- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Biex l-ulied jikbru f’adulti maturi b’identità ċara

Posted By admin On February 17, 2014 @ 12:56 pm In Press Releases | Comments Disabled

[1] dun-anton-teuma-premju-familja-qalb-tad-deheb-2014.JPG

Diskors ta’ Dun Anton Teuma, Direttur taċ-Ċentru tal-Familja Ġwanni Pawlu II, fl-okkażjoni taċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju ‘Qalb tad-Deheb’ li saret il-bierah, 15 ta’ Frar 2014  (Victoria).

Eċċellenza Dr. George Abela, Eċċellenza Mons. Isqof Mario Grech, Onorevoli ministri u membri parlamentari, saċerdoti, membri tal-Bord tal-Għażla, Familja Attard, sinjuri.

M’hemmx taħt il-kappa tax-xemx imħabba u rabta ikbar minn dik ta’ bejn l-omm u l-ulied tagħha. Alla jinseġ l-ulied fil-ġuf tal-omm u permezz tal-omm għal 9 xhur sħaħ, sakemm dawn ikunu lesti li joħorġu għad-dawl u mbagħad, bil-mod il-mod, jinqatgħu minnha l-ewwel fiżikament, imbagħad psikoloġikament. Fi kliem Freud, ma jibqgħux  estensjoni tagħha, biċċa minnha, imma jsiru persuni separati b’individwalità u b’personalità awtonoma.

Il-psikologu Antoine Vergote ikompli jiżviluppa dan il-ħsieb ta’ Freud u jistqarr li l-bniedem ikun tassew matur meta jifforma identità, fi kliem ieħor meta jkun jaf min hu verament, isir sid ta’ ħajtu u jkun kapaċi jiddeċiedi għalih innifsu, u meta jkun kapaċi jħobb tassew u jidħol f’intimità.

Hekk jiġrilu kull bniedem adult u matur. Wara li joħroġ mill-ġuf, jibda proċess ta’ separazzjoni sana minn ommu, separazzjoni li tilħaq il-qofol tagħha meta l-iben adult joħroġ mid-dar  (li mhix għajr il-ġuf psikoloġiku) u jkun kapaċi jfendi għal rasu. Meta l-bniedem ikollu identità u jkun kapaċi jiddeċiedi għalih innifsu, fi kliem ieħor meta jkun sostanzjalment liberu… dakinhar ikun kapaċi jħobb tassew!

Kernberg, psikologu Amerikan, konvint li jekk l-iben jibqa’ mwaħħal mal-omm u jibqa’ jqisha bħala sempliċi estensjoni tiegħu, it-tifel ma jkunx kapaċi jħobb tassew! Dan minħabba li ma jkollux identità propja! L-imħabba tiegħu tkun sempliċement ħierġa mill-biża’ li jitlef biċċa minnu u mhux mil-libertà tal-għotja għall-ġid veru tal-persuna l-oħra!

Jekk qegħdin niċċelebraw l-għotja ta’ organu minn naħa tal-iben lil ommu, qegħdin niċċelebraw ukoll is-suċċess ta’ dan il-proċess ta’ maturità,  fi kliem il-psikologa Margareth Mahler, is-suċċess tal-proċess ta’ “separazzjoni u individwazzjoni.” Qegħdin niċċelebraw il-kapaċità ta’ mħabba vera li tagħti lilha nfisha għal min tħobb. “M’hemmx imħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 12). Il-kapaċità tal-imħabba vera tista’ tiġi minn identità ċara. Mingħajr identità ċara, ma jistax ikun hemm komunjoni, imma jkun hemm konfużjoni.

F’dan il-proċess ta’ separazzjoni bejn l-iben u ommu, huwa indispensabbli r-rwol tal-missier jew tal-figura maskili. Altea Horner, psikologa tar-relazzjonijiet oġġettwali, tistqarr li r-rwol tal-missier huwa fundamentali mhux biss għax hekk iddeċidiet in-natura, fi kliem ieħor għaliex l-iben hu frott il-fużjoni tal-ovum tal-omm mal-isperma tal-missier, imma għax hekk jitlob proċess ta’ żvilupp psikoloġiku san. Il-psikoloġi kollha tal-iżvilupp, ir-riċerkaturi serji jaqblu li mingħajr il-preżenza tal-figura maskili t-tifel isibha bi tqila ħafna li jinqata’ minn ommu, u għalhekk li jifforma identità proprja b’tali mod li jitgħallem iħobb verament. It-tifel, hu u jikber, jinduna li hu mhux bħal ommu; inkonxjament jagħraf li hu simili għal missieru u, filwaqt li jinfatam minn ommu,iħoss il-bżonn li jidentifika ruħu ma’ missieru. Fl-istess waqt it-tifel jinduna li meta jibni identità simili għal ta’ missieru, hu jista jħobb lil ommu kif ukoll il-persuna femminili b’mod sħiħ.

Skont Freud u l-psikanalisi kontemporanja, in-nuqqas ta’ preżenza attiva tal-missier jew ta’ figura maskili minfloku, iwassal għal diffikultà fil-formazzjoni tal-identità, u bħala konsegwenza diffikultà fil-maturità u fil-kapaċità vera tal-imħabba. Fi kliem Gudith Viorst, riċerkatriċi psikanalista u gurnalista Amerikana, il-missier għandu r-rwol importanti ta’ bennej li jkisser – jgħin lit-tifel jinfatam minn ommu u fl-istess waqt jgħinu jikber fl-identità tiegħu. L-istess proċess jgħodd għal bint, it-tifla. Il-figuri tal-ġenituri, omm u missier, huma neċessarji biex tidentifika ruħha ma’ ommha u titgħallem tħobb lil missierha, kif ukoll il-persuna maskili b’mod sħiħ.

Jekk aħna niddeċiedu li nintervenu f’dan il-proċess delikat, żgur li ma nkunux qegħdin nagħmluh għall-ġid veru tal-ulied! Allaħares qatt jekk nagħmluh sempliċement biex nissodisfaw bżonnijiet egoistiċi jew biex inħarsu drittijiet fittizji.

Li nippretendu li nistgħu niddeċiedu aħna liema hu l-ambjent li fih għandhom jikbru l-ulied hu nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ proċess naturali konsolidat. B’riferiment dirett għall-problematika li għaddejjin minnha bħalissa f’pajjiżna: min jaf jekk ir-rieda li niddelegaw missjoni bħal din lill-persuni b’orjentament omosesswali hix ġejja minn nuqqas ta’ kapaċità tagħna li naċċettawhom verament kif inhuma? u għalhekk nattribwulhom dak li mhux naturali għalihom? Min jaf jekk ix-xewqa ossessiva u inkontrollata ta’ wħud mill-koppji omosesswali li jkollhom l-ulied hix ġejja minn nuqqas ta’ aċċettazzjoni vera tagħhom infushom u tar-relazzjoni, u mix-xewqa li jkunu bħall-oħrajn? Min jaf jekk, almenu fuq livell emotiv, għal uħud minn dawn ħutna, l-ulied humiex meqjusa bħala sempliċi estensjoni, xi ħaġa li tkomplihom, xi ħaġa li tissodisfalhom il-bżonnijiet tagħhom?!

Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-iben jitrabba fl-ambjent naturali ta’ mħabba bejn raġel u mara li fiha tnissel bijoloġikament! Jew almenu f’ambjent simili għal dak naturali! Kull iben jgħix bin-nostalġija li jkun jaf fil-fond lil ommu u lil missieru li nissluh; anke l-ulied li twieldu u trabbew fl-ambjent tal-familja naturali li nisslithom! Aktar u aktar dawk li ma jitrabbewx fil-familja naturali tagħhom – din hi l-esperjenza ta’ kull min jadotta l-ulied!

Ejjew ma nħallux li xi wlied, mingħajr ħtija tagħhom u mingħajr ma jagħżlu huma, jiġu mċaħħda minn dan il-proċess naturali jew wieħed simili, li jgħinhom jikbru f’adulti maturi b’identità ċara u allura adulti kuntenti li kapaċi jħobbu mhux għalihom infushom imma primarjament għall-ġid tal-persuna maħbuba.

Dan jiddependi minna: fejn irridu nieħdu s-soċjetà tagħna; jekk irridux nibnuha fuq il-bżonnijiet egoistiċi, fuq il-konvenjenzi u l-opportuniżmi ekonomiċi jew politiċi tal-mument; jew jekk irridux inkomplu nibnuha fuq il-pjanta oriġinali tagħha mogħtija lilna min-natura nfisha.

Jalla nfittxu dejjem iktar dak li hu naturali, kif qed nippruvaw nagħmlu fejn jidħol l-ikel san ħieles mill-mediċinali u minn modifiki ġenetiċi, kif qed nippruvaw inħarsu l-ambjent naturali ta’ pajjiżna. Qegħdin nippruvaw inħallu n-natura kif inhi, f’ħafna aspetti tagħha… jalla ma nkomplux imbagħbsu fin-natura tal-bniedem innifsu!


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2014/02/17/biex-l-ulied-jikbru-f%e2%80%99adulti-maturi-b%e2%80%99identita-cara/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/uploads/2014/02/dun-anton-teuma-premju-familja-qalb-tad-deheb-2014
.JPG

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.