“Nixtequkom tħarsu lejna u taraw lil Kristu għaddej”
Knisja Katidrali - Il-Ħamis 17 ta’ April 2014
“Ħallu l-ħarsa ta’ Ġesù tistrieħ fuqkom”. Dan kien l-appell li għamel dal-għodu l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut fil-Katidral ta’ Għawdex. Mal-Isqof ikkonċelebraw il-Kappillani Għawdxin kif ukoll ġemgħa sabiħa ta’ saċerdoti mid-Djoċesi li din is-sena qed tagħlaq 150 sena.
L-Isqof bena r-riflessjoni tiegħu fuq il-ġrajja tas-Sinagoga ta’ Nazaret li l-Knisja tħabbar fil-Vanġelu ta’ dal-għodu (Lq 4), ċelebrazzjoni li fiha l-kleru u l-poplu Nisrani tal-Knisja lokali jinġabru madwar l-Isqof tagħhom. Hu qal li ħarsitna m’għandhiex tkun fil-baħħ imma msammra fuq Ġesù Kristu, li fil-Vanġeli spiss insibuh jixħet ħarsa ta’ mħabba fuq bosta persuni, fosthom Xmun Pietru u ż-żagħżugħ għani. Fis-Sinagoga ta’ Nazareth, wara li qara mill-Profeta Isaija, in-nies sammru għajnejhom fuq Ġesù. “X’inhu li raw fih?”, staqsa l-Isqof, waqt li silet xi riflessjonijiet li japplikaw għas-saċerdoti f’jum is-Saċerdozju Kattoliku.
Qabel xejn in-nies ta’ Nazaret sammru ħarsithom fuq Ġesù għax raw fih bniedem attent għall-Kelma li kien kapaċi jagħti interpretazzjoni innovattiva lil dak li kien miktub dwaru fil-Profeta Isaija u għex il-Kelma f’ħajtu. Fis-saċerdozju, tenna l-Isqof, hemm bżonn inħallu warajna dawk l-affarijiet l-oħra li nagħmlu biex mingħalina nattiraw in-nies lejna, u aktar nikkonċentraw fuq il-Kelma, b’ħila li nagħtuha interpretazzjoni innovattiva, flok sempliċement nirrepetuha bħal pappagall. Din hi l-koerenza fil-ministeru saċerdotali.
In-nies sammret ħarsitha fuq Ġesù, għax ratu jissieħeb mal-foqra u l-maħqurin. Is-saċerdot hu msejjaħ jagħmel tiegħu l-weġgħat tan-nies, mimli mħabba u lest għall-azzjoni favur il-fqir, min qed ibati jew hu marid.
Fil-Vanġelu Ġesù jidher jippreżenta saċerdozju ġdid tal-Patt. Dak li jiddistingwi dan is-saċerdozju minn dak antik hu li Ġesù ma joffrix oġġetti u annimali, imma lilu nnifsu, li hu Saċerdot u Vittma fl-istess ħin. Kif jgħidilna Pawlu fl-Ittra lir-Rumani, is-saċerdoti wkoll iridu joffru ġisimhom “b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla” (12:1). L-Isqof hawn fakkar fil-wegħdiet saċerdotali, li huma sfida kull darba li f’dan il-jum jiġi biex iġeddidhom: iċ-ċelibat bħala l-għotja sħiħa lil Alla u l-poplu tiegħu, u l-ubbidjenza. Fakkar li s-saċerdozju ġdid ta’ Kristu, aktar milli attiviżmu, hu ħajja mogħtija, u dan hu li jisraq il-ħarsa tal-poplu tal-lum.
Fl-aħħar nett, Ġesù ma jippreżentax ruħu bħala l-Messija mistenni jġib il-vendetta ta’ Alla. Anzi, jekk xejn, hu jġib il-“vendetta ta’ l-imħabba”. Kif jikteb Isaija, “qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx”. Din hi l-liġi ġdida ta’ l-imħabba, u s-saċerdot tal-Patt il-ġdid hu propju dak li jaf jitkellem b’awtorità imma bi mħabba fl-istess ħin. M’għandniex nimxu b’atteġġjament ta’ kundanna kontra s-soċjetà, kif forsi jistennew minna xi wħud, qal l-Isqof lis-saċerdoti, imma bħal Kristu rridu niftħu jdejna biex inħaddnu lil kulħadd. Kienet ukoll din l-id mimlija ħniena li qanqlet il-kurżità tan-nies miġbura fis-Sinagoga ta’ Nazareth.
Kristu għandu ħarstu tistrieħ fuqna. “Aħna wkoll”, żied l-Isqof, “ejjew insammru ħarsitna fuq Ġesù”. Dan jissarraf f’adorazzjoni silenzjuża, li biha nikbru fl-għarfien ta’ l-imħabba ta’ Alla. Kif jgħid l-għaref San Rikkardu ta’ San Vitor, “amare videre est – l-imħabba hi l-għajn li biha naraw id-dinja, u jekk int tħobb, int qed tara!”. Irridu nħobbuH lill-Mulej biex nistgħu nagħrfuh tassew.
L-Isqof temm l-omelija tiegħu billi eżorta lill-poplu biex jitlob għas-saċerdoti ħalli l-ħarsa ta’ Kristu tistrieħ fuqhom u fil-qalb tagħhom isammru ħaristhom fuqu, biex jikbru fix-xebh tagħhom mal-Mulej. “Nixtequkom tħarsu lejna u taraw lil Kristu għaddej mit-toroq tagħna”, esprima l-Isqof, waqt li anki lill-abbatini u tfal tal-Griżma preżenti ħeġġiġhom: “Il-lum ukoll Ġesù għaddej minn fostna u jista’ jkun li qed isejħilkom timxu warajh. Tgħaxxqu bil-ġmiel tiegħu”.