Iċ-Child Care Centre kien miftuħ xi snin ilu bl-inizjattiva tal-Caritas Djoċesana fil-Kumpless tal-Konservatorju tal-Isqof f’Victoria Għawdex. Snin wara, f’dan l-istess kumpless tad-Djoċesi fetħet l-ewwel l-iskola primarja u iktar tard l-iskola sekondarja li jġibu l-istess isem.
Xi snin ilu nġibdet l-attenzjoni mill-Awtoritajiet Ċivili lill-amministrazzjoni djoċesana t’Għawdex li, minħabba direttivi ġodda marbuta mat-tmexxija ta’ child care centres, il-lokal imsemmi kellu bżonn upgrading kemm fl-istruttura kif ukoll fil-personell. Biex dan iċ-ċentru seta’ jibqa’ jiffunzjona, ġejna mitluba nkunu konformi ma’ dawn id-direttivi. Dan kien jinvolvi li jinstabu mezzi finanzjari sostanzjali apposta.
Peress li bħalissa għaddejjin minn fażi tat-tkabbir urġenti tal-iskola sekondarja minħabba eżigenzi ġodda u numru akbar ta’ studenti li jinsab fl-istess Kumpless, għandha bżonn dan l-ispazju li bħalissa qed jokkupa iċ-Child Care Centre.
Hija prijorità tad-Djoċesi li tiggarantixxi l-obbligi finanzjari tal-espansjoni kemm tal-iskejjel sekondarji tal-Konservatorju kif ukoll dik tas-Seminarju. Minbarra dan, huwa dmir tad-Djoċesi li tkompli tiffinanzja s-self li sar biex jiġu żviluppati dawn l-iskejjel sekondarji tagħha.
Xi xhur ilu tħabbar ukoll li l-Gvern se jiftaħ child care centre fil-viċinanzi taċ-Child Care Centre tal-Konservatorju.
Fid-dawl ta’ dan kollu, id-Djoċesi mhix f’pożizzjoni li tkompli bis-servizzi ta’ dan iċ-Ċentru.