Archive for February, 2014

SOTTOMISSJONIJIET MGĦODDIJA LILL-MEPA DWAR ID-DOKUMENT PROPOST: FIREWORKS FACTORY COMPLEXES

fireworks.jpgIl-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tinnota b’sodisfazzjon il-prijorità li d-dokument Fireworks Factory Complexes maħruġ mill-MEPA jagħti lis-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min jista’ jkun involut kemm direttament kif ukoll indirettament f’dan il-kamp. Hija ssostni li għandu jiġi stabbilit in-numru ta’ kmamar tan-nar ġodda li jiflaħ pajjiżna, u jiġi aċċertat li s-siti li fihom jinbnew ma jsirx żvilupp ieħor fihom. Il-KA taqbel li kull applikazzjoni għandha tiġi diskussa fuq il-merti tagħha u li ma tistax tinforza soluzzjoni waħda għall-każijiet kollha. Iżda tinkwieta li, minkejja li fil-prinċipju dan ikollu għan tajjeb, spiss jispiċċa jintuża ħażin minn min ikollu intenzjonijiet ħżiena. Għalhekk, għas-sigurtà ta’ kulħadd, għandhom jiġu ippubblikati linji gwida ċari li jirregolaw id-disinn u kull żvilupp marbut mal-bini jew l-immodernizzar tal-kmamar tan-nar.

Dwar il-kumitat ad hoc, wieħed jittama li dan ikun magħmul min-nies tekniċi b’għarfien tajjeb tal-aspetti kollha relatati mal-qasam pirotekniku. Fuq kollox, ir-responsabiltà regolatorja ta’ dan il-kumitat (u tal-MEPA) ma tiqafx mal-ħruġ tal-permess. Bħal f’kull qasam ieħor, xejn ma jaħdem sew mingħajr infurzar tar-regolamenti. Hawnhekk, il-KA issemmi l-kontrolli fuq il-provvista tal-perklorat li jintuża fil-manifattura tan-nar. Il-ħtieġa tal-kontroll tal-eċċessi hija urġenti daqs in-nuqqas ta’ kmamar. Dan jgħin sabiex jonqsu mhux biss il-periklu u l-iskala tad-devastazzjoni meta jseħħ xi inċident, imma wkoll it-tniġġis ambjentali u l-impatti negattivi fuq is-saħħa.

Il-KA tikkonkludi billi tinsisti fuq il-ħtieġa ta’ edukazzjoni formattiva li tgħin biex jiġu żviluppati l-attitudnijiet u l-valuri li jwasslu għal bidla fl-imġiba u l-operat ta’ min jikseb il-liċenzja. Importanti wkoll li jingħata taħriġ fl-immaniġġjar tal-kmamar tan-nar. Fl-aħħarnett, il-KA tawgura li tidħol mentalità ta’ riċerka anke f’dan il-qasam, u tħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati biex jiffaċilitaw ftehim ma’ pajjiżi u/jew organizzazzjonijiet li joffru għajnuna f’dan ir-rigward.

Għall-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent dan id-dokument huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, u tittama li titkattar il-ħidma sabiex l-industrija tal-piroteknika tkompli tiżviluppa permezz ta’ operat aktar responsabbli u sigur.

Niżżel id-dokument sħiħ minn hawn: 16-ka-fireworks-factory-complexes-mlt.pdf

Bullettin tal-Ħadd - 9 ta’ Frar 2014

Niżżel kopja tal-bullettin minn hawn:

bullettin-2014-frar9.jpg

Forum għall-Health Care Professionals

forum-ghall-health-care-professionals-2.jpg

forum-ghall-health-care-professionals-1.jpg

Ritratti: Photocity, Valletta

Dalgħodu fl-Isptar Mater Dei f’Tal-Qroqq inżamm Forum għall-Health Care Professionals organizzat mill-Kummissjoni ġdida Pastorali mal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa, fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għamel diskors bit-tema: Il-kura b’wiċċ uman.

IL-KURA B’WIĊĊ UMAN

Diskors tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
Forum għall-Health Care Professionals, Sptar Mater Dei, Tal-Qroqq
It-Tlieta 4 ta’ Frar 2014

Tkun għadek ma xriftx fl-Isptar Mater Dei meta mnifsejk jaħbtu jingħalqu għax tibda xxomm xamma partikulari – ir-riħa ta’ konċentrazzjoni umana.  Mixja mgħaġġla fis-swali tal-isptar iġġibna wiċċ imb’wiċċ mal-bniedem fl-awtentiċità tiegħu.  Kull sodda hija pedestall li jerfa’ l-bniedem, li għalkemm huwa mneżża’ mill-ġmiel artifiċjali u għeri mhux biss minn ħwejġu imma wkoll minn saħħtu, jibqa’ liebes id-dinjità umana tiegħu.  Anzi, il-mard mhux biss huwa kawża li twasslu biex jidħol l-isptar, imma jikxef ukoll il-verità, anki jekk iebsa, dwar il-bniedem: li l-bniedem iġorr natura umana dgħajfa li l-ħin kollu tgħajjat għall-imħabba.  Għalhekk, l-isptar huwa post ipprivileġġjat, kemm għax joffri l-kura medika, imma fuq kollox għax joffri l-ospitalità lil dawk li jkunu qed iġarrbu t-tbatija tad-dgħufija tal-ħajja.

Mhux b’kumbinazzjoni li etimoloġikament il-kelma sptar hija relatata mal-kelma ospitalità, fis-sens li l-isptar huwa dak il-post li joffri wiċċ, vuċi u ġesti li għandhom il-ħila jagħtu kura partikularment meta l-marda hija deġenerattiva, kronika, irriversibbli jew terminali.  L-isptar huwa dik l-istituzzjoni li toffri serħan il-moħħ liċ-ċittadin li jekk jimrad, ser isib min jilqgħu bħala persuna unika u rrepetibbli.  Dak l-isptar li mhux ospitabbli, mhuwiex sptar!  Naturalment l-ospitalità ma tiddependix mill-arkitettura jew mit-tiżjin, imma mill-operaturi sanitarji li huma r-ruħ umana tal-isptar.

Għaldaqstant, l-isfida ta’ kull istituzzjoni sanitarja mhix biss li teċċella f’dak li għandu x’jaqsam max-xjenza medika, imma wkoll li tkun istituzzjoni umana.  Għalhekk wieħed ma jistax ma japprezzax l-impenn tagħkom biex tkomplu tiżguraw li l-kura jkollha wiċċ uman.

Continue reading >>

Bullettin tal-Ħadd - 2 ta’ Frar 2014

Niżżel kopja tal-bullettin minn hawn:

bullettin-2014-frar2.jpg