Mons. Isqof Mario Grech imexxi quddiesa f’San Ġakbu

Omelija lejlet il-Festa ta’ Marija Addolorata
Knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Victoria, Għawdex
Il-Ħamis 10 ta’ April 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-QALB IMĊARRTA TAD-DULURI

img_2901.JPG

Normalment l-arti dejjem tippreżenta lill-Addolorata bis-sejf jinfdilha qalbha.  Dan id-dettall huwa rifless tal-kliem li Xmun kien qal lil Marija meta ppreżentat lil Ġesù fit-Tempju: “Sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2:35).

Ħafna drabi dan is-“sejf” huwa mfisser bħala sinjal tad-duluri li ġarrbet il-Madonna meta rat lil Binha Ġesù maħqur, imsallab u maqtul.  Forsi għalhekk ukoll ħafna huma devoti tad-Duluri: għax aħna li ngħaddu minn waqtiet ta’ dulur, nilmħu fl-Addolorata dik li nistgħu nidentifikaw ruħna magħha!

Imma dan is-sejf għandu tifsira oħra: huwa dak li jiftaħ ktieb il-qalb ta’ Marija.  Billi Marija laqgħet il-Kelma ta’ Alla, li “taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar” (Lhud 4:12), din il-Kelma ċarrtitilha qalbha beraħ mhux biss biex tagħmel il-wisa’ għal Alla, imma wkoll biex tkun tista’ tilqa’ fiha lil kull bniedem.  Il-Kelma li perrċitilha qalbha kienet waħda mis-seba’ kelmiet li Kristu qal fuq is-salib, propju meta filwaqt li wrieha lil Ġwanni, qalilha: “Hawn hu ibnek”!  Malli Ġesù lissen din il-kelma, il-qalb ta’ Marija ma setgħetx tibqa’ magħluqa imma nfetħet biex verament tkun Omm ta’ kulħadd.

Il-qawwa tas-sejf tiftaħ il-qalb materna ta’ Marija biex l-umanità kollha ssib il-kenn fiha.  Hemm post għal kull min jixtieq jistrieħ fil-qalb ta’ Marija.  Ħadd ma huwa żejjed jew eskluż.  Marija għandha qalbha maqsuma biex tilqa’ lill-kwieti u lill-imqarbin, lil dawk b’saħħithom u lid-dgħajfa, lis-sbieħ u lill-koroh, lill-qaddisin u lill-midinbin…  F’din il-qalb għandhom iħossuhom milqugħin kemm dawk li jimxu mill-qrib wara Ġesù, u kemm dawk li jsegwuh mill-bogħod.  Nemmen li saħansitra fil-qalb ta’ din l-Omm hemm riservat post anki għal min huwa nieqes mill-fidi.

Id-duluri ta’ Marija joktru jekk aħna nirrifjutaw l-istedina li hi tagħmlilna biex nistrieħu f’qalbha.  Jekk l-agħar tbatija li tista’ tgħaddi minnha l-omm hija meta tidfen lil xi ħadd minn uliedha, l-akbar dulur li jista’ jkollha Marija huwa meta xi ħadd minn uliedha jdawwar spallejh għal din l-offerta li qed tagħmel Marija jew meta xi ħadd jiddubita minn din l-imħabba tagħha.  Tkun xi tkun il-qagħda spiritwali tagħna, ħadd ma għandu jissuspetta li ma hemmx rokna għalih jew għaliha fil-qalb ta’ Marija minfuda bis-sejf.

Meta nqisu li Marija hija x-xbieha tal-Knisja, fil-qalb miftuħa tagħha għandna l-mudell ta’ kif għandha tkun il-qalb tal-komunità Nisranija: qalb imberrħa li fiha hemm post għal dawk kollha ta’ rieda tajba.  Knisja li żżomm qalbha magħluqa għal xi ħadd jew għal xi kategorija,  mhix il-Knisja ta’ Ġesù Kristu.  Komunità ekkleżjali li għandha qalb iebsa, ifisser li tkun għadha ma għamlitx esperjenza tal-Kelma ta’ Alla li fi kliem San Pawl hija “xabla tal-Ispirtu s-Santu” (Efes 6:17).  Ma nistgħux nippermettu li xi ħadd jersaq lejn il-Knisja u jieħu l-impressjoni li hija Knisja b’qalb tant żgħira li jkollha tbarrih.  Aktar u aktar hemm bżonn ngħassu fuqna nfusna li ma nkunux ħtija li xi ħadd jaħseb li aħna Knisja bla qalb!  Għalhekk il-komunità Nisranija għandu jkollha qalb kbira li tilqa’ wkoll lil min għandu lbies imdennes; hija l-esperjenza li wieħed jagħmel fil-qalb materna ta’ Marija u tal-Knisja, li taf twassal biex il-ħwejjeġ imdennsa jsiru ta’ bjuda li tgħammex!  F’din il-qalb ma hemm ħadd li għandu jħossu “barrani”.

Nitolbu lil Marija Addolorata tgħinna nkunu konvinti li fil-qalb tagħha maqsuma bis-sejf  hemm kenn għal kulħadd; nitolbuha wkoll tieqaf magħna biex ilkoll nagħtu sehemna ħalli l-Knisja tagħna tidher aktar li hija omm b’qalb kbira li toffri faraġ lil min hu qalbu tqila jew għajjiena.

Ritrati: RAymond Bezzina