- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Ippubblikat ir-Rapport tal-Kummissjoni Djoċesana għall-Integrazzjoni tal-Immigranti f’Għawdex

Posted By admin On April 11, 2014 @ 12:00 pm In Press Releases, Uncategorized | Comments Disabled

Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tippubblika Rapport tal-Kummissjoni għall-Integrazzjoni tal-Immigranti f’Għawdex bħala parti mill-viżjoni tal-Knisja lokali għall-pastorali mal-immigranti u r-rifuġjati residenti fil-gżira. 

Id-dokument, imħejji minn Kummissjoni mmexxija minn Dun Manwel Cordina, ġie ppreżentat lill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech f’Novembru 2013 u wara li kien diskuss fil-Kunsill Pastorali Djoċesan, kien approvat mill-Kunsill Presbiterali tad-Djoċesi ta’ Għawdex nhar is-Sibt li għadda.  Fi kliem l-Isqof Grech, dan id-dokument importanti “huwa wieħed mill-ewwel passi sabiex jinfetaħ djalogu li jibni r-relazzjonijiet bejnna u bejn dawn ħutna”, u jwieġeb għas-sejħa tal-Papa Franġisku li l-Knisja tilħaq il-“periferiji” tas-soċjetà.

L-Isqof żied jisħaq li l-preżenza dejjem tikber ta’ immigranti u rifuġjati f’Għawdex, li bħalissa jammontaw għal madwar 400, tpoġġi quddiem il-Knisja l-ħtieġa li tifhem sew is-sitwazzjoni attwali, tindividwa u tindirizza tajjeb l-isfidi, sabiex il-proċess ta’ integrazzjoni jsir b’għaqal u jiswa biex il-laqgħa bejn il-kulturi differenti ma tkunx sempliċi tolleranza indifferenti imma djalogu fejn jiġu ppurifikati dawk l-elementi li jmorru kontra d-dinjità tal-persuna umana u d-drittijiet fundamentali tagħha.

Dan hu li jipprova jindirizza r-Rapport ta’ ħdax-il paġna li jġib l-isem “A Church that is Hospitable”: jitlaq minn analiżi tal-qagħda attwali tal-immigranti f’pajjiżna, biex imbagħad joffri strateġija effettiva għall-Knisja f’Għawdex quddiem din ir-realtà ‘ġdida’.  Jippromovi l-valuri tal-empatija u l-ħniena, l-ospitalità u l-ħbiberija, u s-solidarjetà bħala l-bażi għal proposta ta’ integrazzjoni bejn il-komunità Nisranija lokali u l-immigranti li jfittxu kenn f’Għawdex.

Il-Kummissjoni Djoċesana għall-Integrazzjoni tal-Immigranti f’Għawdex twaqqfet f’Awwissu 2013 fuq talba tal-Isqof Grech innifsu biex tagħtih rakkomandazzjonijiet fuq din it-tema.  Fir-Rapport imsemmi hi tirrikonoxxi d-diversi inizjattivi ta’ solidarjetà u karità evanġelika mal-immigranti li diġà jeżistu f’Għawdex, fost l-oħrajn fil-Caritas u f’parroċċa Għawdxija li stiednet il-membri tagħha ‘jadottaw’ familja jew persuna bi bżonnijiet partikulari.  Imma ssostni wkoll li l-Knisja għandha potenzjal wisq akbar li ssir aġent primarju ta’ integrazzjoni billi tħeġġeġ l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħha jieħdu aktar inizjattivi konkreti f’din il-missjoni umanitarja, fid-dawl ta’ pjan iktar organiku u kkordinat.

Fost l-inizjattivi ta’ servizz u sapport li jissemmew fir-Rapport, hemm it-twaqqif ta’ ċentru ta’ servizz għall-immigranti residenti f’Għawdex, korsijiet ta’ tagħlim għalihom u taħriġ lil tradutturi biex jiffaċilita l-komunikazzjoni, grupp konsultattiv li kontinwament jissapportja l-bżonnijiet tagħhom, u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet anki interkulturali li jippromovu l-inklużjoni soċjali f’kollaborazzjoni bejn parroċċi, kunsilli u entitajiet oħra konċernati.  Dan kollu, jissokta r-Rapport, irid isir fil-qafas tal-possibbiltajiet u r-riżorsi ta’ Djoċesi ċkejkna bħalma hi Għawdex.

Din l-inizjattiva hi f’linja mal-viżjoni li jipproponi l-Pjan Pastorali għad-Djoċesi ta’ Għawdex (2013-2016), li f’Nru 17 jgħid hekk: “Il-Knisja taħdem biex ikollna soċjetà aktar inklussiva, immarkata mhux biss mit-tolleranza imma fuq kollox mis-solidarjetà bejn il-persuni, bejn il-pajjiżi u bejn il-bnedmin…  Il-Knisja trid tagħraf issemma’ leħinha biex tiddefendi d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, fir-rispett tar-responsabbiltajiet politiċi u tal-liġijiet lokali u internazzjonali.  ‘Anki jekk il-Kattoliċi jistgħu ma jaqblux fil-limiti tal-ġustizzja dwar liema hu l-aħjar mod kif tiġi rriformata s-sistema tal-immigrazzjoni, bħala poplu ta’ fidi rridu naqblu bejnietna li ngħixu l-kmandament Bibliku li “nilqgħu l-barrani” u niddefendu d-dinjità mogħtija minn Alla lil kull persuna’.  Quddiem din l-isfida soċjali, kulturali u pastorali, il-Knisja f’Għawdex tħoss aktar minn qabel l-urġenza li tagħti sinjali konkreti, anki jekk żgħar, tal-attenzjoni pastorali tagħha lejn l-immigranti u r-refuġjati li jinsabu fil-gżira tagħna”.

Matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) li saret f’Malta f’Diċembru li għadda, bit-tema Il-pastorali mal-immigranti u r-rifuġjati fl-Ewropa, l-Isqof Grech, li hu wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, għamel riferenza għar-Rapport u qasam mal-Knejjes Ewropej il-ħidma siewja li qed titwettaq fid-Djoċesi Għawdxija favur dawn il-persuni li qed jaslu fi xtutna.

Niżżel kopja tar-rapport bl-Ingliż: [1] report_to_bishop_of_gozo_by_the_commission_re_irregular_immigrants.pdf

Niżżel kopja fil-qosor tar-rapport: [2] summary_of_cir_report.pdf


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/04/11/ippubblikat-ir-rapport-tal-kummissjoni-djocesana-ghall-integrazzjoni-tal-immigranti-f%e2%80%99ghawdex/

URLs in this post:
[1] report_to_bishop_of_gozo_by_the_commission_re_irregular_immigrants.pdf: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/04/report_to_bishop_of_gozo_by_the_commission_re_irre
gular_immigrants.pdf

[2] summary_of_cir_report.pdf: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/04/summary_of_cir_report.pdf

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.