Ippubblikat ir-Rapport tal-Kummissjoni Djoċesana għall-Integrazzjoni tal-Immigranti f’Għawdex

Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tippubblika Rapport tal-Kummissjoni għall-Integrazzjoni tal-Immigranti f’Għawdex bħala parti mill-viżjoni tal-Knisja lokali għall-pastorali mal-immigranti u r-rifuġjati residenti fil-gżira. 

Id-dokument, imħejji minn Kummissjoni mmexxija minn Dun Manwel Cordina, ġie ppreżentat lill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech f’Novembru 2013 u wara li kien diskuss fil-Kunsill Pastorali Djoċesan, kien approvat mill-Kunsill Presbiterali tad-Djoċesi ta’ Għawdex nhar is-Sibt li għadda.  Fi kliem l-Isqof Grech, dan id-dokument importanti “huwa wieħed mill-ewwel passi sabiex jinfetaħ djalogu li jibni r-relazzjonijiet bejnna u bejn dawn ħutna”, u jwieġeb għas-sejħa tal-Papa Franġisku li l-Knisja tilħaq il-“periferiji” tas-soċjetà.

L-Isqof żied jisħaq li l-preżenza dejjem tikber ta’ immigranti u rifuġjati f’Għawdex, li bħalissa jammontaw għal madwar 400, tpoġġi quddiem il-Knisja l-ħtieġa li tifhem sew is-sitwazzjoni attwali, tindividwa u tindirizza tajjeb l-isfidi, sabiex il-proċess ta’ integrazzjoni jsir b’għaqal u jiswa biex il-laqgħa bejn il-kulturi differenti ma tkunx sempliċi tolleranza indifferenti imma djalogu fejn jiġu ppurifikati dawk l-elementi li jmorru kontra d-dinjità tal-persuna umana u d-drittijiet fundamentali tagħha.

Dan hu li jipprova jindirizza r-Rapport ta’ ħdax-il paġna li jġib l-isem “A Church that is Hospitable”: jitlaq minn analiżi tal-qagħda attwali tal-immigranti f’pajjiżna, biex imbagħad joffri strateġija effettiva għall-Knisja f’Għawdex quddiem din ir-realtà ‘ġdida’.  Jippromovi l-valuri tal-empatija u l-ħniena, l-ospitalità u l-ħbiberija, u s-solidarjetà bħala l-bażi għal proposta ta’ integrazzjoni bejn il-komunità Nisranija lokali u l-immigranti li jfittxu kenn f’Għawdex.

Il-Kummissjoni Djoċesana għall-Integrazzjoni tal-Immigranti f’Għawdex twaqqfet f’Awwissu 2013 fuq talba tal-Isqof Grech innifsu biex tagħtih rakkomandazzjonijiet fuq din it-tema.  Fir-Rapport imsemmi hi tirrikonoxxi d-diversi inizjattivi ta’ solidarjetà u karità evanġelika mal-immigranti li diġà jeżistu f’Għawdex, fost l-oħrajn fil-Caritas u f’parroċċa Għawdxija li stiednet il-membri tagħha ‘jadottaw’ familja jew persuna bi bżonnijiet partikulari.  Imma ssostni wkoll li l-Knisja għandha potenzjal wisq akbar li ssir aġent primarju ta’ integrazzjoni billi tħeġġeġ l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħha jieħdu aktar inizjattivi konkreti f’din il-missjoni umanitarja, fid-dawl ta’ pjan iktar organiku u kkordinat.

Fost l-inizjattivi ta’ servizz u sapport li jissemmew fir-Rapport, hemm it-twaqqif ta’ ċentru ta’ servizz għall-immigranti residenti f’Għawdex, korsijiet ta’ tagħlim għalihom u taħriġ lil tradutturi biex jiffaċilita l-komunikazzjoni, grupp konsultattiv li kontinwament jissapportja l-bżonnijiet tagħhom, u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet anki interkulturali li jippromovu l-inklużjoni soċjali f’kollaborazzjoni bejn parroċċi, kunsilli u entitajiet oħra konċernati.  Dan kollu, jissokta r-Rapport, irid isir fil-qafas tal-possibbiltajiet u r-riżorsi ta’ Djoċesi ċkejkna bħalma hi Għawdex.

Din l-inizjattiva hi f’linja mal-viżjoni li jipproponi l-Pjan Pastorali għad-Djoċesi ta’ Għawdex (2013-2016), li f’Nru 17 jgħid hekk: “Il-Knisja taħdem biex ikollna soċjetà aktar inklussiva, immarkata mhux biss mit-tolleranza imma fuq kollox mis-solidarjetà bejn il-persuni, bejn il-pajjiżi u bejn il-bnedmin…  Il-Knisja trid tagħraf issemma’ leħinha biex tiddefendi d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, fir-rispett tar-responsabbiltajiet politiċi u tal-liġijiet lokali u internazzjonali.  ‘Anki jekk il-Kattoliċi jistgħu ma jaqblux fil-limiti tal-ġustizzja dwar liema hu l-aħjar mod kif tiġi rriformata s-sistema tal-immigrazzjoni, bħala poplu ta’ fidi rridu naqblu bejnietna li ngħixu l-kmandament Bibliku li “nilqgħu l-barrani” u niddefendu d-dinjità mogħtija minn Alla lil kull persuna’.  Quddiem din l-isfida soċjali, kulturali u pastorali, il-Knisja f’Għawdex tħoss aktar minn qabel l-urġenza li tagħti sinjali konkreti, anki jekk żgħar, tal-attenzjoni pastorali tagħha lejn l-immigranti u r-refuġjati li jinsabu fil-gżira tagħna”.

Matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) li saret f’Malta f’Diċembru li għadda, bit-tema Il-pastorali mal-immigranti u r-rifuġjati fl-Ewropa, l-Isqof Grech, li hu wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, għamel riferenza għar-Rapport u qasam mal-Knejjes Ewropej il-ħidma siewja li qed titwettaq fid-Djoċesi Għawdxija favur dawn il-persuni li qed jaslu fi xtutna.

Niżżel kopja tar-rapport bl-Ingliż: report_to_bishop_of_gozo_by_the_commission_re_irregular_immigrants.pdf

Niżżel kopja fil-qosor tar-rapport: summary_of_cir_report.pdf

Mons. Isqof Grech jirrifletti dwar il-Kurċifiss

Dan hu t-test ta’ omelija li l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech għamel fil-festa tal-Kurċifiss fil-knisja tal-Franġiskani Minuri fil-Belt Valletta, nhar il-Ġimgħa 4 ta’ April 2014.

Ir-ritratt hu ta’ Kurċifiss, propjetà tan-nanniet tal-Isqof Grech, li dan l-aħħar ġie rregalat mill-familja tiegħu lis-Santwarju Ta’ Pinu.

DIRGĦAJNA MIFTUĦA BĦALL-KURĊIFISS

gesu-kurcifiss.jpg
Omelija fil-Festa ta’ Ġesù Kurċifiss
Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, il-Belt Valletta
Il-Ġimgħa 4 ta’ April 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

L-agħar tbatija li jista’ jġarrab il-bniedem mhix meta jkun taħt id-dafar tal-mard jew meta tagħfas fuqu t-tnalja tal-faqar, imma meta ma jkollu ebda ħajt tal-kenn, meta ma jsib ebda widna lesta biex tisma’ l-karba tiegħu, meta ma jsib ebda qalb tal-laħam li tħobbu.  Fi kliem ieħor, id-deżolazzjoni u s-solitudni huma esperjenzi tassew wegħrin.  Mhemmx faraġ għal min huwa fiżikament, emozzjonalment jew spiritwalment magħkus, u li minflok ma jsib dirgħajn li jħaddnuh, isib lil min jiskartah jew ibarrih; minflok ma jsib li min jixxuttalu d-demgħat minn fuq ħaddejh, isib lil min ikompli jaqsamlu qalbu.

Kulħadd għandu s-salib tiegħu.  Billi xi drabi naħbtu ser nogħtru għax inħossu s-salib jitqal jew għax il-forzi tagħna jonqsuna, ikollna bżonn taċ-Ċirinew li bid-dirgħajn ġolfi tiegħu jieħu t-toqol minn fuq spallejna u jserraħna.  Imma l-gwaj tal-lum huwa li ċ-Ċirinew sar rari ħafna!  Il-ħajja mgħaġġla tagħna ġabitna indifferenti u insensibbli għall-bżonnijiet ta’ xulxin u spiss jiġri li lanqas biss nintebħu li maġenbna stess hemm bniedem minxur mal-art taħt il-piż tas-salib u bil-ħarsa miksura tiegħu qed jitlobna niftħu dirgħajna biex, filwaqt li nserrħuh mit-toqol tal-piż tal-ħajja, inħaddnuh magħna.  Din it-tgħanniqa u t-tmellisa ta’ mħabba taf tistimula lil min hu mifni biex jerġa’ jiġbor l-enerġija tiegħu u jkompli l-mixja tal-ħajja. Continue reading >>

Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja ta’ Għammar

Ilbieraħ, il-Ħadd 6 ta’ April 2014, Mons. Isqof Mario Grech, akkumpanjat minn diversi familji, mexxa l-Via Sagra Djoċesana fuq l-Għolja ta’ Għammar.

“Il-kelma ta’ Ġesù tagħti l-ħajja lill-bniedem” – L-Isqof Grech

Il-Via Crucis Djoċesana fuq Ta’ Għammar bi ħsibijiet tal-Papa

“Il-kelma ta’ Ġesù mhix kelma li ssallab lill-bniedem, imma li tagħtih il-ħajja”.  Hekk qal l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fi tmiem il-Via Sagra Djoċesana li nżammet il-bieraħ il-Ħadd (6 ta’ April) filgħaxija fuq l-Għolja Ta’ Għammar, quddiem is-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex.

Il-meditazzjonijiet ta’ din is-sena kienu meħudin mid-diskorsi u l-omeliji tal-Papa Franġisku, u huma ppubblikati fi ktejjeb li jista’ jinkiseb mis-Santwarju.

Fil-mixja matul l-erbatax-il stazzjon tul it-triq li tieħu għal fuq l-għolja tant popolari mal-pellegrini, l-Isqof Grech kien akkumpanjat mill-kappillani Għawdxin u diversi familji, rappreżentanti tal-parroċċi, flimkien ma’ għadd ta’ saċerdoti u Nsara tad-Djoċesi.  L-istatwi tal-irħam li jirrappreżentaw il-mixja tat-tbatija li Ġesù mexa lejn il-Kalvarju għall-okkażjoni kienu mixgħula bi dwal differenti.  Il-qari tal-meditazzjonijiet kien jalterna ma’ kant mill-Kor Stella Maris (dir. Carmel P. Grech) u mill-kantant popolari Mario Caruana.

F’talba spontanja qabel ta l-Barka Ewkaristika fi tmiem il-Via Crucis, l-Isqof Grech talab biex il-Kelma Msallba – b’riferenza għal Kristu – issib fina art tajba f’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa li ġejjin fuqna ħalli, kif jgħid l-Appostlu Pawlu, aħna wkoll insiru kelma miktuba fiż-żmien tal-lum.  “Inkella bħala Knisja nirriskjaw li l-kliem tagħna jibqa’ vojt u rħis u ma jolqotx il-qlub”, temm jgħid l-Isqof.

Il-Via Sagra kienet imxandra dirett fuq Radju Marija u rrekordjata wkoll minn stazzjon tat-televiżjoni lokali.

Ritratti: Joseph Xuereb
viasagra2014-img_8523.jpg

viasagra2014-img_8554.jpg

viasagra2014-img_8576.jpg

viasagra2014-img_8655.jpg